115. Ir-Reliġjużi jaqdu t-tkabbir tas-Saltna ta’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 11/01/1995.

1. Il-Konċilju Vatikan II iqiegħed fid-dawl id-dimensjoni ekleżjoloġika tal-pariri evanġeliċi (Lumen Gentium, 44).

Ġesù stess, fil-Vanġelu, iħallina nifhmu li l-appelli tiegħu għall-ħajja kkonsagrata għandhom bħala skop l-instawrazzjoni tas-Saltna: iċ-ċelibat volontarju għandu jkun ipprattikat għas-Saltna tas-smewwiet (cf. Mt 19, 12) u ċ-ċaħda universali biex dak li jkun isegwi lill-Imgħallem tiġgustifika ruħha mas-“Saltna ta’ Alla” (Lq 18, 29).

Ġesù jimponi relazzjoni stretta ħafna bejn il-missjoni minnu afdata lill-Appostli u t-talba ndirizzata lilhom li jħallu kollox biex isegwuh: l-attivitajiet profani tagħhom u l-ġid tagħhom (ta ídia), kif naqraw f’Lq 18, 28. Pietru dan jafu; għalhekk jiddikjara lil Ġesù, ukoll f’isem l-Appostli l-oħra: “Hekk hu, aħna ħallejna kollox u ġejna warajk” (Mk 10, 28; cf. Mt 19, 27).

Dak li Ġesù jitlob mill-Appostli tiegħu, jitolbu wkoll lil min, fid-diversi epoki tal-istorja tal-Knisja, jaċċetta li jsegwih fl-apostolat fit-triq tal-pariri evanġeliċi: id-don tal-persuna kollha u tal-qawwiet kollha għall-iżvilupp tas-Saltna ta’ Alla fuq l-art, żvilupp li fih il-Knisja għandha r-responsabiltà ewlenija. U jkollna ngħidu li, skont it-tradizzjoni nisranija, l-iskop tal-vokazzjoni ma huwa qatt b’mod esklussiv il-qdusija personali. Anzi, qdusija esklussivament personali ma tkunx awtentika, għaliex Kristu rabat b’mod strett il-qdusija u l-karità. Mela min ifittex qdusija personali dan għandu jagħmlu fil-kuntest ta’ impenn ta’ servizz għall-ħajja u għall-qdusija tal-Knisja. Il-ħajja kontemplattiva wkoll, bħal ma diġa rajna f’katekeżi preċedenti, tinvolvi dan l-orjentament ekkleżjoloġiku.

Minn hawn jiġi, skont il-Konċilju, id-dmir u d-dover tar-reliġjużi li “jaħdmu f’kull parti tad-dinja” (Lumen Gentium, 44), biex jikkonsolidaw u jespandu s-Saltna ta’ Kristu. Fil-varjetà kbira ta’ servizzi li tagħhom għandha bżonn il-Knisja, hemm post għal kulħadd: u kull ikkonsagrat jistà u għandu jimpenja l-qawwiet tiegħu fl-opra kbira tal-instawrazzjoni u tal-estensjoni tas-Saltna ta’ Kristu fuq l-art, skont il-ħiliet u l-kariżmi lilu mogħtija f’armonija kostruttiva mal-missjoni tal-familja reliġjuża propja.

2. Għall-espansjoni tas-Saltna ta’ Kristu (cf. Lumen Gentium, 44) timmira b’mod partikolari l-attività missjonarja. Fil-fatt, l-istorja tikkonferma li r-reliġjużi żvolġew rwol importanti fl-espansjoni missjunarja tal-Knisja. Imsejħin u ivvotati għal konsagrazzjoni totali, ir-reliġjużi juru l-ġenerożità tagħhom billi jimpenjaw ruħhom ħalli jwasslu l-aħbar tal-bxara t-tajba tal-Imgħallem u Mulej tagħhom ma’ kullimkien, bħal ma kien seħħ għall-Appostli. Maġemb l-Istituti li fihom parti mill-membri jiddedikaw ruħhom għall-attività missjunarja “ad gentes”, hemm oħrajn imwaqqfa b’mod espress għall-evanġelizzazzjoni tal-popolazzjoni li għad  ma’ u li ma kinux għadhom ircivew il-Vanġelu.

Il-karattru missjunarju tal-Knisja jikkonkretizza ruħu b’dan il-mod f’“Vokazzjoni speċjali” (cf. Redemptoris Missio, 65), li tirrendih operanti ‘il hemm mill-fruntieri kollha ġejografiċi, etniċi, kulturali, “in universo mundo” (cf. Mk 16, 15).

3. Id-Digriet Perfectae Caritatis tal-Konċilju Vatikan II ifakkar li “hemm fil-Knisja  bosta Istituti, klerikali jew lajċi, iddedikati għall-opri differenti tal-apostolat, li għandhom doni differenti skont il-grazzja li ngħatat lilhom” (Perfectae Caritatis, 8). Huwa l-Ispirtu Santu li jqassam il-kariżmi skont il-bżonnijiet krexxenti tal-Knisja u tad-dinja. Ma nistgħux ma nagħrfux f’dan il-fatt wieħed mis-sinjali l-iktar ċari tal-ġenerożità divina, ispiratriċi u stimulatriċi tal-ġenerożità umana. U jinħtieġ li nifirħu tassew meta dan is-sinjal huwa daqshekk spiss, bħal fi żmienna, propju għaliex jindika li jitwessa u japprofondixxi ruħu s-sens tas-servizz għas-Saltna ta’ Alla u għall-iżvilupp tal-Knisja. Skont it-tagħlim tal-Konċilju l-azzjoni tar-reliġjużi, kemm fuq il-pjan l-iktar dirett apostoliku kif ukoll fuq dak karitattiv, mhijiex ostaklu għall-qdusija tagħhom, imma tikkontribwixxi biex tipproduċiha, għaliex tiżviluppa l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu u tagħmel li jipparteċipa min jiżvolġi l-apostolat għall-grazzja mogħtija lil dawk li jirċievu l-benefiċċju ta’ dik l-attività.

4. Imma l-Konċilju jżid li l-attività apostolika kollha għandha tkun animata mill-għaqda ma’ Kristu, li għaliha ma jistgħux ma jaspirawx ir-reliġjużi, bis-saħħa tal-professjoni tagħhom stess. “Propju l-ħajja kollha reliġjuża tal-membri tkun interpenetrata minn spirtu apostoliku, u l-azzjoni kollha apostolika tkun animata minn spirtu reliġjuż” (Perfectae Caritatis, 8). L-ikkonsagrati għandhom ikunu l-ewwel nies, fil-Knisja, li jagħtu prova li jafu jirreżistu għat-tentazzjoni li jissagrifikaw it-talb għall-azzjoni. Imiss lilhom li juru kif l-azzjoni tikseb l-fertilità apostolika tagħha minn ħajja interna mimlija fidi u minn esperjenzi tal-ħwejjeġ divini: “ex plenitudine contemplationis”, kif kien jgħid San Tumas d’Aquino (Summa Theol., II-II, q. 288, a. 6; III, q. 40, a. 1, ad 2).

Il-problema tar-rikonċiljazzjoni tal-attività apostolika mat-talb tqanqal bosta drabi tul is-sekli u wkoll illum, b’mod parikolari fl-istituti monastiċi. Il-Konċilju jagħti ġieħ lill-“istituzzjoni venerabbli tal-ħajja monastika li tul il-korsa tas-sekli kisbet merti distinti għall-Knisja u għas-soċjetà” (Perfectae Caritatis, 9). Huwa jagħraf l-possibiltà ta’ aċċentwazzjonijiet differenti tal-“uffiċċju ewlieni tal-irħieb”, li huwa dak li “joffru servizz umli u fl-istess ħin nobbli lill-Majjrstà divina, ‘il ġewwa mill-ħitan tal-monasteru”, skont id-dedikazzjoni totali għall-kult divin b’ħajja moħbija jew billi jassumi wkoll “xi inkarigu leġittimu ta’ apostolat jew ta’ karità nisranija” (Perfectae Caritatis, 9).

Iktar b’mod ġenerali, il-Konċilju jirrakkomanda lill-istituti kollha adattament konvenjenti tal-osservanzi u tal-użi għall-esiġenzi tal-apostolat li għalihom jiddedikaw ruħhom,  billi iżda jikkonsidraw l-“forom multipliċi ta’ ħajja reliġjuża kkonsagrata għall-apostolat”, u allura tad-diversità u wkoll tal-bżonn li “fl-istituti differenti l-ħajja tal-membri fis-servizz ta’ Kristu tkun sostnuta b’mezzi propji u rispondenti għall-iskop” (Perfectae Caritatis, 8). Barra minn dan f’din l-opra ta’ addattament,  qatt m’għandhom jinsew li din hija qabel kollox opra tal-Ispirtu Santu, liI għaliha għalhekk hemm bżonn li nkunu doċli fit-tiftix ta’ mezzi ta’ azzjoni iktar effikaċi, iktar fertili.

5. Għal dan il-kontribut multiplu li r-reliġjużi, skont il-varjetà tal-vokazzjonijiet tagħhom u tal-kariżmi tagħhom, jagħtu permezz tat-talb u bl-azzjoni tal-espansjoni u għat-tisħiħ tas-Saltna ta’ Kristu, il-Knisja – jgħid il-Konċilju – “tiddefendi u ssostni l-karattru propju tal-Istituti reliġjużi differenti” (Il-Kostituzzjoni Lumen Gentium, 44); u “mhux biss twaqqaf bl-approvazzjoni tagħha l-professjoni reliġjuża għad-dinjità tal-istat kanoniku, imma bl-azzjoni liturġika tippreżentaha wkoll bħala stat ikkonsagrat lil Alla… waqt li tassoċja l-oblazzjoni tagħhom mas-sagrifiċċju ewkaristiku” (Lumen Gentium, 45).

B’mod partikolari l-Papa Ruman, skont il-Konċilju, jfittex il-ġid tal-Istituti reliġjużi u tal-membri ndividwali tagħhom “sabiex ikunu pprovduti bl-aħjar possibbli meħtieġ għall-bżonnijiet tal-merħla kollha tal-Mulej”: fl-isfera ta’ dan il-għan terġà tidħol l-eżenzjoni li għaliha xi Istituti huma sottomessi n’mod dirett għall-awtorità pontifiċja. Din l-eżenzjoni ma teżentax lir-reliġjużi mill-“qima u l-ubbidjenza lejn l-Isqfijiet” (Lumen Gentium, 45). Hija għandha unikament l-iskop li tassikura l-possibiltà ta’ azzjoni apostolika ivvotatata aħjar għall-ġid tal-Knisja kollha. Waqt li hija għas-servizz tal-Knisja, il-ħajja kkonsagrata hija iktar speċjalment għad-dispożizzjoni tal-interessi u tal-programmi tal-Papa, kap viżibbli tal-Knisja universali. Hawn id-dimensjoni ekkleżjali tal-ħajja kkonsagrata tilħaq quċċata li mhijiex biss ta’ ordni kanonika, imma spiritwali:  hawn tikkonkretizza ruħha l-professjoni tal-ubbidjenza li r-reliġjużi jagħmlu lill-awtorità tal-Knisja, fil-funzjoni vikarjali li kienet assenjata lilha minn Kristu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.