97. Il-Ħajja Miżżewġa hija mod veru ta’ Qdusija

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 03/08/1994.

1. Enfasizzajna r-rwol tal-mara fil-Knisja. Ovvjament, xejn inqas importanti huwa d-dmir tar-raġel.

Il-Knisja tinħtieġ il-kollaborazzjoni tat-tnejn għat-twettiq tal-missjoni tagħha. Il-qasam fundamentali li fih din il-kollaborazzjoni turi ruħha huwa fil-ħajja matrimonjali, il-familja, li hija “l-ewwel espressjoni oriġinarja tad-dimensjoni soċjali tal-persuna” (Ġwanni Pawlu II,Christifideles laici, 40).

Il-Konċilju Vatikan II, waqt li jagħraf “fid-diversi ġeneri tal-ħajja u fid-diversi uffiċċji qdusija unika: “Il-miżżewġin u l-ġenituri nsara, waqt li jsegwu triqthom, għandhom b’imħabba kostanti jsostnu lil xulxin fil-grazzja tul ħajjithom kollha, u jħarrġu fid-dutrina nisranija u fil-virtujiet evanġeliċi lil uliedhom li b’imħabba rċivew mingħand Alla. Hekk joffru lil kulħadd l-eżempju ta’ mħabba nstankabbli u ġeneruża, jibnu fraternita ta’ karità u jsiru x-xhieda u l-koperaturi tal-fertilità tal-Knisja omm, b’sinjal u f’sehem ta’ dik l-imħabba li biha Kristu ħabb l-għarusa tiegħu u ta lilu nnifsu għaliha” (Lumen gentium, 41).

Tnejn huma , mela, l-aspetti essenzjali tat-triq tal-koppja u tal-familja: il-qdusija fl-għaqda ta’ mħabba fidila, u l-qdusija fil-fertilità, bit-twettiq tad-dmir tal-edukazzjoni b’mod nisrani tal-ulied.

Illum irridu nirriflettu fuq it-triq tal-qdusija li hija propja tal-insara miżżewġin. Din hija triq importanti, imma llum mheżża mill-influss ta’ xi kurrenti tal-ħsieb, mitmugħa mill-edoniżmu rampanti fis-soċjetà kollha.

2. Naqbdu mill-ġdid dik l-istqarrija tal-Konċilju li skontha t-triq taż-żwieġ hija triq ta’ qdusija, għaliex hija ddestinata biex tkun “sinjal u sehem f’dik l-imħabba li biha Kristu ħabb lil għarustu u ta lilu nnifsu għaliha”.

Skont din il-viżjoni ekkleżjoloġika, l-imħabba ta’ Kristu hija sors u sies tal-imħabba li tgħaqqad l-għarajjes. Ikun aħjar li nenfasizzaw li din hija l-imħabba vera konjugali, u mhux biss impuls istintiv. Illum is-sesswalità hija spiss mgħollija sal-punt li jċajpar in-natura profonda tal-imħabba. Bla dubju, ukoll il-ħajja sesswali għandha valur reali propju, li ma jistax ikun sottovalutat, imma dan huwa valur limitat, li mhux biżżejjed biex isejjes l-għaqda matrimonjali, imserrħa min-natura tagħha fuq l-impenn totali tal-persuna. Kull psikoloġija u filosofija tal-imħabba b’saħħitha taqbel dwar dan il-punt. Ukoll id-duttrina nisranija tqiegħed fid-dawl il-kwalitajiet tal-imħabba unitiva tal-persuni, u tipproġetta fuqha dawl superjuri, waqt li tgħolliha – bis-saħħa tas-sagrament – għal-livell tal-grazzja u tal-komunikazzjoni tal-imħabba divina min-naħa ta’ Kristu. F’dan is-sens San Pawl jgħid dwar iż-żwieġ: “Dan il-misteru huwa kbir” (Ef 5, 32), fir-rigward ta’ Kristu u tal-Knisja. Dan il-misteru tejoloġiku huwa għan-nisrani fl-għerq tal-etika taż-żwieġ, tal-imħabba konjugali u tal-istess ħajja sesswali: “U intom ieġiel miżżewġa, ħobbu lin-nisa tagħkom bħal ma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25).

Il-grazzja u r-rabta sagramentali jagħmlu iva li, bħala sinjal u sehem tal-imħabba ta’ Kristu-Għarus, il-ħajja konjugali tkun, għall-għarajjes insara, it-triq tal-qdusija u, fl-istess ħin, għall-Knisja inċentiv effikaċi li jerġà jħeġġeġ il-komunjoni tal-imħabba li tikkaratterizzaha. Bħak ma jgħid il-Konċilju, il-miżżewġin “jibnu fraternità ta’ karità” (Lumen Gentium,  41).

3. Il-Konċilju jħabbar u jispjega l-esiġenzi ta’ din l-imħabba nobbli tal-miżżewġin insara. Waqt li jiddikjara li huma għandhom isostnu lil xulxin, jenfasizza l-karattru altruwistiku ta’ mħabbithom: imħabba li tikkonkretizza ruħha fis-sosten reċiproku u fid-dedikazzjoni ġeneruża. Waqt li jitkellem dwar “imħabba kostanti . . . għall-ħajja kollha”, il-Konċilju jiġbed l-attenzjoni fuq il-fedeltà bħala mpenn li jsejjes ruħu fuq il-fedeltà assoluta ta’ Kristu Għarus. Is-sejħa għal dan l-impenn, meħtieġ dejjem, huwa massimament quddiem waħda mill-ħsarat kbar tas-soċjetà kontemporanja, il-pjaga mferrxa tad-divorzji, bil-konsegwenzi gravi li jqanqlu kemm għall-għarajjes infushom u għal uliedhom. Bid-divorzju, ir-raġel u l-mara jimponu fuqhom infushom ferita profonda, minħabba li jmorru kontra kelmthom, billi jkunu kisru rabta vitali. Fl-istess ħin, jagħmlu ħsara lil uliedhom.  Dawn l-ulied isofru minħabba t-tluq ta’ wieħed mill-ġenituri! Hemm bżonn intennu lil kulħadd li Ġesù Kristu, bl-imħabba assolutament fidila tiegħu, jagħti lill-għarajjes insara l-qawwa tal-fedeltà u jirrendihom kapaċi jirreżistu għat-tentazzjoni, illum hekk imferrxa u seduċenti, tas-separazzjoni.

4. Hemm bżonn ukoll infakkru li, ladarba l-imħabba ta’ Kristu-Għarus lejn il-Knisja hija mħabba feddejja, l-imħabba tal-miżżewġin insara ssir sehem attiv tar-redenzjoni.

Ir-redenzjoni hija marbuta mas-Salib: u dan jgħinna nifhmu u nivvalorizzaw is-sinifikat tal-provi, li ba dubju mhumiex nieqsa fil-ħajja tal-koppja, imma li fil-pjan divin huma ddestinati biex isaħħu l-imħabba u jipprovdu fertilità ikbar lill-ħajja konjugali. Bogħod milli jwiegħed lis-segwaċi tiegħu li jintrabtu biż-żwieġ ġenna tal-art, Ġesù Kristu joffri lilhom il-possibiltà u l-vokazzjoni biex jimxu miegħu stess mixja li, permezz ta’ diffikultajiet u tbatijiet, iqawwi l-għaqda tagħhom u jwassalhom għal ferħ ikbar, kif tipprova l-esperjenza ta’ tant koppji nsara, ukoll fi żmienna.

5. Diġa t-twettiq tad-dmir prokrejattiv jikkontribwixxi għall-qdusija tal-ħajja konjugali, bħal ma osservajna fir-rigward tal-maternità: l-imħabba tal-miżżewġin, li ma tingħalaqx fuqha nfisha, imma skont l-impuls u l-liġi tan-natura tinfetaħ għal ħajjiet ġodda, issir, bil-għajnuna tal-grazzja divina, eżerċizzju ta’ karità qaddisa u santifikatriċi, li permezz tagħha l-miżżewġin jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-Knisja.

L-istess iseħħ fit-twettiq tad-dmir edukattiv, li huwa dmir marbut mal-istess prokrejazzjoni. Kif jgħid il-Konċilju Vatikan II, il-miżżewġin insara għandhom “jgħallmu d-dutrina nisranija u l-virtujiet evanġeliċi” (Lumen Gentium,  41) lil uliedhom. Dan huwa l-apostolat l-iktar essenzjali fil-qasam tal-familja. Din l-opra ta’ formazzjoni spiritwali u morali tal-ulied tqaddes fl-istess ħin lill-ġenituri, li jirċievu huma nfushom il-benefiċċju tat-tiġdid u tal-approfondiment tal-fidi tagħhom, bħala ma l-esperjenza tal-familji nsara spiss turi.

Mill-ġdid għal darb’oħra nistgħu nikkonkludu li l-ħajja konjugali hija triq ta’ qdusija u ta’ apostolat. Hekk din il-katekeżi sservi wkoll biex tapprofondixxi l-viżjoni tagħna tal-familja tant importanti f’din is-sena li hija għall-Knisja u għad-dinja s-Sena tal-Familja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading