110. Xhud għall-imħabba spożali għall-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 23/11/1994.

1. Ir-reliġjużi, skont id-Digriet konċiljari Perfectae Caritatis, “quddiem il-fidili kollha huma mogħnija b’dak il-mirabile connubio operat minn Alla, u li juri ruħu fil-milja tiegħu fis-seklu futur, li għalih il-Knisja għandha lil Kristu bħala l-Għarus uniku” (Perfectae Caritatis, 12).

Huwa f’dan iż-żwieġ li wieħed jiskopri l-valur fundamentali tal-verġinità jew ċelibat fir-rigward ta’ Alla. U għal din ir-raġuni li wieħed jitkellem dwar “karita kkonsagrata”.

Il-verità ta’ dan iż-żwieġ tirrivela ruħha mhux minn ftit stqarrijiet tat-Testment il-Ġdid. Niftakru li diġa l-Battista jaħtar lil Ġesù bħala l-għarus li jippossiedi l-għarusa, jiġifieri l-poplu li jiġri għall-magħmudija tiegħu; waqt li hu, Ġwanni, jara lilu nnifsu bħala “l-ħabib tal-għarus, li huwa preżenti u jisimgħu”, u li “jogħxa bil-ferħ għal-leħen tal-għarus” (Ġw 3, 29). Din hija xbiha nuzjali, li diġa fit-Testment il-Qadim kienet użata biex tindika rapport strett bejn Alla u Iżrael: speċjalment il-profeti, wara Osea (Os 1, 2ss), kienu jinqdew b’dan biex jigglorifikaw dak ir-rapport u biex jiġbdu l-attenzjoni tal-poplu kemm-il darba jkun ittradieh (cf. 1, 21; Ġer 2, 2; 3,1; 3, 6-12; Eż 16; 23). Fit-tieni parti tal-Ktieb ta’ Iżaija, ir-restawr ta’ Iżrael jiġi ppreżentat bħala r-rikonċiljazzjoni tal-għarusa infidila mal-għarus (cf. 50, 1; 54, 5-8; 62, 4-5). Il-preżenza ta’ din ix-xbiha fir-reliġjożità ta’ Iżrael tidher ukoll mill-Għanja tal-Għanjiet u mis-Salm 45, għanjiet nuzjali prefigurattivi taż-żwieġ mas-Sultan-Messija. Bħal ma kienu nterpretati mit-tradizzjoni ġudajka u nisranija.

2. F’dan il-kuntest tat-tradizzjoni tal-poplu tiegħu, Ġesù jieħu pussess tax-xbiha biex jgħid li Hu stess huwa l-għarus imħabbar minn qabel u mistenni: l-Għarus-Messija (cf. Mt 9, 15; 25, 1). Huwa jinsisti fuq din l-analoġija u terminoloġija ukoll biex jispjega x’inhija s-“Saltna” li huwa ġie biex iġib. “Is-Saltna tas-smewwiet tixbaħ sultan li jagħmel festa tat-tieġ lil ibnu” (Mt 22, 2). Huwa jqabbel lid-dixxipli tiegħu ma’ sħab l-għarus, li jifirħu bil-preżenza tiegħu, u li jsumu meta jitteħdilhom l-għarus (cf. Mk 2, 19-20). Magħrufa sewwa hija wkoll il-parabbola l-oħra tal-għaxar verġni li jistennew il-wasla tal-għarus għall-festa tat-tieġ (cf. Mt 25, 1-13); kif ukoll dik tal-qaddejja li għandhom jgħassu biex jilqgħu lil sidhom meta jiġi lura mit-tieġ (cf. Lq 12, 35-38) Wieħed jistà jgħid li f’dan is-sens huwa sinifikattiv ukoll l-ewwel miraklu li Ġesù jwettaq f’Kana, propju waqt l-ikla tat-tieġ (cf. Ġw 2, 1-11).

Waqt li jiddefenixxi lilu nnifsu bit-titlu ta’ l-Għarus, Ġesù esprima s-sens tad-dħul tiegħu fl-istorja, fejn ġie biex iwettaq ż-żwieġ ta’ Alla mal-umanità, skont l-aħbar profetika, biex jistabilixxi l-Patt il-Ġdid ta’ Jaħwè mal-poplu tiegħu, u jsawwab f’qalb il-bnedmin don ġdid ta’ mħabba divina waqt li jġegħlom iduqu l-ferħ. Bħala Għarus jistieden biex iwieġbu għal dan id-don tal-imħabba: ilkoll aħna msejħa biex inwieġbu b’imħabba għall-imħabba. Lil xi wħud jitlob tweġiba iktar sħiħa, iktar qawwija, iktar radikali; dik tal-verġinità jew ċelibat “għas-Saltna tas-smewwiet”.

3. Huwa magħruf li wkoll San Pawl laqà u żviluppa x-xbiha ta’ Kristu Għarus, issuġġerita mit-Testment il-Qadim u magħmula propja minn Ġesù fil-predikazzjoni tiegħu u fil-formazzjoni tad-dixxipli li kellhom jikkostitwixxu l-ewwel komunità. Lil dawk li kienu fit-tieġ l-Appostlu jirrakkomanda li jqisu l-eżempju tat-tieġ messjaniku: “Intom, irġiel miżżewġa, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħal ma Kristu ħabb lill-Knisja” (Ef 5, 25). Imma wkoll ‘il hemm minn dawn l-applikazzjonijiet speċjali għaż-żwieġ, huwa jqis il-ħajja nisranija fil-prospettiva ta’ għaqda sponsali ma’ Kristu: “Jiena għarrastkom ma’ għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja biex irreesaqkom quddiem Kristu” (2 Kor 11, 2).

Din hija preżentazzjoni lill-Kristu-Għarus, li Pawlu kien jixtieq jagħmel għall-insara kollha. Imma mhemmx dubju li x-xbiha pawlina tax-xebba safja ssib l-attwazzjoni l-iktar integrali tagħha u l-ikbar sinifikat fil-kastità kkonsagrata. Il-mudell l-iktar tal-għaġeb ta’ tali twettiq huwa l-Verġni Marija, l- laqgħet fiha l-aqwa tat-tradizzjoni sponsali tal-poplu tagħha, billi ma llimitatx ruħha għall-għarfien tal-appartenenza speċjali tagħha lil Alla fuq il-pjan soċjo-reliġjuż, imma billi ġarret l-idea taż-żwieġ ta’ Iżrael għad-donazzjoni totali ta’ ruħha u ta’ ġisimha “għas-Saltna tas-smewwiet”, f’dik il-forma sublimi ta’ kastità magħżula b’mod koxjenti. Għal dan il-Konċilju jistà jiddikjara li fil-Knisja l-ħajja kkonsagrata titwettaq f’sintonija profonda mal-Beata Verġni Marija (cf. Lumen gentium, 41), li hija ppreżentata mill-Maġisteru tal-Knisja bħala l-“ikkonsagrata bil-mod l-iktar perfett” (cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptionis donum, 17).

4. Fid-dinja nisranija dawl ġdid joħroġ mill-kelma ta’ Kristu u mill-oblazzjoni eżemplari ta’ Marija, magħrufa minn kmieni minn l-ewwel komunitajiet. Ir-referenza għall-għaqda nuzjali ta’ Kristu u tal-Knisja tagħti lill-istess żwieġ l-ogħla dinjità: b’mod partikolari, is-sagrament taż-Żwieġ idaħħal lill-għarajjes fil-misteru tal-għaqda ta’ Kristu u tal-Knisja. Imma l-professjoni tal-verġinità jew ċelibat iġġiegħel lill-ikkonsagrati jipparteċipaw fil-misteru ta’ dan iż-żwieġ b’mod l-iktar dirett. Waqt li l-imħabba konjugali tmur għal Kristu-Għarus permezz tal-imħabba umana magħquda l-imħabba verġinali tmur b’mod dirett għall-persuna ta’ Kristu permezz ta’ għaqda mmedjata miegħu, mingħajr medjaturi: żwieġ spiritwali tassew sħiħ u deċiżiv. U hekk fil-persuni ta’ dawk li jipprofessaw u jgħixu l-kastità kkonsagrata il-Knisja twettaq massimament l-unjoni tagħha ta’ Għarusa ma’ Kristu-Għarus. Għal dan wieħed irid jgħid li l-ħajja verġinali ssib ruħha fil-qalb tal-Knisja.

5. Dejjem fuq il-linja tal-konċezzjoni evanġelika u nisranija, wieħed irid iżid li din l-unjoni mmedjata mal-Għarus tikkostitwixxi antiċipu tal-ħajja ċelesti, li se tkun ikkaraterizzata ninn viżjoni jew pussess ta’ Alla mingħajr medjaturi. Bħal ma jgħid il-Konċilju Vatikan II, il-kastità kkonsagrata hija “sejħa mill-ġdid għal dak iż-żwieġ meraviljuż, operat minn Alla, li juri ruħu fil-milja tiegħu fis-seklu futur” (Perfecate Caritatis, 12). Fil-Knisja l-istat tal-verġinità jew ċelibat għandu mela sinifikat eskatoloġiku, bħala aħbar espressiva b’mod partikolari tal-pussess ta’ Kristu bħala Għarus uniku, li jaffettwa ruħu fil-milja tiegħu fid-dinja l-oħra. F’dan is-sens wieħed jistà jaqra dik il-kelma mlissna minn Ġesù dwar l-istat ta’ ħajja li tappartieni lill-magħżulin wara l-qawmien mill-imwiet tal-iġsma: huma “la jiżżewġu nisa u linqas irġiel, u linqas jistgħu jmutu, għaliex ikunu ugwali għall-Anġli, u, billi huma wlied tal-qawmien mill-imwiet (=irxuxtati), huma wlied Alla” (Lq 20,35-36). Il-kondizzjoni tal-kastità kkonsagrata, għalkemm fost id-dlam u d-diffikultajiet tal-ħajja terrena, tintroduċi l-għaqda ma’ Alla, fi Kristu, li l-magħżulin ikollhom fil-feliċità ċelesti, meta l-ispiritwalizzazzjoni tal-bniedem irxuxtat tkun perfetta.

6. Meta wieħed iqis din il-mira tal-għaqda ċelesti ma’ Kristu-Għarus, jifhem il-feliċità profonda tal-ħajja kkonsagrata. San Pawl jaċċenna għal din il-feliċità, meta jgħid li min mhux miżżewweġ jokkupa ruħu f’kollox bil-ħwejjeġ tal-Mulej u ma jsibx ruħu maqsum bejn id-dinja u l-Mulej (cf. 1 Kor 7, 39-35). Imma din hija feliċità li ma teskludix u linqas twarrab għal kollox mis-sagrifiċċju, għaliex iċ-ċelibat ikkonsagrat jinvolvi xi ċaħdiet li permezz tagħhom isejjaħ u jitwettaq iktar ma’ Kristu msallab. San Pawl ifakkar espressament li fi mħabbtu ta’ Għarus, Ġesù Kristu offra s-sagrifiċċju tiegħu għall-qdusija tal-Knisja (cf. Ef 5, 25). Fid-dawl tas-Salib nifhmu li kull għaqda ma’ Kristu-Għarus hija mpenn ta’ mħabba għall-Mislub, ladarba dawk li jipprofessaw l-kastità kkonsagrata jafu li huma ddestinati għal sehem iktar profond fis-sagrifiċċju ta’ Kristu għall-fidwa tad-dinja (cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptionis Donum, 8 e 11).

7. Il-karattru permanenti tal-għaqda nuzjali ta’ Kristu u tal-Knisja jesprimi ruħu fil-valur definittiv tal-professjoni tal-kastità kkonsagrata fil-ħajja reliġjuża: “Il-konsagrazzjoni tkun ferm iktar perfetta, daqs kemm permezz ta’ rbit iktar solidu u stabbli huwa aħjar irrapreżentat Kristu magħqud mal-Knisja l-Għarusa tiegħu b’mod li ma jinħallx” (Lumen Gentium,  44). L-indissolubiltà tal-patt tal-Knisja ma’ Kristu-Għarus, ipparteċipata fl-impenn tad-don tagħha nfisha lil Kristu fil-ħajja verġinali, issejjes il-valur permanenti tal-professjoni perpetwa. Wieħed jistà jgħid li hija hi don assolut lil Dak li huwa l-Assolut. Dan ifehmulna Ġesù stess meta jgħid li “ħadd minn dawk li xeħtu jdejhom fuq il-moħriet u mbagħad iħares lura, mhu addattat għas-Saltna ta’ Alla” (Lq 9, 62). Il-permanenza, il-fedeltà fl-impenn tal-ħajja reliġjuża ddawwal ruħha fid-dawl ta’ din il-kelma evanġelika.

Bix-xhieda tal-fedeltà tagħhom lil Kristu, l-ikkonsagrati jsostnu l-fedeltà tal-istess għarajjes fiż-żwieġ. Id-dmir li jagħtu dan is-sosten iċedi għad-dikjarazzjoni ta’ Ġesù dwar dawk li jirrendu ruħhom ewnuki għas-Saltna tas-smewwiet (cf. Mt 19, 10-12): biha l-Imgħallem irid juri li l-indissolubiltà taż-żwieġ – li kien għadu kemm esprima – mhuwiex impossibbli li dak li jkun josservaha, bħal ma kienu nsinwaw id-dixxipli, għaliex hemm persuni li, bl-għajnuna tal-grazzja, jgħixu ‘il hrmm miż-żwieġ f’kontinenza perfetta.

Wieħed jara mela li, bogħod milli jkunu opposti wieħed għal ieħor, iċ-ċelibat ikkonsagrat u ż-żwieġ huma magħqudin fil-pjan divin. Flimkien, huma ddestinati biex juru aħjar l-għaqda ta’ Kristu u tal-Knisja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb