117. Il-Ħajja reliġjuża tista’ tgħin bil-kbir lis-Saċerdoti

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 15/02/1995.

1. Bejn saċerdozju u ħajja reliġjuża jeżistu affinitajiet profondi. Infatti, fil-korsa tas-sekli wieħed jinnota tkabbir tan-numru ta’ saċerdoti reliġjużi.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn huma rġiel li, wara li daħlu f’Istitut reliġjuż, irċivew l-Ordinazzjoni saċerdotali; inqas spissi – imma xorta dejjem frekwenti – huma l-każijiet ta’ Saċerdoti ibbażati f’dijoċeżi, li jinkorporaw ruħhom suċċessivament f’Istitut reliġjuż. Fiż-żewġ każijiet il-fatt juri li spiss ħafna fil-ħajja kkonsagrata maskili l-vokazzjoni għal Istitut reliġjuż hija assoċjata mal-vokazzjoni għall-ministeru saċerdotali.

2. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna liema huwa l-kontribut tal-ħajja reliġjuża lill-ministeru saċerdotali u għaliex, fil-pjan divin, tant irġiel huma msejħa għal dan il-ministeru fil-kwadru tal-ħajja reliġjuża. Inwieġbu li, jekk inhu minnu li l-istess Ordinazzjoni saċerdotali tinvolvi konsagrazzjoni ta’ persuna, l-aċċess għall-ħajja reliġjuża jħejji lis-suġġett biex jilqà aħjar l-grazzja tal-Ordni Sagri u biex fih jgħix b’mod iktar integrali l-esiġenzi. Il-grazzja tal-pariri evanġeliċi u tal-ħajja komuni tirrivela ruħha estremament favorevoli għall-akkwist tal-“qdusija” mitluba mis-saċerdozju minħabba l-uffiċċju dwar il-Ġisem ta’ Kristu kemm ewkaristiku kif ukoll mistiku.

Barra minn hekk, it-tendenza għall-perfezzjoni, li tispeċifika u tikkaratterizza l-ħajja reliġjuża, tistimola l-isforz axxetiku biex tipprogressa fil-virtujiet, biex tiżviluppa l-fidi, it-tama, u fuq kollox il-karità, u biex tgħix ħajja konformi mal-ideal tal-Vanġelu. Min-naħa tal-Istituti tiġi mogħtija formazzjoni f’dan is-sens, sabiex ir-reliġjużi jkunu jistgħu sa minn żgħożithom jorjentaw ruħhom b’mod iktar sod fi triq ta’ qdusija u jiksbu konvinzjonijiet solidi u drawwiet ta’ ħajja rigoruża b’mod evanġeliku. F’tali kondizzjonijiet ta’ spirtu, huma jkunu jistgħu jibbenefikaw aħjar mill-grazzji li jakkumpanjaw l-Ordinazzjoni saċerdotali.

3. Il-voti reliġjużi, madankollu, qabel ma bħala dmirijiet meħudin skont l-Ordni Sagri u l-Ministeru, għandhom valur fihom infushom bħala tweġibiet ta’ mħabba oblattiva għad-don ta’ Dak li b’imħabba nfinita “offra lilu nnifsu b’mod volontarju” għalina (cf.  53, 12; Lh 9, 28). Hekk l-impenn fiċ-ċelibat ma jimponix ruħu qabel kollox bħala esiġenza mitluba għad-djakonat jew il-presbiterjat, imma bħala adeżjoni għal ideal li jitlob id-don totali tiegħek innifsek lil Kristu.

Inżidu li b’dan l-impenn, qabel l-Ordinazzjoni, ir-reliġjużi jistgħu jgħinu lis-Saċerdoti dijoċeżani biex jifhmu aħjar u biex japprezzaw iktar il-valur taċ-ċelibat. Wieħed jittama li, bogħod milli jiddubita mill-validità ta’ tali għażla, huma jinkuraġġixxu lis-Saċerdoti dijoċeżani għall-fedeltà f’dan il-qasam. Din hija funzjoni ekkleżjali sabiħa u qaddisa,  imwettqa mill-Istituti reliġjużi, ‘il hemm mil-limiti tagħhom, favur l-komunità nisranija kollha.

L-appartenenza lil Istitut reliġjuż tippermetti lis-Saċerdot li jgħix b’mod iktar radikali l-faqar evanġeliku. Infatti hija l-ħajja flimkien li tippermetti lill-membri tal-Istitut li jiċċaħħdu mill-ġid personali tagħhom, waqt li, normalment, is-Saċerdot dijoċeżan irid jipprovdi personalment għas-sosteniment tiegħu. Huwa għalhekk li wieħed jittama u li jistenna mis-Saċerdoti reliġjużi xhieda dejjem iktar viżibbli ta’ faqar evanġeliku, li, barra li jsostnihom fil-mixja tagħhom lejn il-perfezzjoni tal-karità, jista jinkuraġġixxi lis-Saċerdoti dijoċeżani biex ifittxu l-modi prattiċi li jgħixu ħajja iktar fqira, b’mod speċjali bil-ġabra ta’ ċerti riżorsi.

Fl-aħħarnett, il-vot tal-ubbidjenza tar-reliġjużi huwa ddestinat biex jeżerċita influss benefiku fuq l-atteġġjament tagħhom fil-ministeru saċerdotali, waqt li jistimulahom għas-sottomissjoni fir-rigward tas-superjuri tal-komunità li tgħinhom, fil-komunjoni tal-ispirtu ta’ fidi magħhom li jirrapreżentaw għalihom ir-rieda divina, fir-rispett tal-awtorità tal-Isqfijiet u tal-Papa fit-twettiq tal- ministeru sagru. Huwa għalhekk li wieħed jittama u jistenna mis-Saċerdoti reliġjużi mhux biss ubbidjenza formali għall-ġerarkija tal-Knisja, imma spirtu ta’ koperazzjoni lejali, amikevoli u generuża magħha. Bil-formazzjoni tagħhom għall-ubbidjenza evanġelika, huma jistgħu jissuperaw b’mod iktar faċli t-tentazzjoni ta’ ribelljoni, ta’ kritika sistematika, ta’ sfiduċja, u jagħrfu fir-Rgħajja l-espressjoni ta’ awtorità divina. Din ukoll hija għajnuna valida li, bħal ma naqraw fid-Digriet Christus Dominus tal-Konċilju Vatikan II, is-saċerdoti reliġjużi jistgħu u għandhom jagħtu lir-Rgħajja sagri tal-Knisja llum bħal fl-imgħoddi u ferm iktar għall-ġejjieni, “minħabba l-bżonnijiet tal-erwieħ li tant żdiedu… u l-bżonnijieti li tant żdiedu tal-apostolat”  (Christus Dominus, 34).

4. U iktar: is-Saċerdoti reliġjużi jistgħu juru, permezz tal-ħajja tagħhom fil-komunità, il-karità li trid tanima l-Presbiterju. Skont l-intenzjoni espressa minn Kristu fl-Aħħar Ċena, il-preċett tal-imħabba reċiproka huwa marbut mal-konsagrazzjoni saċerdotali. Fir-rapporti ta’ komunjoni marbutin skont il-perfezzjoni tal-karità, ir-reliġjużi jistgħu jixhdu l-imħabba fraterna li tgħaqqad lil dawk li jeżerċitaw, f’isem Kristu, il-ministeru saċerdotali. Huwa ċar li din l-imħabba fraterna għandha tikkaratterizza wkoll r-relazzjonijiet tagħhom mas-saċerdoti dijoċeżani u mal-membri ta’ Istituti differenti minn dak tagħhom. Dan huwa s-sors li minnu tistà toħroġ il-“kollaborazzjoni ordnata” rakkomandata mill-Konċilju (cf. Christus Dominus, 35.5).

5. Dejjem skont il-Konċilju, ir-reliġjużi huma mpenjati b’mod iktar profond fis-servizz lill-Knisja, bis-saħħa tal-konsagrazzjoni tagħhom imwettqa fil-professjoni tal-pariri evanġeliċi (cf. Lumen Gentium, 44). Dan is-servizz jikkonsisti b’mod speċjali fit-talb, fl-opri ta’ penitenza u fl-eżempju offrut bil-ħajja, imma wkoll fis-sehem “fl-opri esterni tal-apostolat, meta wieħed iqis il-karatteristika propja ta’ kull Istitut” (Digriet Christus Dominus, 33). Għal dan is-sehem tagħhom għall-ħsieb tal-erwieħ u għall-opri ta’ apostolat taħt l-awtorità tar-Rgħajja sagri, is-Saċerdoti reliġjużi mela “huma ta’ min iqishom bħala li jappartienu lill-kleru dijoċeżan” (Christus Dominus, 34), u għandhom mela “jeżerċitaw dmirhom b’mod li jsiru ajjutanti tal-Isqfijiet” (Christus Dominus, 35.1), imma waqt li jikkonservaw “l-ispirtu tal-Istitut tagħhom” u waqt li jibqgħu fidili għall-osservanza tar-regola tagħhom (Christus Dominus, 35. 2).

Wieħed jittama li permezz tal-opra tas-Saċerdoti reliġjużi jiġu attwati dejjem iktar fid-dijoċeżijiet u fil-Knisja kollha l-għaqda u l-ftehim li Ġesù talab għal dawk kollha li jaċċettaw li jkunu, bħalu, “ikkonsagrati fil-verità” (Ġw 17, 17) u hekk tiddi fid-dinja l’imago Ecclesiae Caritatis!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading