107. Il-Ħajja Kkonsagrata għandha għeruqha fil-Magħmudija


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 26/10/1994.

1. Bosta drabi, fil-katekeżi preċedenti, tkellimt dwar il-“pariri evanġeliċi”, li fil-ħajja kkonsagrata jittraduċu ruħhom fil-“voti” – jew talinqas impenji – tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza.

Dawn jieħdu s-sinifikat sħiħ tagħhom fil-kuntest ta’ ħajja ddedikata kollha kemm hi lil Alla, f’komunjoni ma’ Kristu. L-avverbju “kollha kemm hi” (totaliter), użat minn San Tumas D’Aquino biex jispeċifika l-valur essenzjali tal-ħajja reliġjuża, huwa espressiv b’mod partikolari! “Ir-reliġjon hija l-virtù li għaliha wieħed joffri xi ħaġa għall-kult u għas-servizz ta’ Alla. Għalhekk jgħidu reliġjużi b’definizzjoni dawk li jikkonsagraw ruħhom totalment għas-servizz divin, waqt li joffru ruħhom lil Alla f’olokawst” (San Tumas, Summa theologiae, II-II, q. 186, a. 1). Dan hu kunċett meħud mit-tradizzjoni tas-Santi Padri, b’mod partikolari minn San Ġilormu (cf. San Gilormu, Epist. 125, ad Rusticum); u minn San Ġirgor il-Kbir (cf. San Girgor il-Kbir, Super Ezechielem., hom. 20). Il-Konċilju Vatikan II, li jikkwota lil San Tumas D’Aquino, jagħmel tiegħu d-dutrina u jitkellem dwar il-“Konsagrazzjoni lil Alla”. Intima u perfetta, li bħala żvilupp tal-konsagrazzjoni tal-Magħmudija sseħħ fl-istat reliġjuż permrzz tal-irbit tal-pariri evanġeliċi (cf. Lumen gentium, 44).

2. Wieħed jinnota li f’din il-konsagrazzjoni mhux l-impenn uman li jieħu l-prijorità. L-inizjattiva tiġi minn Kristu, li jitlob patt ta’ kunsens liberu fli wieħed isegwih, Huwa hu li waqt li jieħu pussess tal-persuna umana “jikkonsagraha”.

Skont it-Testment il-Qadim, Alla stess jikkonsagra l-persuni jew il-ħwejjeġ, waqt li jikkomunikalhom b’xi mod il-qdusija propja. Dan m’għandux jiftiehem fis-sens li Alla jqaddes internament il-persuni, u wisq inqas il-ħwejjeġ, imma fis-sens li kien jieħu pusses u kien jirriservahom għas-servizz dirett tiegħu. L-oġġetti “sagri” kienu ddestinati għall-kult tal-Mulej, u għalhekk setgħu iservu biss fl-isfera tat-tempju u tal-kult, mhux għal dak li kien profan. Din kienet is-sagralità attribwita lill-ħwejjeġ, li ma setgħux ikunu mimsusa minn id profana (per eżempju, l-Arka tal-Patt, jew il-Kalċi tat-tempju ta’ Ġerusalem, ipprofanati – bħal ma naqraw f’ 1 Mak 1, 22 –minn Antijoku Epifane). Min-naħa tiegħu, il-poplu ta’ Iżrael kien “qaddis” bħala “propjetà tal-Mulej” (segullah = it-teżor personali tas-sovran), u minħabba f’hekk kellha karattru sagru (cf. Es 19, 5; Dt 7, 6; Sal 135, 4). Biex jikkomunika ma’ din is-“segullah”, Alla kien jagħżel xi “kelliema”, “bnedmin ta’ Alla”, “profeti”, li kellhom jitkellmu f’ismu. Huwa kien iqaddishom (moralment) permezz ta’ rapport ta’ kunfidenza u ħbiberija speċjali li hu kien jirriserva għalihom, tant li xi wħud minn dawk il-personaġġi kienu kkwalifikati “ħbieb ta’ Alla” (cf. Għerf 7, 27; 41, 8; Ġk 2, 23).

Imma ma kienx hemm persuna jew mezz jew strument istituzzjonali li setà jikkomunika b’qawwa ntrinsika mal-bnedmin, ukoll l-iktar disponibbli, il-qdusija ta’ Alla. Din kienet tkun l-ikbar novità tal-Magħmudija nisranija, li permezz tagħha dawk li jemmnu jkollhom “il-qalb ippurifikata” (Lh 10, 22), u jkunu interjorment “maħsula… imqaddsa… iġgustifikati f’isem il-Mulej Ġesù Kristu u fl-Ispirtu  tal-Alla tagħna” (1 Kor 6, 11).

3. Element essenzjali tal-Liġi evanġelika huwa l-grazzja, li hija qawwa ta’ ħajja ġustifikanti u feddejja, bħal ma jispjega San Tumas (cf. San Tumas, Summa theologiae, I-II, q. 106, a. 2), wara Santu Wistin (cf. Sant’Agostino, De Spiritu et Littera, c. 17). Kristu jieħu pussess tal-persuna minn ġewwa diġa bil-Magħmudija, li fiha huwa jinawgura l-azzjoni santifikatriċi tiegħu, “waqt li jikkonsagraha” u jqanqal fiha l-esiġenza ta’ tweġiba li Hu stess jirrendi possibbli bil-grazzja tiegħu fil-qies tal-kapaċità fiżiko-psikika, spiritwali u morali tas-suġġett. Id-dominju sovran, eżerċitat, mill-grazzja ta’ Kristu fil-konsagrazzjoni, ma jnaqqas xejn affattu mil-libertà tat-tweġiba għall-appell, linqas il-valur u l-importanza tal-impenn uman. Dan jirrendi ruħu partikolarment evidenti fis-sejħa għall-prattika tal-pariri evanġeliċi. L-appell ta’ Kristu huwa akkumpanjat minn grazzja li televa l-persuna umana billi ttiha xi ħiliet ta’ ordni superjuri biex issegwi dawn il-pariri. Dan ifisser li fil-ħajja kkonsagrata hemm żvilupp tal-istess personalità umana mhux iffrustrata imma elevata u vvalorizzata mid-don divin.

4. Il-bniedem li jaċċetta l-appell u jsegwi l-pariri evanġeliċi jwettaq att fundamentali ta’ mħabba lil Alla, bħal ma naqraw fil-Kostituzzjoni Lumen gentium (n. 44) tal-Konċilju Vatikan II. Il-voti reliġjużi għandhom l-iskop ta’ twettiq ta’ quċċata ta’ mħabba: ta’ mħabba sħiħa, imwiegħed lil Kristu taħt l-istimulu tal-Ispirtu Santu u, permezz ta’ Kristu, offrut lill-Missier. Minn hawn il-valur ta’ oġġezzjoni u konsagrazzjoni tal-professjoni reliġjuża, li fit-tradizzjoni nisranija orjentali u oċcidentali tiġi meqjusa bħala “baptismus flaminis”, għaliex “il-qalb tal-bniedem titqanqal mill-Ispirtu Santu biex temmen f’Alla, biex tħobbu u biex tindem minn dnubietha” (San Tumas, Summa theologiae, III, q. 66, a. 1l).

Esponejt din l-idea ta’ kważi Magħmudija ġdida fl-Ittra Redemptionis donum: “Il-Professjoni reliġjuża, ktibt, fuq bażi sagramentali tal-Magħmudija li fiħa ssib għeruqha, hija “difna ġdida fil-mewt ta’ Kristu”: ġdida permezz tal-għarfien u l-għażla; ġdida permezz tal-“konverżjoni” kostanti. Tali difna” fil-mewt” tagħmel iva li l-bniedem “midfun flimkien ma’ Kristu”, jimxi bħal Kristu f’”ħajja ġdida”.Fi Kristu msallab isibu s-sies aħħari tagħhom kemm il-konsagrazzjoni tagħhom, kif ukoll il-professjoni tal-pariri evanġeliċi, li – skont il-kliem tal-Vatikan II – “jikkostitwixxi konsagrazzjoni speċjali” Din hija fl-istess ħin mewt u liberazzjoni. San Pawl jikteb: “Qisu ruħkom mejtin għad-dnub”; fl-istess ħin, madankollu, isejjaħ din il-mewt “liberazzjoni mill-iskjavitù tad-dnub”. Fuq kollox, iżda, il-konsagrazzjoni reliġjuża tikkostitwixxi, fuq il-bażi sagramentali tal-Magħmudija Mqaddsa, ħajja ġdida “għal Alla f’Ġesù Kristu”” (Ġwanni Pawlu II, Redemptionis Donum, 7).

5. Tali ħajja hija ferm iktar perfetta u tiġbor frott il-grazzja tal-Magħmudija iktar abbundanti (cf. Lumen Gentium, 44), għaliex l-unjoni intima ma’ Kristu, miksuba fil-Magħmudija, tiżviluppa ruħha f’unjoni iktar sħiħa.. Infatti il-kmandament li tħobb lil Alla b’qalbek kollha, li jimponi ruħu lill-Imgħammdin, jiġi osservat fil-milja tiegħu bl-imħabba imwiegħda lil Alla permezz tal-pariri evanġeliċi. Din hija “konsagrazzjoni speċjali” (Perfectae Caritatis, 5); konsagrazzjoni iktar intima għas-servizz divin “b’titlu ġdid u speċjali” (Lumen Gentium,  4); konsagrazzjoni ġdida, li ma tistax titqies bħala nvolviment jew konsegwenza loġika tal-Magħmudija. Il-Magħmudija ma tinvolvix b’mod neċessarju orjentament lejn iċ-ċelibat u ċ-ċaħda għall-pussess tal-ġid fil-forma tal-pariri evanġeliċi. Fil-konsagrazzjoni reliġjuża iżda, titratta s-sejħa għal ħajja li tinvolvi d-don ta’ kariżma oriġinali mhux mogħtija lil kulħadd bħal ma jiddikjara Ġesù meta jitkellem dwar iċ-ċelibat voluntarju (cf. Mt 19, 10-12). Hija mela att sovran ta’ Alla, li b’mod liberu jagħżel, isejjaħ, jiftaħ it-triq, marbuta bla ebda dubju mal-konsagrazzjoni tal-Magħmudija, imma distinta minnha.

6. B’mod simili wieħed jistà jgħid li l-professjoni tal-pariri evanġeliċi tiżviluppa iktar il-konsagrazzjoni mwettqa fis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Dan huwa don ġdid tal-Ispirtu Santu, imsawwab għal ħajja nisranija attiva f’impenn iktar strett ta’ kollaborazzjoni u servizz lill-Knisja biex tipproduċi, bil-pariri evanġeliċi, frott ġdid ta’ qdusija u ta’ apostolat, ‘il hemm mill-esiġenzi tal-konsagrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof. Is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof ukoll, – u l-karattru tal-militanza nisranija u tal-apostolat nisrani li hija tinvolvi – jinsabu fil-għerq tal-ħajja kkonsagrata.

F’dan is-sens huwa sewwa li naraw l-effetti tal-Magħmudija u tal-Ġriżma tal-Isqof fil-konsagrazzjoni nvoluta tal-aċċettazzjoni tal-pariri evanġeliċi u ninkwadraw il-ħajja reliġjuża, li min-natura tagħha hija kariżmatika, fl-ekonomija sagramentali. Fuq din il-linja, wieħed jistà wkoll josserva li, għar-Reliġjużi Sacerdoti, is-Sagrament tal-Ordni Sagri wkoll jipproduċi l-frott tiegħu fil-prattika tal-pariri evanġeliċi, waqt li jimponi l-esiġenza ta’ appartenenza iktar stretta mal-Mulej. Il-voti tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza jfittxu li jwettqu b’mod konkret din l-appartenenza.

7. Ir-rabta bejn il-pariri evanġeliċi mas-sagramenti tal-Magħmudija, tal-Ġriżma tal-Isqof u tal-Ordni Sagri sservi biex turi l-valur essenzjali li jirrapreżenta l-ħajja kkonsagrata għall-iżvilupp tal-qdusija tal-Knisja. U għalhekk irrid nikkonkludi bl-istedina għat-talb – itolbu ħafna – biex niksbu li l-Mulej jagħti dejjem iktar id-don tal-ħajja kkonsagrata lill-Knisja li Huwa stess ried u waqqaf bħala “qaddisa”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb