101. L-Anzjani jistgħu jiddedikaw ruħhom lill-Komunità jew lill-Parroċċa


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 07/09/1994.

1. F’soċjetà bħal dik attwali, li għandha l-kult tal-produttività, il-persuni anzjani jissugraw li jitqiesu inutli, u anzi li jiġu ġġudikati bħala piż għall-oħrajn.

L-istess titwil tal-ħajja jaggrava l-problema tal-assistenza għan-numru krexxenti ta’ anzjani li jinħtieġu kura u, jistà jkun iktar ta’ preżenzi ta’ mħabba u premurużi li jimlew il-ħajja solitarja tagħhom. Il-Knisja taf b’din il-problema u tfittex li tikkontribwixxi biex issolviha wkoll fuq il-pjan assistenzjali, minkejja d-diffikultà li jippreżentalha, illum iktar mill-imgħoddi, in-nuqqas tal-persuni u l-mezzi. Hija ma tiqafx tippromwovi l-interventi tal-Istituti reliġjużi u tal-voluntarjat lokali biex tipprovdi għall-bżonn tal-assistenza u biex tfakkar lil kulħadd – żgħażagħ u adulti – id-dmir li jaħsbu fl-għeżież tagħhom li, ġeneralment, tant għamlu għalihom.

2. B’ferħ partikolari l-Knisja tenfasizza li l-anzjani wkoll għandhom posthom u l-utilità tagħhom fil-komunità nisranija. Huma jibqgħu membri b’mod sħiħ tal-komunità u huma msejħa biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp bix-xhieda, it-talb u wkoll l-attività, fil-qies tal-possibbli.

Il-Knisja taf sewwa li mhux ftit persuni jersqu lejn Alla fl-hekk imsejħa “tielet età”, u li propju f’dak iż-żmien jistgħu jkunu mgħejjuna biex jirrinġjovinaw l-ispirtu tagħhom fit-triq tar-riflessjoni u tal-ħajja sagramentali. L-esperjenza miġbura fil-korsa tas-snin twassal lill-anzjan biex jifhem il-limiti tal-affarijiet tad-dinja u biex iħoss bżonn iktar profond tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja terrena. Id-delużjonijiet maħsusa f’xi ċirkustanzi għallimihom iqegħdu l-fiduċja tagħhom f’Alla. Il-għerf akkwistat jistà jkun ta’ vantaġġ kbir mhux biss għall-familjari, imma wkoll għall-komunità kollha nisranija.

3. Mill-banda l-oħra, il-Knisja tfakkar li fil-Bibbja l-anzjan huwa ppreżentat bħala l-bniedem tal-għerf, tal-ħaqq, tad-dixxernament, tal-parir (cf. Sir 25, 4-6). Għal dan l-awturi sagri jirrakkomandaw il-frekwentazzjoni tal-anzjani, kif naqraw b’mod speċjali fil-Ktieb ta’ Bin Sirak (Sir 6, 34): “Iffrekwenta l-laqgħat tal-anzjani. Huwa xi ħadd għaref? Ingħaqdu miegħu”. Il-Knisja ttenni wkoll it-twissija doppja: “La tiddisprezzax raġel meta huwa xiħ, għaliex xi wħud minna wkoll iridu jixjieħu” (Sir 8, 6). “La titraskurax id-diskorsi tax-xjuħ, għaliex huma wkoll tgħallmu mingħand missirijiethom” (Sir 8, 9). Hija tqis b’ammirazzjoni t-tradizzjoni ta’ Iżrael li kienet torbot l-ġenerazzjonijiet il-ġodda mas-smigħ tal-anzjani: “Missirijietna – ikanta s-Salm – irrakkontawlna l-opra li int wettaqt f’jiemhom, fit-tempji antiki” (Sal 44, 2). Ukoll il-Vanġelu jerġà jipproponi l-preċett antik tal-Liġi: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok” (cf. Es 20, 12; Dt 5, 16), u fuqu Ġesù jerġà jiġbed l-attenzjoni, waqt li jipprotesta kontra t-tqarriq użat biex jeħilsu mir-responsabiltajiet tagħhom (cf. Mk 7,9-13). Fit-tradizzjoni tagħha tal-maġisteru u tal-ministeru pastorali, il-Knisja dejjem għallmet u talbet r-rispet u l-qima lejn il-ġenituri, kif ukoll l-għajnuna materjali fil-bżonnijiet tagħhom. Din ir-rakkomandazzjoni tar-rispett u ta’ għajnuna ukoll b’mod materjali lill-ġenituri anzjani tiġbor fiha il-valur kollu tagħha wkoll fi żmienna. Illum iktar minn qatt qabel il-klima tas-solidarjetà komunitarja, li għandha tirrenja fil-Knisja, tistà tħeġġiġna biex nipprattikaw – b’modi antiki u ġodda – il-karità filjali, f’applikazzjoni konkreta ta’ dan id-dmir.

4. Fil-kuntest tal-komunità nisranija, il-Knisja tqim lill-anzjani waqt li tagħraf il-kwalitajiet u l-ħiliet tagħhom u billi tistedinhom biex iwettqu l-missjoni tagħhom, li mhix marbuta biss ma’ ċerti zminijiet u kondizzjonijiet ta’ ħajja, imma tistà tiżvolġi ruħha f’forom differenti skont il-possibiltajiet tal-individwu. Għalhekk huma għandhom jirreżistu għat-“tentazzjoni li jfittxu kenn b’mod nostalġiku fl-imgħoddi li qatt iktar mhu se jiġi lura jew li jaħarbu minn impenn preżenti minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom f’dinja tan-novitajiet kontinwi” (Ġwanni Pawlu II,Christifideles laici, 48).

Ukoll meta jitħabtu biex jifhmu l-evoluzzjoni tas-soċjetà li fiha qegħdin jgħixu, l-anzjani m’għandhomx jingħalqu fi stat ta’ diversità voluntarja, akkumpanjata minn pessimiżmu u riluttanza biex “jaqraw” ir-realtà li qiegħda tavanza. Huwa mportanti li huma jagħmlu sforz li jħarsu lejn il-futur b’fiduċja, sostnuti mit-tama nisranija u mill-fidi fil-progress tal-grazzja ta’ Kristu li tinfirex fid-dinja.

5. Fid-dawl ta’ din il-fidi u bil-qawwa ta’ din it-tama, l-anzjani jistgħu jiskopru aħjar li huma ddestinati li jarrikkixxu l-Knisja bil-kwalitajiet tagħhom u bir-rikkezza spiritwali. Huma nfatti jistgħu joffru xhieda ta’ fidi mogħnija minn esperjenza twila ta’ ħajja, ġudizzju mimli għerf dwar il-ħwejjeġ u s-sitwazzjonijiet tad-dinja, viżjoni iktar ċara tal-esiġenzi tal-imħabba mutwa bejn il-bnedmin, konvinzjoni iktar serena tal-imħabba divina li tmexxi kull eżistenza u l-istorja kollha tad-dinja. Kif diġa kien wiegħed is-Salm 92 lill-“ġusti” ta’ Iżrael: “Fix-xjuħija ikomplu jagħtu l-frott, ikunu b’saħħithom u jiffjorixxu, biex ixandru kemm hu rett il-Mulej” (Sal 92, 15-16).

6. Mill-bqija, konsiderazzjoni serena tas-soċjetà kontemporanja tistà twassalna biex nagħrfu li hija tiffavorixxi żvilupp ġdid tal-missjoni tal-anzjani fil-Knisja (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 48). Illum mhux ftit anzjani jżommu kondizzjonijiet tajba ta’ saħħa, jew jirkuprawhom b’mod iktar faċli minn l-imgħoddi. Għalhekk jistgħu jirrendu xi servizzi fl-attivitajiet tal-parroċċi jew f’opri oħra.

Fil-fatt hemm xi anzjani li jirrendu ruħhom tassew utli, fejn il-kompetenzi u l-possibiltajiet konkreti tagħhom għandhom mod kif jeżerċitawhom. L-età ma timpedihomx milli jiddedikaw ruħhom għall-bżonnijiet tal-komunità, per eżempju fil-kult, fil-visti lill-morda, fl-għajnuna lill-foqra. U wkoll meta l-avanza tal-età jimponi n-nuqqas jew is-sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet, il-persuna anzjana żżomm l-impenn li tipprovdi lill-Knisja l-kontribut tat-talb tagħha u tad-diffikultajiet eventwali tagħha aċċettati għall-imħabba tal-Mulej.

Fl-aħħarnett jeħtieġ niftakru, bħala anzjani, li, bid-diffikultajiet tas-saħħa u bin-nuqqas tal-forzi fiżiċi, aħna assoċjati b’mod partikolari mal-Kristu tal-Passjoni u tas-Salib. Nistgħu mela nidħlu dejjem iktar f’dan il-misteru tas-sagrifiċċju feddej u nagħtu xhieda tal-fidi f’dan il-misteru, tal-kuraġġ u tat-tama li joħorġu fid-diffikultajiet u l-provi differenti tax-xjuħija. Kollox fil-ħajja tal-anzjan jistà jservi biex iwettaq il-missjoni terrena tiegħu. Mhemm xejn li huwa għalxejn. Anzi l-koperazzjoni tiegħu, propju għaliex hija moħbija, hija ferm iktar prezzjuża għall-Knisja (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 48).

7. Jeħtieg li nżidu li wkoll ix-xjuħija hija don li għalih aħna msejħin biex niżżu ħajr: don għall-anzjan innifsu, don għas-soċjetà u għall-Knisja. Il-ħajja hija dejjem don kbir. U anzi, għall-fidili segwaċi ta’ Kristu, wieħed jistà jitkellem dwar kariżma speċjali mogħtija lill-anzjan biex jutilizza b’mod propju t-talenti tiegħu u l-qawwiet fiżiċi tiegħu, għall-ferħ propju u għall-ġid tal-oħrajn.

Jalla l-Mulej jagħti lil ħutna anzjani kollha d-don tal-Ispirtu mistenni u msejjaħ mis-Salmista, meta kien ikanta: “Ibgħat il-verità u d-dawl tiegħek: ikunu huma li jiggwidawni, iwassluni fuq il-muntanja qaddisa tiegħek u għall-għamajjar tiegħek. Niġi fuq l-altar ta’ Alla, għand Alla tal-ferħ tiegħi, tat-tgawdija tiegħi…Għaliex tħossok imdejqa, ruħ tiegħi, għaliex titkarrab fuqi? Ittama f’Alla: mill-ġdid nistà nfaħħru, Lilu, salvazzjoni ta’ wiċċi huwa Alla tiegħi” (Sal 43, 3-5). Kif nistà ma nfakkarx li fil-verżjoni Griega hekk imsejħa tas-Sebgħin, segwita mill-Vulgata Latina, l-oriġinal Ebrajk tal-vers 4 li ġie nterpretat u tradott bħala invokazzjoni lil Alla “li jferraħ żgħożiti (Deus, qui laetificat iuventutem meam)”? Aħna s-Saċerdoti l-iktar anzjani irripetejna għal tant snin dawn il-kliem tas-Salm li bih konna nibdew il-Quddiesa. Xejn ma jżommna li fit-talb tagħna u fl-aspirazzjonijiet personali tagħna nkomplu, ukoll bħala anzjani, insejħu u nfaħħru lil Alla li jferraħ żgħożitna! U wieħed ikun jgħid sewwa li din hija tieni żgħożija. Il-Mulej ibierek lil kulħadd.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb