108. Il-Pariri Evanġeliċi huma Triq ta’ Perfezzjoni


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 09/11/1994.

Illum għandi l-unur u l-ferħ li għandi maġembi mistieden speċjali, li ġie mill-bogħod. Huwa hu hija li nilqgħu fil-karità ta’ Kristu: il-Patriarka tal-Knisja Assirjana tal-Lvant, Il-Qdusija Tiegħu Mar Dinkha IV, akkumpanjat minn tliet Isqfijiet, membri tas-Sinodu Mqaddes tal-Knisja tiegħu.

Huwa hu l-mexxej ta’ waħda mill-Knejjes l-iktar antiki u venerabbli tal-Lvant. Il-lingwa użata minnha fil-liturġija hija l-iktar waħda qrib tal-lingwa li biha kien jesprimi ruħu Ġesù. Il-Patrijarka ġie Ruma wkoll biex jiffirma flimkien mal-Knisja Kattolika Dikjarazzjoni Kristoloġika komuni, li tippermettilna nsolvu s-separazzjoni li seħħet wara l-Konċilju ta’ Efesu tas-sena 431. Hekk jintemm wara iktar minn ħmistax-il seklu n-nuqqas ta’ fehim li jirrigwarda l-fidi tagħna fi Kristu, veru Alla u veru Bniedem, ikkonċeput fil-ġuf tal-Verġni Marija bl-opra tal-Ispirtu Santu. Tistgħu tifhmu sewwa, allura, kemm jien kuntent b’din iċ-ċirkustanza u b’liema sentimenti ta’ stima u ta’ komunjoni fraterna nilqà lill-Qdusia Tiegħu Mar Dinkha. F’din il-klima ekumenika hekk qawwija inkomplu r-riflessjonijiet tagħna dwar il-ħajja kkonsagrata.

1. It-triq tal-pariri evanġeliċi spiss issejħet: “triq il-perfezzjoni”; u l-istat ta’ ħajja kkonsagrata: “stat ta’ perfezzjoni”. Dawn it-termini jinsabu wkoll fil-Kostituzzjoni konċiljari Lumen gentium (cf. Lumen gentium, n. 45), waqt li d-Digriet dwar it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża jġib bħala titolu Perfectae caritatis u għandu bħala argument l-“ilħuq tal-karità perfetta permezz tal-pariri evanġeliċi” (Perfectae Caritatis, 1). Triq il-perfezzjoni b’mod evidenti tfisser triq ta’ perfezzjoni li  għandha tkun miksuba, u mhux perfezzjoni diġa miksuba, kif jispjega b’mod ċar San Tumas d’Aquino (cf. Santu Wistin, Summa theologiae, II-II, q. 184, aa. 5,7). Dawk li huma mpenjati fil-prattika tal-pariri evanġeliċi ma jippretendux affattu li jippossiedu l-perfezzjoni. Huma jagħrfu lilhom infushom bħala midimbin bħall-bnedmin kollha, midimbin salvati. Imma jħossu u huma msejħin b’mod iktar espress li jfittxu l-perfezzjoni, li tikkonsisti b’mod essenzjali fil-karità (cf. Ivi, q. 184, aa. 1,3).

2. Wieħed bla dubju ma jistax jinsa li l-insara kollha huma msejħa għall-perfezzjoni. Għal din il-vokazzjoni jagħmel aċċenn l-istess Ġesù Kristu: “Kunu perfetti bħal ma hu perfett Missierkom ċelesti” (Mt 5, 48). Il-Konċilju Vatikan II, waqt li jitratta l-vokazzjoni universali tal-Knisja għall-qdusija, jgħid li tali qdusija “tesprimi ruħha f’diversi forom fl-individwi, li fil-grad tagħhom ta’ ħajja jfittxu l-perfezzjoni tal-karità u jibnu lill-oħrajn” (Lumen Gentium, 39; cf. 40). Madankollu din l-iniversalità tal-vokazzjoni ma teskludix li xi wħud ikunu msejħa b’mod iktar partikolari għal triq ta’ perfezzjoni. Skont ir-rakkont ta’ Mattew, Ġesù jindirizza l-appell tiegħu liż-żagħżugħ għani bil-kliem: “Jekk trid tkun perfett . . .” (Mt 19, 21). Dan huwa s-sors evanġeliku tal-kunċett “triq tal-perfezzjoni”: Iż-żagħżugħ għani kien staqsa lil Ġesù dwar “dak li huwa tajjeb”, u bi tweġiba kien irċieva lista tal-kmandamenti; imma, fil-waqt tas-sejħa, huwa jiġi mistieden għal perfezzjoni li tmur ‘il hemm mill-kmandamenti: huwa msejjaħ biex jiċħad kollox biex isegwi lil Ġesù. Il-perfezzjoni tikkonsisti fl-għoti l-iktar sħiħ tiegħek innifsek lil Kristu. Huwa f’dan is-sens li t-triq tal-pariri evanġeliċi hija “triq ta’ perfezzjoni” għal dawk li huma msejħa.

3. Wieħed jinnota li l-perfezzjoni proposta minn Ġesù liż-żagħżugħ għani tfisser mhux ħsara imma arrikkiment tal-persuna. Ġesù jistieden lill-interlokutur tiegħu biex jiċċaħħad minn programm ta’ ħajja li fiha l-preokkupazzjonijiet ta’ li jkollok għandhom post kbir, biex iġegħlhom jiskopru l-veru valur tal-persuna, li jattwa ruħu fl-għotja ta’ dak li jkun lill-persuni l-oħra u b’mod partikolari fl-adeżjoni ġenerali mas-Salvatur. Hekk nistgħu ngħidu li ċ-ċaħdiet – reali u notevoli – mxandra mill-pariri evanġeliċi m’għandhomx effett “spersonalizzanti”; imma huma ddestinati biex jipperfezzjonalizzaw il-ħajja personali, bħala effett ta’ grazzja soprannaturali li twieġeb għall-aspirazzjonijiet l-iktar nobbli tal-esseri uman. San Tumas,, f’dan ir-rigward, jitkellem dwar “spiritualis libertas” u dwar “augmentum spirituale”: libertà u tkabbir tal-ispirtu (Santu Wistin, Summa theologiae, II-II, q. 184, a. 4).

4. Liema huma l-elementi ewlenin ta’ liberazzjoni u tkabbir li l-pariri evanġeliċi jinvolvu f’min jipprofessa?

Qabel kollox tendenza konxja għall-perfezzjoni tal-fidi. It-tweġiba għall-appell: “Imxi Warajja”, biċ-ċaħdiet li joħorġu minnu, jitlob fidi tħeġġeġ fil-persuna divina ta’ Kristu u fiduċja assoluta f’imħabbtu: il-waħda u l-oħra, biex ma jċedux għad-diffikultajiet, għandhom jikbru u jissaħħu tul il-mixja.

M’għandhiex tonqos ukoll tendenza konxja għall-perfezzjoni tat-tama. It-talba ta’ Kristu talloka ruħha fil-prospettiva tal-ħajja eterna. Dawk li jimpenjaw ruħhom fiha huma msejħa għal tama solida u qawwija kemm fis-siegħa tal-professjoni, kif ukoll f’dak kollu li jiġi fil-bqija ta’ ħajjithom. Dan jippermettilhom li jixhdu, qalb il-ġid relattiv u frivolu ta’ din id-dinja, il-valur dejjiemi tal-ġid tas-Sema.

Il-professjoni tal-pariri evanġeliċi tiżviluppa b’mod speċjali tendenza konxja għall-perfezzjoni tal-imħabba lejn Alla. Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar il-konsagrazzjoni operata mill-pariri evanġeliċi bħala d-don ta’ dak li jkun lil Alla “maħbub eminentement” (Lumen Gentium, 44). Dan huwa t-twettiq tal-ewwel kmandament: “Tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha” (Dt 6, 5; cf. Mk 12, 30). Il-ħajja kkonsagrata tiżviluppa ruħha b’mod awtentiku bl-approfondiment kontinwu ta’ dan id-don magħmul sa mill-bidu, u b’imħabba dejjem iktar sinċiera u qawwija fid-dimensjoni trinitarja: hija mħabba lejn Kristu li jsejjaħ għall-intimità tiegħu, għall-Ispirtu Santu li jitlob u jgħin biex jitwettaq ftuħ sħiħ għall-ispirazzjonijiet tiegħu, għall-Missier, l-ewwel oriġni u skop suprem tal-ħajja kkonsagrata. Dan iseħħ b’mod speċjali fit-talb, imma wkoll fl-imġieba kollha, li tirċievi mill-virtù msawba tar-reliġjon dimensjoni deċiżament vertikali.

Ovvjament il-fidi, it-tama u l-karità jqanqlu u jaċċentwaw dejjem iktar it-tendenza għall-perfezzjoni tal-imħabba lejn il-proxxmu, bħala espansjoni tal-imħabba lejn Alla, maħbub eminentement” tinvolvi mħabba qawwija għall-proxxmu: imħabba li tfittex li tkun l-iktar perfetta possibbli, tixbaħ lill-karità tas-Salvatur.

5. Il-verità tal-ħajja kkonsagrata bħala għaqda ma’ Kristu fil-karità divina tesprimi ruħha f’xi atteġġjamenti profondi, li għandhom jikbru tul il-kumplament tal-eżistenza. B’mod ġenerali, jistgħu jiġu hekk indikati: ix-xewqa li tittrażmetti lil kulħadd l-imħabba li tiġi minn Alla permezz tal-qalb ta’ Kristu, u allura l-universalità ta’ imħabba li ma titwaqqaf minn l-ebda ostaklu li l-egoiżmu uman joħloq f’isem razza, nazzjon, tradizzjoni kulturali jew reliġjuża, eċċ.; sforz ta’ benevolenza u ta’ stima lejn kulħadd, b’mod iktar partikolari lejn dawk li umanament hemm tendenza li jittraskuraw maġġorment jew jiddisprezzaw, il-manifestazzjoni ta’ solidarjetà speċjali fir-rigward tal-foqra u ta’ dawk li huma ppersegwitati jew vittmi ta’ inġustizzji; l-urġenza fl-għajnuna ta’ dawk li jbatu, bħal-lum il-bosta handikappati, l-abbandunati, l-eżiljati, eċċ.; ix-xhieda ta’ qalb umli u mansweta, li tastjeni milli tikkundanna, tiċħad kull vjolenza u kull vendetta, u taħfer b’ferħ; ir-rieda li tiffavorixxi kullimkien ir-rikonċiljazzjoni u li tilqà d-don evanġeliku tal-paċi; id-dedikazzjoni ġeneruża għal kull inizjattiva ta’ apostolat li tfittex li xxerred id-dawl ta’ Kristu u li twassal għas-salvazzjoni fl-umanità; it-talb regolari skont l-intenzjonijiet kbar tal-Qdusija Tiegħu u tal-Knisja.

6. Huma numerużi u bla tarf l-oqsma fejn wieħed jitlob, illum iktar minn qatt qabel, l-opra tal-“ikkonsagrati”. Bħala traduzzjoni tal-karità divina f’forom konkreti ta’ solidarjetà umana. Jistà jkun li f’bosta każijiet huma jistgħu jwettqu biss xi ħwejjeġ, waqt li umanament nittkellmu, tassew ċkejknin, jew talinqas mhux enormi, mhux sensazzjonali. Imma l-kontribuzzjonijiet żgħar huma wkoll effikaċi, jekk mimlijin b’imħabba tassew (“il-ħaġa” tassew knira u qawwija), speċjalment jekk hija l-istess imħabba trinitarja msawba fuq il-Knisja u fuq id-dinja. L-“ikkonsagrati” huma msejħa biex ikunu koperaturi umli u fidili tal-avanzament tal-Knisja fid-dinja, fit-triq tal-karità.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb