95. L-Ommijiet jaqsmu fix-Xogħol krejattiv ta’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 20/07/1994.

1. Minkejja li jinfetħu għall-mara spazji ta’ xogħol professjonali fis-soċjetà u ta’ apostolat fil-Knisja, xejn qatt ma jistà jekwalizza d-dinjità prominenti li tappartieni lilha minħabba l-maternità tagħha, meta din tingħex fid-dimensjonijiet kollha tagħha.

Naraw li Marija, mudell tal-mara, wettqet il-missjoni li għaliha kienet imsejħa fl-ekonomija tal-Inkarnazzjoni u tar-Redenzjoni fit-triq tal-maternità.

Fl-Ittra Apostolika Mulieris dignitatem (Ġwanni Pawlu II, Mulieris Dignitatem, n. 17), enfasizzajt li l-maternità ta’ Marija kienet assoċjata b’mod eċċezzjonali mal-verġinità tagħha, għalhekk hija hi l-mudell ukoll tan-nisa li jikkonsagraw il-verġinità tagħhom lil Alla. Meta nitrattaw il-ħajja kkonsagrata nistgħu nerġgħu lura fuq din it-tema tal-verġinità kkonsagrata lill-Mulej. Fil-katekeżi preżenti, waqt li nkomplu nikkunsidraw l-irwol tal-lajċi fil-Knisja, nixtieq pjuttost nieqaf fuq il-kontribut tal-mara lill-komunità umana u nisranija permezz tal-maternità.

Il-valur tal-maternità ġie mgħolli għall-grad l-iktar għoli f’Marija, Omm il-Verb-Alla etern, magħmul bniedem f’ġufha verġinali. Għal din il-maternità, Marija hija parti essenzjali tal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Barra minn hekk, għall-għaqda tagħha fis-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu, hija saret l-Omm tal- insara kollha u tal-bnedmin kollha. Ukoll taħt dan l-aspett jiddi l-valur attribwit, fil-pjan divin, lill-maternità, li jsib l-espressjoni singolari u sublimi tiegħu f’Marija, imma li jistà jidher rifless, minn dik il-quċċata suprema, f’kull maternità umana.

2. Qatt daqs illum, forsi, ma kien meħtieġ li wieħed jirrivaluta l-idea tal-maternità, li mhijiex konċepiment arkajku, appartenenti għaż-żminijiet mitoloġiċi taċ-ċiviltà. Minkejja li jistgħu jimmultiplikaw u jitwessgħu r-rwoli tal-mara, dak kollu fiha – fiżjoloġija, psikoloġija,drawwa kważi inerenti, sentiment morali, reliġjuż u saħansitra estetiku – jirrivela u jeżalta l-attitudni tagħha, il-kapaċità u l-missjoni li tiġġenera minnha nfiha esseri ġdid. Hija, iktar mir-raġel, hija maqtugħa għall-impenn ġenerattiv. Bis-saħħa tat-tqala u tat-twelid, hija iktar b’mod intimu marbuta mat-tarbija, iktar qrib tal-iżvilupp kollu tagħha, iktar b’mod immedjat responsabbli għat-trobbija tagħha, iktar b’mod qawwi parteċipi tal-ferħ tagħha, tan-niket tagħha, tar-riskju tagħha fil-ħajja. Ukoll jekk inhu minnu li d-dmir tal-omm għandu jkun ikkordinat mal-preżenza u r-responsabiltà tal-missier, hija l-mara li tiżvolġi r-rwol l-iktar importanti għall-bidu tal-ħajja ta’ kull esseri uman. Dan huwa rwol li fih tispikka karatteristika essenzjali tal-persuna umana, iddestinata mhux biex tibqà magħluqa fiha nfisha, imma biex tinfetaħ u tingħata lill-oħrajn. Da huwa li tiddikjara l-Kostituzzjoni Gaudium et spes, li skontha l-esseri uman “ma jistax isib lilu nnifsu għal kollox jekk mhux permezz tad-donazzjoni sinċiera tiegħu nnifsu” (Gaudium et Spes, n. 24). Tali orjentament lejn l-oħrajn huwa essenzjali għall-persuna a bażi tas-sors l-iktar għoli tal-karità trinitarja li minnha il-bniedem għandu oriġini. U l-maternità tippreżenta quċċata ta’ tali orjentament personalistiku u komunitarju.

3. Sfortunatament, ikollna nosservaw li l-valur tal-maternità kien oġġett ta’ kontestazzjoni u ta’ kritiki. Il-kobor li tradizzjonalment jiġi attribwit lilha kien ippreżentat bħala idea arretrata, fetiċiżmu soċjali. Mill-punt di vista antropoloġiku – etiku, hemm min iqisha bħala limitu impost fuq l-iżvilupp tal-personalità femminili, bħala restrizzjoni għal-libertà tal-mara u fuq ix-xewqa li tassumi u tiżvolġi attivitajiet oħra. Hekk bosta nisa jħossu lilhom infushom imbuttati biex jiċħdu l-maternità mhux għal raġunijiet oħra ta’ servizz u, fl-aħħar minn l-aħħar, ta’ maternità spiritwali, imma biex ikunu jistgħu jiddedikaw ruħhom għal xogħol professjonali. Bosta saħansitra jitolbu d-dritt li jrażżnu fihom il-ħajja ta’ tarbija permezz tal-abort, bħallikieku d-dritt li jippossiedu fuq ġisimhom jimplika dritt ta’ propjetà fuq it-tarbija kkonċepita. Li jekk xi ommijiet ippreferew jiffaċċjaw ir-riskju li jitilfu ħajjithom, hemm huma ġew akkużati b’ġenn u egoiżmu, u kien x’kien b’nuqqas ta’ progress kulturali.

Dawn huma aberrazzjonijiet li fihom jidhru l-effetti tal-biżà tat-tbegħid tal-ispirtu nisrani, li huwa kapaċi jiggarantixxi u li jibni mill-ġdid il-valuri umani.

4. Il-kunċett tal-personalità u tal-komunjoni umana li dak li jkun jassumi mill-Vanġelu ma jippermettix li tkun approvata ċ-ċaħda voluntarja għall-maternità għas-sempliċi xewqa li dak li jkun jikseb xi vantaġġi materjali jew xi sodisfazzjonijiet fl-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet. Dan jikkostitwixxi, infatti, tagħwiġ tal-personalità femminili, ddestinata għall-espansjoni naturali fil-maternità.

L-istess għaqda matrimonjali ma tistax tintemm f’egoiżmu għal tnejn:  l-imħabba li tgħaqqad lill-miżżewġin tfittex li tespandi ruħha fil-wild u biex issir imħabba tal-ġenituri għall-wild, bħal ma tixhed l-esperjenza ta’ tant koppji tas-sekli li għaddew u wkoll ta’ żminijietna: koppji li fil-frott ta’ mħabbithom sabu t-triq tar-rinforziment u tal-assestament u, f’ċerti każijiet, tal-irkuprar u tal-bidu mill-ġdid.

Mill-banda l-oħra, il-persuna tal-wild, ukoll fil-bidunett tal-konċepiment, diġa tgawdi minn drittijiet li għandhom jiġu rrispettati. It-tarbija mhijiex oġġett li bih l-omm tistà tagħmel li trid imma persuna li għaliha hija miżmuma li tiddedika ruħha, bis-sagrifiċċji kollha li l-maternità tinvolvi, imma wkoll bil-ferħ li din tqanqal (cf. Ġw 16, 21).

5. Ukoll fil-kondizzjonijiet psiko-soċjali tad-dinja kontemporanja, il-mara hija, mela, msejħa biex tagħraf sewwa l-valur tal-vokazzjoni tagħha għall-meternità, bħala asserzjoni tad-dinjità personali tagħha, bħala kapaċità u aċċettazzjoni tal-espansjoni tagħha f’ħajjiet ġodda, u, fid-dawl tejoloġiku, bħala sehem fl-attività ħallieqa ta’ Alla (cf. Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 18). Dan is-sehem huwa iktar qawwi fil-mara milli fir-raġel, minħabba r-rwol speċifiku tagħha fil-prokrejazzjoni. L-għarfien ta’ tali privileġġ jġiegħlu jgħid lil Eva, wara l-ewwel ħlas, kif naqraw fil-“Ktieb tal-Ġenesi: “Akkwistajt bniedem mill-Mulej” (Ġen4, 1). U, billi l-maternità hija kotribut għat-tifrix tal-ħajja per eċċellenza, fit-test bibbliku Eva tiġi msejħa “omm il-ħajjin kollha” (Ġen 3, 20). Dan it-titlu iġegħlna naħsbu fit-twettiq f’Eva – u f’kull omm – tax-xbiha ta’ Alla, li kif xandar Ġesù, “mhuwiex Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin” (Mk 12, 27).

Fid-dawl tar-rivelazzjoni bibblika u nisranija, il-maternità tidher bħala sehem fl-imħabba divina lejn il-bnedmin: imħabba li, skont il-Bibbja, għandha wkoll aspett matern ta’ simpatija u ta’ ħniena (cf.  49, 15; Dt 32, 11; Sal 86, 15; eċċ).

6. Maġemb il-maternità li teżerċita ruħha fil-familja, jeżistu tant forom oħra tal-għaġeb ta’ maternità spiritwali, mhux biss fil-ħajja kkonsagrata, li dwarha nitkellmu meta jasal il-waqt, imma wkoll fil-każijiet kollha li fihom naraw nisa mpenjati b’dedikazzjoni materna fir-rigward ta’ tfal orfni, morda, abbandunati; fir-rigward tal-foqra, tal-isventurati; fl-inizjattivi numerużi u opri mqanqla mill-karità nisranija. F’dawn il-każijiet jattwa ruħu b’mod manifiku il-prinċipju, fundamentali fil-pastorali tal-Knisja, tal-umanizzazzjoni lejn is-soċjetà kontemporanja. Verament “il-mara donnha li għandha sensibiltà speċifika, grazzi għall-esperjenza speċjali tal-maternità tagħha, għall-bniedem u għal dak kollu li jikkostitwixxi l-veru ġid tiegħu, ibda mill-valur fundamentali tal-ħajja” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 51). Mhuwiex mela esaġerat li niddefinixxu “post-muftieħ” dak li l-mara tokkupa fis-soċjetà u fil-Knisja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb