116. Xhud għad-Destin Veru tad-Dinja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 08/02/1995.

1. Wara li ddeskriva l-vokazzjoni reliġjuża, il-Konċilju Vatikan II jiddikjara: “Għalhekk il-professjoni tal-pariri evanġeliċi tidher bħala sinjal, li jistà u jattira b’mod effikaċi l-membri tal-Knisja biex iwettqu b’entużjażmu d-dmirijiet tal-vokazzjoni nisranija” (Lumen Gentium, 44).

Dan ifisser li l-impenn radikali tal-ikkonsagrati fis-sekwenza ta’ Kristu jinkuraġġixxi lill-insara kollha biex jaqbdu għarfien iktar ħaj tas-sejħa propja u biex japprezzaw aħjar is-sbuħija; jgħinhom jaċċettaw bil-ferħ l-impenji li jagħmlu parti mill-vokazzjoni tagħhom u jistimulhom biex jassumu dmirijiet li jwieġbu għall-bżonnijiet konkreti tal-attività apostolika u karitattiva. Il-ħajja kkonsagrata hija mela sinjal li jsaħħaħ l-impuls ta’ kulħadd fis-servizz tas-Saltna.

2. Ejjew infittxu li napprofondixxu l-kontenut ta’ dan it-tagħlim konċiljari. Qabel xejn nistgħu ngħidu li l-istat reliġjuż jirrendi preżenti, fil-waqt attwali, bħal fiż-żminijiet kollha tal-istorja nisranija, il-forma ta’ ħajja aċċettata mill-Iben ta’ Alla nkarnat. Għalhekk iġġegħlna nifhmu aħjar lil Kristu tal-Vanġelu (Lumen Gentium, 44).

Dawk li attwalment isegwu lil Ġesù billi jabbandunaw kollox għalih ifakkru lill-Appostli li, waqt li wieġbu għall-istedina tiegħu, iċċaħħdu minn dak kollu li kellhom. Għalhekk tradizzjonalment wieħed jitkellem dwar il-ħajja reliġjuża bħala dik “apostolica vivendi forma”. U anzi, fuq l-eżempju ta’ Pietru, Ġwanni, Ġakbu, Indri u l-Appostli l-oħra, l-ikkonsagrati jimitaw u jirripetu l-ħajja evanġelika migħuxa u proposta mill-Imgħallem divin, waqt li jixhdu l-Vanġelu bħala realtà dejjem ħajja fil-Knisja u fid-dinja. Huma wkoll iwettqu, f’dan is-sens, il-kelma ta’ Ġesù Kristu lill-Appostli: “Tkunuli xhieda” (At 1, 8).

3. “L-istat reliġjuż – iżid il-Konċilju – juri l-elevazzjoni tas-Saltna ta’ Alla fuq il-ħwejjeġ kollha tad-dinja u l-esiġenzi supremi tagħha; juri wkoll lill-bnedmin kollha l-kobor prominenti tal-virtù ta’ Kristu renjanti u l-qawwa infinita tal-Ispirtu Santu operanti b’mod meraviljuż fil-Knisja” (Lumen Gentium, 44). Fi kliem ieħor, il-ħajja skont il-pariri evanġeliċi turi il-majjestà soprannaturali u traxxendenti tal-Alla Wieħed u Tlieta u, b’mod speċjali l-altezza tal-pjan tal-Missier li ried id-don sħiħ tal-persuna umana bħala tweġiba filjali għal imħabbtu nfinita. Din tirrivela l-qawwa attrattiva ta’ Kristu, Verb inkarnat, li jimpadronixxi ruħu mill-eżistenza kollha biex jinnobilitaha fis-sehem l-iktar għoli fil-misteru tal-ħajja trinitarja; fl-istess ħin din hija sinjal tal-qawwa trasformanti tal-Ispirtu Santu li jgħaddas fl-erwieħ kollha d-doni tal-Imħabba eterna, hemm jopera l-meravilji kollha tal-azzjoni feddejja u jimbotta sal-ogħla quċċata t-tweġiba umana ta’ fidi u ta’ ubbidjenza fl-imħabba filjali.

4. Għal dawn l-istess raġunijiet il-ħajja kkonsagrata hija sinjal u xhieda tad-destin awtentiku tad-dinja, li hu ferm ‘il hemm mill-prospettivi immeddjati u viżibbli, ukoll leġittimi u doverużi, għall-fidili msejħa għal impenn ta’ natura sekolari: skont il-Konċilju, “ir-reliġjużi bl-istat tagħhom jixhdu b’mod splendidu u singulari li d-dinja ma tistax tkun ittrasfigurata u offruta lil Alla mingħajr l-ispirtu tal-bejatitudni” (Lumen Gentium, 31).

L-istat reliġjuż iħabrek biex iqiegħed fil-prattika u jgħin biex jiskopri u jħobb il-bejatitudni, waqt li juri l-feliċità profonda li jikseb permezz ta’ ċaħdiet u sagrifiċċji. Din hija xhieda “splendida”, kif jgħid il-Konċilju, għaliex tirrifletti xi ħaġa mid-dawl divin li jgħaddi minn ġol-kelma, is-sejħa, il-“pariri” ta’ Ġesù.  Barra minn hekk din hija xhieda singolari”, għaliex il-pariri evanġeliċi, bħaċ-ċelibat volontarju jew il-faqar evanġeliku, jikkostitwixxu mod partikolari ta’ ħajja, li għandha valur insostitwibbli għall-Knisja u effikaċja impareġġabbli għal dawk kollha li fid-dinja, ftit jew wisq b’mod dirett u b’mod konxju jfittxu s-Saltna ta’ Alla.  Fl-aħħarnett, din hija xhieda marbuta mal-istat reliġjuż bħala tali: hija għalhekk normali li narawha tiddi qawwi f’figuri nobbli ta’ reliġjużi li bid-dedikazzjoni kollha tar-ruħ u tal-ħajja jwieġbu b’mod fidil għall-vokazzjoni tagħhom.

5. Il-ħajja kkonsagrata hija wkoll sejħa mill-ġdid għall-valur tal-ġid ċelesti li l-Kristjaneżmu jgħallem u jqis diġa preżenti fil-prospettiva tal-misteru ta’ Kristu, Bin Alla li niżel mis-sema fuq l-art u li telà fis-sema bħala eżempju ewlieni – “Adam il-ġdid” – tal-umanità l-ġdida msejħa biex tieħu sehem fil-glorja divina. Din hija d-dutrina tal-Konċilju żvelata f’pass tassew sabiħ: “Ladarba l-Poplu ta’ Alla m’għandux hawn il-belt permanenti imma qed ifittex dik futura, l-istat reliġjuż, li jirrendi iktar liberi s-segwaċi tiegħu mill-ħsibijiet ta’ din l-art, juri aħjar lil dawk kollha li jemmnu l-ġid ċelesti diġa preżenti f’din id-dinja, jixhed aħjar il-ħajja ġdida u eterna akkwistata mir-redenzjoni ta’ Kristu, u jippronunzja aħjar il-qawmien mill-imwiet futur u l-glorja tas-Saltna ċelesti” (Lumen Gentium, 44).

Il-pariri evanġeliċi għandhom għalhekk sinifikat eskatoloġiku, u b’mod partikolari ċ-ċelibat ikkonsagrat iħabbar il-ħajja tad-dinja l-oħra u l-għaqda ma’ Kristu-Għarus; il-faqar jipprovdi teżor fis-sema, l-impenn tal-ubbidjenza jiftaħ it-triq għall-pussess tal-libertà perfetta ta’ wlied Alla skont r-rieda tal-Missier ċelesti.

L-ikkonsagrati huma mela sinjali u xhieda ta’ antiċipazzjoni tal-ħajja ċelesti fil-ħajja terrena, li ma tistax issib fiha nfisha l-perfezzjoni propja imma trid tkun dejjem orjentata iktar għall-ħajja eterna; futur diġa preżenti, fi stat embrijonali, fil-grazzja ġeneratriċi ta’ tama.

6. Għal dawn ir-raġunijiet kollha l-Knisja tieħu ħsieb li l-ħajja kkonsagrata tiffjorixxi dejjem, biex tirrivela aħjar l-preżenza ta’ Kristu fil-Ġisem mistiku tiegħu, fejn illum jgħix waqt li jġedded fis-segwaċi tiegħu il-“misteri” li jiġu esposti lilna mill-Vanġelu. B’mod partikolari tirrivela ruħha mportanti għad-dinja tallum x-xhieda tal-kastità kkonsagrata: xhieda ta’ mħabba lejn Kristu ikbar minn kull imħabba oħra, ta’ grazzja li tissupera l-qawwiet tan-natura umana, ta’ spirtu elevat li ma jħallix lilu nnifsu jingħeleb mill-illużjonijiet u l-ambigwitajiet spiss suġġetti għar-rivendikazzjonijiet tas-senswalità.

Rilevanti tibqà wkoll, illum bħall-bieraħ, ix-xhieda kemm tal-faqar, li r-reliġjużi jippreżentaw bħala sigriet u garanzija ta’ għana spiritwali maġġuri, kif ukoll tal-ubbidjenza, ipprofessata u pprattikata bħala fattur tal-vera libertà

7. Inkurinazzjoni ta’ kull virtù oħra, ukoll fil-ħajja kkonsagrata, hija mbagħad l-karità. Lejn Alla qabel kollox: biha l-ħajja kkonsagrata ssir sinjal tad-dinja “offruta lil Alla” (Lumen Gentium, 31). Fl-offerta sħiħa tagħhom, li tinkludi l-assoċjazzjoni konxja u amoruża għas-sagrifiċċju ta’ Kristu, ir-reliġjużi jiftħu lid-dinja t-triq tal-feliċità vera, dik tal-bejatitudni evanġeliċi.

Karità mbagħad lejn il-proxxmu, murija kemm fl-imħabba mutwa bejn dawk li jgħixu fil-komunità, kemm fil-prattika tal-ilqugħ u tal-ospitalità, kemm fl-għajnuna lill-fqar u lill dawk kollha sfortunati, kif ukoll fid-dedikazzjoni għall-apostolat. Din, hija xhieda ta’ importanza essenzjali, biex tagħti lill-Knisja wiċċ evanġeliku awtentiku. L-ikkonsagrati huma msejħin biex jixhdu u jferrxu l-“messaġġ… mismugħ sa mill-bidu”: li “nħobbu lil xulxin” (1 Ġw 3, 11), waqt li hekk insiru pijunieri tat- tant mixtieqa“ċiviltà tal-imħabba”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb