113. Il-Ħajja komuni hija mmudellata fuq il-Knisja bikrija


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 14/12/1994.

1. Dwar l-aspetti essenzjali tal-ħajja kkonsagrata il-Konċilju Vatikan II, fid-Digriet Perfectae caritatis, wara li jkun tratta l-pariri evanġeliċi tal-Kastità, il-povertà, l-ubbidjenza, jitkellem dwar il-vita in comune b’riferenza għall-ewwel komunitajiet insara u fid-dawl tal-Vanġelu.

It-tagħlim tal-Konċilju dwar dan il-punt huwa ferm importanti, ukoll jekk hu minnu li ħajja flimkien mifhuma b’mod strett ma teżistix jew tiġi mnaqqsa ħafna f’diversi forom ta’ ħajja kkonsagrata, bħal dawk eremitiċi, waqt li mhix neċessarjament mitluba fl-istituti sekolari. Imma din teżisti fil-maġġoranza l-kbira tal-istituti ta’ ħajja kkonsagrata u hija dejjem meqjusa, kemm min-naħa tal-fundaturi kif ukoll mill-Knisja, bħala osservanza fundamentali għall-andament tajjeb tal-ħajja reliġjuża u għal ordni validu tal-apostolat. Bħala konferma ta’ dan, il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Apostolika reċentement ippubblikat (2 ta’ Frar 1994) dokument speċjali dwar “Il-Ħajja fraterna f’komunità”.

2. Jekk inħarsu lejn il-Vanġelu, inkunu nistgħu ngħidu li l-ħajja flimkien twieġeb għat-tagħlim ta’ Ġesù dwar ir-rabta bejn iż-żewġ preċetti tal-imħabba lejn Alla u tal-imħabba lejn il-proxxmu. Fi stat ta’ ħajja li fih wieħed irid iħobb lil Alla b’mod immens, wieħed ma jistax ma jimpenjax ruħu wkoll biex iħobb b’ġenerożità lill-proxxmu, jibda minn dawk li huma qrib tiegħu għaliex jappartienu lill-istess komunità. Dan huwa l-istat ta’ ħajja tal-“ikkonsagrati””.

Barra minn hekk, mill-Vanġelu jirriżulta li s-sejħiet ta’ Ġesù kienu ndirizzati, iva, lill persuni ndividwali, imma ġeneralment biex jistedinhom ħalli jassoċjaw ruħhom, biex jiffurmaw grupp: hekk dan kien għall-grupp tad-dixxipli. Hekk għal dak tan-nisa.

Fil-paġni evanġeliċi hemm ukoll iddokumentata l-importanza tal-karità fraterna bħala ruħ tal-komunità u allura bħala valur essenzjali tal-ħajja komuni. Dan jirreferuhulna xi duskussjonijiet li saru diversi drabi fost l-istess Appostli, li, waqt li segwew lil Ġesù, ma qatgħux milli kienu bnedmin, ulied żmienhom u l-poplu tagħhom: kienu jħabblu moħħhom biex jistabilixxu supremaziji ta’ kobor u ta’ kmand. It-tweġiba ta’ Ġesù kienet lezzjoni ta’ umiltà u disponibiltà biex jaqdu (cf. Mt 18, 34; 20, 26-28). Imbagħad huwa tahom il-kmandament “tiegħu” dak tal-imħabba għal xulxin (cf. Ġw 13, 34; 15, 12.17) skont l-eżempju tiegħu. Fl-istorja tal-Knisja, u b’mod partikolari tal-Istituti tar-reliġjużi, il-problema tar-rapporti bejn individwi u gruppi spiss kienet riproposta, u ma kellhiex  tweġiba valida oħra għajr dik tal-umiltà nisranija, tal-imħabba fraterna, li tgħaqqad fl-isem u bis-saħħa tal-karità ta’ Kristu, bħal ma jtenni l-innu qadim tal”agapi”: Congregavit nos in unum Christi amor: l-imħabba ta’ Kristu ġabritna flimkien.

Bla dubju l-imħabba fraterna fil-ħajja komuni titlob sforzi u sagrifiċċji notevoli, u tesiġi ġenerożità xejn inqas mill-eżerċizzju tal-pariri evanġeliċi. Għalhekk id-dħul fi Stitut reliġjuż jew f’komunità jinvolvi impenn serju biex tgħix l-imħabba fraterna f’kull aspett tagħha.

3. Hija ta’ eżempju f’dan il-komunità tal-ewwel insara. Din tiltaqà, minnufih wara t-Tlugħ is-Sema, biex titlob f’għaqda ta’ qalb (cf. At 1, 14), u biex tippersevera fil-“komunjoni” fraterna (At 2, 42), waqt li tasal saħansitra għall-qsim tal-ġid: “kienu jaqsmu kollox bejniethom” (At 2, 44).

L-għaqda mixtieqa minn Kristu kienet issib f’dak il-waqt tal-bidu tal-Knisja attwazzjoni denja li tibqà mfakkra: Il-moltitudni ta’ dawk li kienu waslu għall-fidi kellha qalb waħda u ruħ waħda” (At 4, 32).

Fil-Knisja baqgħet dejjem ħajja t-tifkira – forsi wkoll in-nostalġija – ta’ dik il-komunità primittiva, u fil-fond il-komunitajiet reliġjużi dejjem fittxew li jirriproduċu dak l-ideal ta’ komunjoni fil-karità li saret norma prattika ta’ ħajja flimkien. Il-membri tagħhom, mlaqqgħa mill-karità ta’ Kristu. Jgħixu flimkien għaliex jifhmu li għandhom jibqgħu f’din l-imħabba. Hekk jistgħu jkunu xhieda tal-veru wiċċ tal-Knisja, li fih tirrifletti ruħha: il-karità.

“Qalb waħda, ruħ waħda” ma tfissirx, monolitiżmu, taqsir, imma komunjoni profonda fil-fehim ta’ xulxin u fir-rispett reċiproku.

4. Iżda din ma tistax tiġi meqjusa biss bħala għaqda ta’ simpatija u ta’ mħabba umana. Il-Konċilju, eku tal-Atti tal-Appostli, jitkellem minn “għaqda ta’ spirtu” (Perfectae caritatis, 15). Din hija għaqda li għandha l-għeruq l-iktar profondi tagħha fl-Ispirtu Santu, li tgħaddas il-karità fil-qlub (cf. Rm 5, 5) li timbotta persuni differenti biex jgħinu ruħhom fil-mixja tal-perfezzjoni, waqt li jistabilixxu u jżommu bejniethom klima ta’ fehim tajba u ta’ koperazzjoni. Bħal ma jassikura l-għaqda fil-Knisja kollha, l-Ispirtu Santu jiddeterminaha u jġegħlha tibqà b’mod ukoll iktar qawwija fil-komunitajiet tal-ħajja kkonsagrata.

Liema huma t-toroq tal-karità msawba mill-Ispirtu Santu? Il-Konċilju jiġbed l-attenzjoni b’mod speċjali fuq l-istima reċiproka (cf. Perfectae caritatis, 15). Dan japplika għar-reliġjużi żewġ rakkomandazzjonijiet ta’ San Paqwl lill-ionsara: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa, fittxu li tistmaw lil xulxin” (Rm 12, 10) -“Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin” (Gal 6, 2).

L-istima ta’ xulxin hija espressjoni tal-imħabba ta’ xulxin, li topponi ruħha għat-tendenza tant mifruxa li niġgudikaw b’mod sever lill-proxxmu u biex nikkritikawh. Ir-rakkomandazzjoni pawlina tistimula biex niskopru fl-oħrajn il-kwalitajiet tagħhom u, sa fejn nistgħu naraw bl-għajnejn umani, l-opra meraviljuża tal-grazzja u – fl-aħħarnett – tal-Ispirtu Santu. Din l-istima tinvolvi l-aċċettazzjoni tal-ieħor bil-propjetajiet tiegħu u l-mod tiegħu ta’ kif jaħseb u jaġixxi; hekk ikun possibbli li negħlbu bosta ostakoli għall-armonija bejn karattri spiss differenti ħafna.

“Erfgħu t-tagħbijiet ta’ xulxin” tfisser li nassumu b’simpatija d-difetti, veri jew apparenti, tal-oħrajn, ukoll meta nħossuna nkwetati, u naċċettaw bil-qalb is-sagrifiċċji li jiġu mposti mill-konvivenza ma’ dawk li m’għandhomx il-mentalità u t-temperament jaqbel għal kollox mal-mod propju kif jaraw u jiġġudikaw.

5. Il-Konċilju (PC 15), dejjem f’dan ir-rigward, ifakkar li l-karità hija t-twettiq tal-liġi (cf. Rm 13, 10), ir-rabta tal-perfezzjoni (cf. Kol 3, 14), is-sinjal tal-passaġġ mill-mewt għall-ħajja (cf. 1 Gw 3, 14), il-wirja tal-miġja ta’ Kristu (cf. Ġw14, 21.23), is-sors ta’ enerġija għall-apostolat. Nistgħu napplikaw għall-ħajja komuni l-eċċellenza tal-karità deskritta minn San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin (1 Kor 13, 1-13), u nattribwixxu lilha lil dawk li l-Appostlu jsejjaħ il-frott tal-Ispirtu: “Imħabba, ferħ, paċi, sabar, rieda tajba, tjubija, manswetudni, kontroll tiegħek innifsek” (Gal 5, 22): frott – jgħid il-Konċilju – tal-“imħabba ta’ Alla msawwab fil-qlub” (Perfectae caritatis, 15).

Ġesù qal: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, jien inkun f’nofshom” (Mt 18, 20). Hawn hi: il-preżenza ta’ Kristu hija miksuba kulfejn ikun hemm unità fil-karità, u l-preżenza ta’ Kristu hija sors ta’ ferħ profond, li jiġġedded kuljum, sal-waqt tal-laqgħa definittiva miegħu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.