106. It-Talb huwa t-tweġiba għan-nuqqas ta’ Vokazzjonijiet


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 19/10/1994.

1. Waqt li trattajna mis-sisien tal-ħajja kkonsagrata min-naħa ta’ Ġesù Kristu, fakkarna s-sejħat magħmula indirizzati minnu sa mill-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu bil-kliem “Imxi warajja”.

Il-premura fl-għemil ta’ dawn l-appelli turi l-importanza li Ġesù kien jattribwixxi għad-dixxipulat evanġeliku għall-ħajja tal-Knisja. Huwa kien jorbot dak id-dixxipulat mal-“pariri” tal-ħajja kkonsagrata li bihom kien jixtieq għad-dixxipli tiegħu dak li jkunu konformi miegħu li huwa l-qalb tal-qdusija evanġelika (cf. Ġwanni Pawlu II, Veritatis splendor, 21).

Infatti, l-istorja tiċcertifika li l-persuni kkonsagrati – Saċerdoti, Reliġjużi rġiel, Reliġjużi nisa, membri ta’ Istituti u Movimenti analogi – żvolġew irwol essenzjali fl-espansjoni tal-Knisja, bħal fil-progressi tal-qdusija u l-karità.

Fil-Knisja tallum il-vokazzjonijiet għall-ħajja konsagrata m’għandhomx inqas importanza milli fis-sekli li għaddew. Sfortunatament f’bosta postijiet wieħed jinnota li n-numru tagħhom mhuwiex biżzejjed biex iwieġeb għall-bżonnijiet tal-komunitajiet u għall-apostolat tagħhom. Mhuwiex esaġerat li wieħed jgħid li għal xi Stituti din il-problema tippreżenta ruħha b’mod drammatiku, sa ma tissogra l-eżistenza tagħhom. Ukoll bla ma rrid naqsam il-previżjonijiet diżastrużi għal futur mhux imbiegħed, diġa llum wieħed jinnota li, minħabba nuqqas ta’ suġġetti, xi komunitajiet huma kostretti għar-rinunzja ta’ opri normalment iddestinati biex jipproduċu frott spiritwali abbundanti, u li, iktar b’mod ġenerali, in-nuqqas tal-vokazzjonijiet iwassal għal deklin tal-preżenza attiva tal-Knisja fis-Soċjetà, b’danni notevoli f’kull qasam.

L-iskarsezza attwali tal-vokazzjonijiet f’xi reġġjuni tad-dinja tikkostitwixxi sfida li rridu niffaċċjaw b’determinazzjoni u kuraġġ, fiċ-ċertezza li Ġesù Kristu, li tul il-ħajja terrena għamel tant appelli għall-ħajja kkonsagrata, jindirizzahom mill-ġdid fid-dinja tallum, u spiss jiksab tweġibiet ta’ adeżjoni ġenerużi, bħal ma tipprova l-esperjenza ta’ kuljum. Billi jagħraf il-bżonnijiet tal-Knisja, huwa ma jaqtà qatt li jindirizza l-istedina: “Imxi warajja”, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, li l-grazzja tiegħu tirrendi sensibbli għall-ideal ta’ ħajja mogħtija b’mod sħiħ.

2. Mill-bqija, in-nuqqas ta’ ħaddiema tal-mergħat ta’ Alla jikkostitwixxu, diġa fiż-żminijiet evanġeliċi, sfida għal Ġesù nnifsu. L-eżempju tiegħu jippermettilna nifhmu li n-numru żgħir ħafna ta’ kkonsagrati huwa sitwazzjoni inerenti għall-kondizzjonijiet tad-dinja u mhux biss fatt aċċidentali dovut għaċ-ċirkustanzi tallum. Il-Vanġelu jiċċertifikalna li Ġesù, waqt li kien imur idur il-bliet u l-irħula, kien iħoss ħniena għall-folol “għajjenin u mifluġin, bħal nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9, 36). Huwa kien ifittex dik is-sitwazzjoni billi jipprova jinvolvi l-folol fit-tagħlim tiegħu (cf. Mk 6, 34), imma ried jassoċja lid-dixxipli tiegħu fis-soluzzjoni tal-problema, billi jistedinhom qabel kollox għat-talb: “Itolbu lil sid il-ħsad ħalli jibgħat ħaddiema fil-mergħat tiegħu!” (Mt 9, 38). Skont il-kuntest, dan it-talb huwa ddestinat biex jassikura lin-nies numru ikbar ta’ Rgħajja. Imma l-espressjoni “il-ħaddiema tal-mergħa” tistà tingħata sens iktar wiesà, billi taħtar lil dawk kollha li joperaw għall-iżvilupp tal-Knisja. It-talba, mela timmira biex tikseb ukoll numru ikbar ta’ kkonsagrati.

3. L-aċċent imqiegħed fuq it-talb huwa sorprendenti. Mogħtija l-inizjattiva sovrana ta’ Alla fis-sejħiet wieħed jistà jaħseb li s-Sid tal-mergħat biss, indipendentement minn kull intervent jew kollaborazzjoni oħra, għandha tipprovdi għan-numru tal-ħaddiema. Ġesù, iżda, jinsisti fuq il-koperazzjoni u r-responsabiltà tas-segwaċi tiegħu. Ukoll għalina bnedmin tallum huwa jgħallem li bit-talb nistgħu u għandna neżerċitaw influss fuq in-numru tal-vokazzjonijiet. Il-Missier jilqà dan it-talb, għaliex jixtiequ u jistennieh, u huwa stess jirrendih effikaċi. Fiż-żminijiet u fil-postijiet fejn il-kriżi tal-vokazzjonijiet hija l-iktar gravi, dan it-talb jimponi ruħu b’mod ikbar. Imma f’kull żmien u f’kull post dan għandu jitlà lejn is-Sema. F’dan il-qasam mela hemm dejjem responsabiltà tal-Knisja kollha u ta’ kull nisrani.

Mat-talb għandha tassoċja ruħha l-azzjoni promozzjonali għaż-żieda tat-tweġibiet għas-sejħa divina. Ukoll f’dan insibu l-ewwel mudell fil-Vanġelu. Wara l-ewwel kuntatt ma’ Ġesù, Indri jieħu quddiemu lil ħuh Xmun (cf. Ġw 1, 42). Bla dubju, huwa Ġesù li juri ruħu sovran fis-sejħa ndirizzata lil Xmun, imma Indri b’inizjattiva tiegħu żvolġa rwol deċiżiv fil-laqgħa ta’ Xmun mal-Imgħallem. “Hija hawn, f’ċertu sens, il-qalb tal-pastorali vokazzjonali kollha tal-Knisja” (Ġwanni Pawlu II, Pastores dabo vobis, 38).

4. Il-promozzjoni tal-vokazzjonijiet tistà tiġi kemm minn inizjattivi ndividwali, bħal dik ta’ Indri, kif ukoll minn azzjonijiet kollettivi, bħal ma jseħħ f’bosta dijoċesijiet, li fihom żviluppat ruħha l-pastorali tal-vokazzjonijiet. Din il-promozzjoni vokazzjonali ma tfittex xejn affattu li tillimita l-libertà tal-għażla li kull wieħed jippossiedi dwar l-orjentazzjoni ta’ ħajtu. Il-promozzjoni għalhekk tevita kull forma ta’ ġegħil jew ta’ pressjoni fuq id-deċiżjoni ta’ dak li jkun. Imma hija trid li kulħadd jillumina ruħu fl-għażla u turi lil dak li jkun b’mod partikolari t-triq miftuħa fil-ħajja tiegħu tal-“Imxi warajja” tal-Vanġelu. B’mod speċjali ż-żgħażagħ għandhom il-bżonn u d-dritt li jirċievu dan id-dawl. Mill-banda l-oħra, hija bla dubju ħaġa ċerta li hemm bżonn li tkun ikkultivata u msaħħa iż-żerriegħa tal-vokazzjoni, b’mod speċjali fiż-żgħażagħ. Il-vokazzjoni għandha tiżviluppa ruħha u tikber: u dan ġeneralment ma jseħħx, jekk ma jkunux assikurati kondizzjonijiet favorevoli għal dan l-iżvilupp u għal dan it-tkabbir. Għal dan jimmiraw l-istituzzjonijiet għall-vokazzjonijiet u l-inizjattivi differenti, laqgħat, irtiri, gruppi ta’ talb, eċċ., li jippromwovu l-Opra tal-Vokazzjonijiet. Qatt ma jsir biżżejjed fil-pastorali tal-vokazzjonijiet, ukoll jekk kull inizjattiva umana għandha dejjem titħarrek fuq il-bażi tal-konvinzjoni li, fl-aħħar minn l-aħħar, hija s-sovranità divina li tiddeċiedi dwar s-sejħa ta’ dak li jkun.

5. Forma fondamentali ta’ kollaborazzjoni hija x-xhieda tal-istess ikkonsagrati, li teżerċita attrattiva effikaċi u b’saħħitha. L-esperjenza turi li b’mod frekwenti huwa l-eżempju ta’ reliġjuż jew ta’ reliġjuża li jaġixxi b’mod deċiżiv fuq l-orjentament ta’ personalità żagħżugħa, li setgħet tiskopri fil-fedeltà, il-konsistenza u l-ferħ  tagħhom il-konkretezza ta’ ideal ta’ ħajja. B’mod partikolari, il-komunitajiet reliġjużi ma jistgħux jiġbdu liż-żgħażagħ jekk mhux b’xhieda kollettiva ta’konsagrazzjoni awtentika, migħuxa fil-ferħ tal-għotja personali lil Kristu u lill-aħwa.

6. U fl-aħħarnett ta’ min jenfasizza l-importanza tal-familja bħala ambjent ta’ ħajja nisranija li fiha l-vokazzjoni tistà tiżviluppa ruħha u tikber. Nistieden mill-ġdid għal darb’oħra lill-ġenituri nsara biex jitolbu biex jiksbu li xi ħadd minn uliedhom ikun imsejjaħ minn Kristu għall-ħajja kkonsagrata. Id-dmir tal-ġenituri nsara huwa li jiffurmaw familja li fiha jkunu onorati, ikkultivati u migħuxa l-valuri evanġeliċi, u fejn ħajja nisranija awtentika tistà televa l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ. Huwa grazzi għal dawn il-familji li l-Knisja tkompli tkun ġeneratriċi ta’ vokazzjonijiet. Għalhekk hija titlob lill-familji biex jikkollaboraw fit-tweġiba għall-“Patrun tal-mergħat” li tesiġi minna lkoll l-impenn biex nibagħtu “ħaddiema” ġodda “fil-mergħat tiegħu”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb