109. Il-Kastità f’ġieħ is-Saltna


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 16/11/1994.

1. Fost il-pariri evanġeliċi, skont il-Konċilju Vatikan II, jispikka d-don prezzjuż tar-“rażan perfett għas-Saltna tas-Smewwiet”: don tal-grazzja divina, “mogħti mill-Missier lil xi wħud (cf. Mt 19, 11; 1 Kor 7, 7) sabiex b’mod iktar faċli, b’qalb mhux maqsuma (cf. 1 Kor 7, 32-34), jikkonsagraw ruħhom lil Alla biss fil-verġinità u fiċ-ċelibat . . . sinjal u stimolu tal-karità u sors speċjali ta’ fertilità spiritwali fid-dinja” (Lumen gentium, 42).

Tradizzjonalment, wieħed kien jitkellem dwar it-“tliet voti” – tal-faqar, tal-kastità, tal-ubbidjenza – waqt li kien jibda d-diskors mill-faqar bħala distakk mill-ġid estern, imqiegħed f’tarġa nferjuri fir-rigward tal-ġid tal-ġisem u għal dak tar-ruħ (cf. San Tumas, Summa theologiae, II-II, q. 186, a.3). Il- Konċilju iżda jinnomina b’mod espress il-“kastità kkonsagrata” qabel iż-żewġ voti l-oħra (cf. Lumen Gentium, 43; Perfectae caritatis, 12,13,14), għaliex iqisha bħala impenn determinanti għall-istat tal-ħajja kkonsagrata. Huwa wkoll il-parir evanġeliku li juri b’mod iktar evidenti l-qawwa tal-grazzja, li televa l-imħabba ‘il fuq mill-inklinazzjoni tal-esseri uman.

2. Il-kobor spiritwali jindika ruħu mill-Vanġelu, għaliex Ġesù stess fehemna liema valur kien jattribwixxi lill-impenn fil-ħajja taċ-ċelibat. Skont Mattew, l-eloġju taċ-ċelibat volontarju jiġi magħmul minn Ġesù wara l-istqarrija dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ. Ladarba Ġesù pprojbixxa lir-raġel milli jirrifjuta lil martu, id-dixxipli irrejaġixxew: “Jekk din hija l-kondizzjoni tar-raġel rigward il-mara, mhux konvinjenti li dak li jkun jiżżewweġ”. U Ġesù jwieġeb billi jagħti lil “mhux konvinjenti li dak li jkun jiżżewweġ” sinifikat iktar għoli: “Mhux kulħadd jistà jifhem dan, imma dawk biss li lilhom ingħata. Hemm infatti l-ewnuki li twieldu hekk minn ġuf ommhom; hemm uħud li ġew magħmula ewnuki mill-bnedmin, u hemm oħrajn li għamlu lilhom infushom ewnuki għas-Saltna tas-Smewwiet. Min jistà jifhem, ħa jifhem” (Mt 19, 10-12).

3. Fl-iddikjarar ta’ din il-possibiltà ta’ fehim ta’ triq ġdida, li kienet dik ipprattikata minnu u mid-dixxipli, u li jistà jkun qanqlet il-għaġeb jew saħansitra l-kritika tal-ambjent, Ġesù juża xbiha li kienet magħrufa sewwa, il-kondizzjoni tal-“ewnuki”. Huma setgħu jkunu hekk minħabba imperfezzjoni tat-twelid, inkella b’intervent uman: imma żied minnufih li kien hemm kategorija ġdida – tiegħu! – “ewnuki għas-Saltna tas-smrwwiet”. Kienet referenza trasparenti għall-għażla magħmula minnu u ssuġġerita għas-swgwaċi l-iktar qrib tiegħu. Skont il-Liġi ta’ Mosè, l-ewnuki kienu esklużi mill-kult (Dt 23, 2) u mis-Saċerdozju (Lv 21, 20). Oraklu tal-Ktieb ta’ Iżaija kien ħabbar it-tmiem ta’ din l-esklużjoni ( 56, 3-5). Ġesù jiftaħ prospettiva ferm iktar innovatriċi: l-għażla volontarja “għas-Saltna tas-smewwiet” ta’ din is-sitwazzjoni meqjusa mhix denja ta’ bniedem. Ovvjament, il-kelma ta’ Kristu ma kinitx intenzjonata li timplika għal mutilazzjoni fiżika effettiva li l-Knisja qatt ma ppermettiet, imma ċaħda libera għar-rapporti sesswali. Bħal ma ktibt fl-Eżortazzjoni Apostolika Redemptionis donum, din hija “ċaħda, rifless tal-misteru tal-kalvarju, biex dak li jkun isib ruħu b’mod iktar sħiħ fi Kristu msallab u rxuxtat; ċaħda, biex dak li jkun jagħraf fih sal-qiegħ nett il-misteru tal-propja umanità u jitwettaq fit-triq ta’ dak il-proċess tal-għaġeb, li dwaru . . . l-Appostlu jikteb: “Għax ukoll jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum ghal jum” (2 Kor 4, 16)” (RD 10).

4. Ġesù huwa konxju tal-valuri li għalihom jiċċaħdu dawk li jgħixu fiċ-ċelibat perpetwu: huwa stess iddikjarahom ftit qabel waqt li tkellem dwar iż-żwieġ bħala għaqda li tagħha Alla huwa l-awtur u li minħabba dan ma tistax tiġi mkissra. Li dak li jkun jimpenja ruħu fiċ-ċelibat ifisser, iva, li jiċċaħħad għall-ġid inerenti għall-ħajja matrimonjali u għall-familja, imma ma jiqafx japprezzahom fil-valur reali tagħhom. Iċ-ċaħda ssir bi skop ta’ ġid ikbar, ta’ valuri iktar għoljin, miġbura fil-qosor fl-espressjoni evanġelika sabiħa tas-“Saltna tas-smewwiet”. Id-don sħiħ ta’ dak li jkun għal din is-Saltna jiġġustifika u jqaddes iċ-ċelibat.

5. Ġesù jiġbed l-attenzjoni fuq id-don ta’ dawl divin meħtieġ diġa biex “tiftiehem” it-triq taċ-ċelibat volontarju. Mhux kulħadd jistà jifhem, fis-sens li mhux kulħadd huwa “kapaċi” jilqà s-sinifikat tagħha, li jaċċettaha, li jqiegħdha fil-prattika. Dan id-don ta’ dawl u ta’ deċiżjoni jingħata biss lil xi wħud. Huwa privileġġ mogħti lilhom għal imħabba ikbar. Għalhekk wieħed m’għandux għalfejn jistagħġeb jekk ħafna, waqt li ma jifhmux il-valur taċ-ċelibat ikkonsagrat, ma jinġibdux lejh, spiss lanqas ma jafu japprezzawh. Dan ifisser li hemm diversità ta’ toroq, ta’ kariżmi, ta’ funzjonijiet, bħal ma kien għaraf San Pawl, li b’mod spontanju kien xtaq jaqsam ma’ kulħadd l-ideal tiegħu ta’ ħajja verġinali. Kien kiteb infatti: “Irrid li lkoll kontu bħali; imma kull wieħed – kien żied – għandu d-don propju mingħand Alla, min b’mod, min b’ieħor” (1 Kor 7, 7). Mill-bqija, bħal ma kien osserva San Tumas, “mill varjetà tal-istati toħroġ is-sbuħija għall-Knisja” (Santu Wistin, Summa theologiae, II-II, q. 184, a. 4).

6. Min-naħa tal-bniedem huwa mitlub att ta’ rieda maħsuba, konxja tal-impenn u tal-privileġġ taċ-ċelibat ikkonsagrat. Din mhix sempliċi estensjoni taż-żwieġ, linqas osservanza mhix immotivata u kważi passiva tar-regoli mposti mill-kastità. L-att ta’ ċaħda għandu l-aspett pożittiv tiegħu fid-dedikazzjoni l-iktar totali għas-Saltna, li tinvolvi attakkament assolut ma’ Alla “maħbub immensament” u għas-servizz, appuntu, tas-Saltna tiegħu. L-għażla għalhekk għandha tkun immeditata sewwa u tiġi minn deċiżjoni soda u konxja, immaturata fl-intimu tal-persuna.

San Pawl jesprimi l-esiġenzi u l-vantaġġi ta’ din id-dedikazzjoni għas-Saltna: “Min mhux miżżewweġ ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri kif jogħġob lill-Mulej. Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu! Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa, u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri biex ikunu qaddisin f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri kif togħġob lil żewġha” (1 Kor 7, 32-34). L-Apposdtlu m’għandux f’moħħu li jippronunzja kundanni fuq l-istat konjugali (cf. 1 Tm 4, 1-3), linqas li “jxekkel” lil xi ħadd, kif jgħid hu (1 Kor 7, 35); imma bir-realiżmu ta’ esperjenza mdawla mill-Ispirtu Santu, jitkellem u jagħti parir – bħal ma jikteb – “għall-ġid tagħkom . . . biex nindirizzakom għal dak li huwa dehen u nżommkom marbutin mal-Mulej bla tixrid tal-moħħ” (Ivi). Dan huwa l-iskop tal-“pariri evanġeliċi”. Il-Konċilju Vatikan II ukoll, fidil għat-tradizzjoni tal-pariri jiddikjara li l-kastità hija “mezz effikaċissmu offrut lir-reliġjużi biex jistgħu jiddedikaw ruħhom b’mod ġeneruż għas-servizz divin u għall-opri tal-apostolat” (Perfecate Caritatis, 12).

7. Il-kritika għaċ-“ċelibat ikkonsagrat” irrepetiet ruħha spiss fl-istorja, u l-Knisja kellha bosta drabi tiġbed l-attenzjoni fuq l-eċċellenza tal-istat reliġjuż taħt dan l-aspett: biżżejjed infakkru hawn id-Dikjarazzjoni tal-Konċilju ta’ Trentu (cf. Denz.-S. 1810), imfakkra mill-ġdid minn Piju XII fl-Enċiklika Sacra virginitas għall-valur tagħha maġisterjali (cf. Piju XII, Sacra Virginitas: AAS 46 [1954] 174). Dan ma jfissirx nitfgħu dell fuq l-istat matrimonjali. Hemm bżonn iżda li jkollna preżenti dak li jiddikjara l-katekiżmu tal-Knisja Kattolika. “It-tnejn, is-sagrament taż-Żwieġ u l-verġinità għas-Saltna ta’ Alla, jiġu mingħand il-Mulej innifsu”.

Huwa Hu li jtihom sens u jagħti l-grazzja ndispensabbli biex ngħixuhom b’mod konformi mar-rieda tiegħu. L-istima tal- verġinità għas-Saltna u s-sens nisrani taż-Żwieġ huma nseparabbli u jiffavorixxu ruħhom b’mod reċiproku” (Catechismo della Chiesa Cattolica, n. 1620, cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptionis donum, 11).

Il-Konċilju Vatikan II iwissi li l-aċċettazzjoni u l-osservanza tal-parir evanġeliku tal-verġinità u taċ-ċelibat ikkonsagrati jitlob “maturità konvenjenti psikoloġika u effettiva” (Perfectae Caritatis, 12). Din il-maturità hija ndispensabbli.

Il-kondizzjonijiet mela għal segwitu fidil ta’ Kristu dwar dan il-punt huma: il-fiduċja fl-imħabba divina u l-invokazzjoni stimulata tal-għarfien tad-dgħufija umana; imġieba prudenti u umli; u, fuq kollox, ħajja ta’ għaqda ntensa ma’ Kristu.

F’dan l-aħħar punt, li huwa l-muftieh tal-ħajja kollha kkonsagrata, hemm is-sigriet tal-fedeltà lil Kristu bħala Għarus uniku tar-ruħ, raġuni unika tal-ħajja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb