118. Ir-Rwol tar-reliġjużi lajċi fil-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 22/02/1995.

1. Fl-Istituti reliġjużi magħmulin il-biċċa l-kbira minn Saċerdoti ma jonqsux xi “aħwa” li huma membri sħaħ, minkejja li ma rċivews l-Ordni Sagri.

Il-kwalifika tagħhom hija kultant espressa bl-isem ta’ “koperaturi”, jew b’titoli oħra ekwivalenti. Fl-Ordnijiet Mendikanti antiki kienu spiss isejħulhom “Fratelli Lajċi”. F’din l-espressjoni, it-terminu “Fratelli” jfisser “reliġjużi” u l-preċiżazzjoni “Laiċi” trid tfisser “mhux ordnati saċerdoti”. Jekk dak li jkun imbagħad iqis li f’xi Ordnijiet antiki tali reliġjużi kienu msejħa “Frajiet Lajċi” faċilment jifhem aċċenn għall-istorja tal-vokazzjoni tagħhom, fil-maġġoranza tal-każijiet, jiġifieri riferenza għall-konverżjoni li, fil-bidu, imbuttathom għall-għażla tad-don totali tagħhom infushom lil Alla fis-servizz lill-“Aħwa Saċerdoti” wara snin ta’ ħajja mgħoddija fid-diversi karrieri fid-dinja: amministrattivi, ċivili, militari, merkantili eċċ.

Tibqà madankollu deċiżiva l-kelma tal-Koncilju Vatikan II, li skontha “l-ħajja reliġjuża lajkali… tikkostitwixxi stat fih innifsu sħiħ ta’ professjoni tal-pariri evanġeliċi”” (Digriet Perfectae Caritatis, 10). L-impenn fil-ministeru saċerdotali mhuwiex mitlub mill-konsagrazzjoni li hija propja tal-istat reliġjuż, u għalhekk ukoll mingħajr l-Ordinazzjoni saċerdotali reliġjuż jistà jgħix b’mod sħiħ il-konsagrazzjoni tiegħu.

2. Jekk wieħed iħares lejn l-iżvilupp storiku tal-ħajja kkonsagrata fil-Knisja, jinnota fatt sinifikattiv: il-membri tal-ewwel komunitajiet reliġjuż kienu msejħa b’mod indistintiv “aħwa” u fil-maġġoranza l-kbira ma kinux jirċievu l-ordinazzjoni saċerdotali, għaliex ma kellhomx vokazzjoni għall-ministeru. Saċerdot setà jidħol fil-komunità, imma mingħajr ma setgħu jippretendu privileġġi minħabba l-Ordni sagri. Fin-nuqqas ta’ Saċerdoti, xi wieħed mill-“Aħwa” kien jiġi ordnat għas-servizz sagramentali għall-komunità. Tul il-korsa tas-sekli il-proporzjon tal-irħieb saċerdoti jew djakni fir-rigward ta’ dawk mhux saċerdoti kull ma jmur beda jiżdied. Progressivament stabbiliet ruħha diviżjoni bejn membi kjeriki u “aħwa lajċi. L-ideal ta’ ħajja kkonsagrata mingħajr saċerdozju għadha ħajja f’San Franġisk t’Assisi, li personalment ma kienx iħoss l-vokazzjoni tal-ministeru saċerdotali, ukoll jekk wara aċċetta li jkun ordnat djaknu. Franġisku jistà jitqies bħala eżempju tal-qdusija ta’ ħajja reliġjuża “lajkali” u, bix-xhieda tiegħu, juri l-perfezzjoni li dan il-mod ta’ ħajja jistà jilħaq.

3. Il-ħajja reliġjuża lajka qatt ma qatghet tiffjorixxi tul il-korsa tas-sekli. Fl-epoka tagħna wkoll hija għadha għaddejja u tattwa ruħha fuq linja doppja ta’ żvilupp. Minn banda għandna ċertu numru ta’ aħwa lajċi aċċettati f’diversi Istituti klerikali. Il-Konċilju  Vatikan II jagħmel rakkomandazzjoni fir-rigward tagħhom: Bil-għan li  jirrendi iktar intima r-rabta ta’ fraternità bejn ir-reliġjużi, dawk li huma msejħa lajċi, koperaturi jew b’isem ieħor, ikollhom kuntatti stretti mal-ħajja u l-opri tal-komunità” (Perfectae Caritatis, 15).

Hemm imbagħad istituti lajkali li, magħrufin bħala tali mill-awtorità tal-Knisja, għandhom, bis-saħħa tan-natura tagħhom, karattru u skop, funzjoni propja, definita mill-Fundatur jew minn tradizzjoni leġittima, li ma tinkludix l-eżerċizzju tal-Ordni Sagri (cf. CIC, can. 588 § 3). Dawn l-“Istituti ta’ aħwa”, bħal ma jissejħu, jiżvolġu appuntu funzjoni propja, li għandha fiha nfisha l-valur tagħha u tkopri użu speċifiku fil-ħajja tal-Knisja.

4. Il-Konċilju Vatikan II jaħseb b’mod partikolari għal dawn l-Istituti lajkali meta juri l-apprezzament tiegħu għall-istat ta’ ħajja reliġjuża lajkali: Il-Konċilju Sagru li għandu stima kbira tiegħu, minħabba t-tant utilità li ġġib lill-attività pastorali tal-Knisja fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, fl-assistenza lill-morda u f’ministeri oħra, twettaq lill-membri ta’ tali forma ta’ ħajja reliġjuża fil-vokazzjoni tagħhom u tħeġġiġhom biex jadottaw il-ħajja tagħhom fl-esiġenzi tallum” (Perfectae Caritatis, 10). L-istorja riċenti tal-Knisja twettaq l-irwol importanti magħmul mir-reliġjużi ta’ dawn l-Istituti, b’mod speċjali fl-opri tat-tagħlim u tal-karità. Wieħed jistà jgħid li f’bosta postijiet huma huma li taw liż-żgħażagħ edukazzjoni nisranija, billi waqqfu skejjel ta’ kull ġeneru u grad. Għadhom huma li jwaqqfu  jmexxu Istituti ta’ għajnuna lill-morda u lil dawk imfixkla minn diffikultajiet fiżiċi u psikiki, billi jtuhom ukoll xi djar u xi attrezzi meħtieġa. Għalhekk dak li jkun ma jistax ma jammirax u jfaħħar ix-xhieda tagħhom ta’ fidi nisranija, ta’ dedikazzjoni u ta’ sagrifiċċju, waqt li jittama li l-għajnuna tal-benefatturi – bħal ma seħħ dejjem fl-aqwa tradizzjoni nisranija – u l-għotjiet disposti fil-leġiżlazzjoni soċjali moderna jippermettulhom dejjem iktar li jieħdi ħsieb il-foqra.

L-“istima kbira” ddikkjarata mill-Konċilju turi li l-awtorità tal-Knisja tapprezza ħafna id-don offrut mill-“aħwa” lis-soċjetà nisranija tul is-sekli, u l-koperazzjoni minnhom mogħtija lill-evanġelizzazzjoni u lill-kura pastorali u soċjali tal-popli. Illum iktar minn qatt qabel wieħed jistà u għandu jagħraf l-irwol storiku u l-funzjoni tagħhom ekkleżjali ta’ xhieda u ministri tas-Saltna ta’ Kristu.

5. Il-Konċilju jiddisponi li l-istituti tal-aħwa jistgħu jibbenefikaw mill-ministeru pastorali meħtieġ għall-iżvilupp ta’ ħajjithom reliġjuża. Huwa dan is-sens tad-dikjarazzjoni li biha huwa solva problema ħafna drabi diskussa ġewwa u barra dawk l-Istituti magħżula,jew aħjar li fihom mhemm “xejn li jżomm fil-komunitajiet reliġjużi tal-aħwa li, għalkemm jibqgħu lajkali, bl-ordni tal-Kapitlu ġenerali xi membri jirċievu l-Ordni Sagri, bl-iskop li jipprovdu fud-djar tagħhom il-bżonnijiet tas-servizz saċerdotali” (Perfectae Caritatis, 10). Din hija opportunità li wieħed għandu jivvaluta minħabba l-bżonn taż-żminijiet u tal-postijiet, imma f’armonija mal-iktar tradizzjoni antika tal-Istituti monastiċi, li hekk jistgħu jiffjorixxu. Il-Konċilju jagħraf din il-possibiltà u jiddikjara li mhemmx impediment għall-attwazzjoni tagħha: imma jħalli għall-assisi suprema tat-tmexxija ta’ tali Istituti – il-Kapitlu Ġenerali – li tippronunzja ruħha, mingħajr ma ma jagħti inkuraġġiment espliċitu fir-rigward, propju għaliex għandu għal qalbu l-permanenza tal-Istituti tal “Aħwa”, fuq il-linja tal-vokazzjoni u l-missjoni tagħhom.

6. Ma nistax nikkonkludi dan l-argument mingħajr ma nenfasizza l-ispiritwalità għanja moħbija mill-kwalifika ta’ “aħwa”. Dawn ir-reliġjużi huma msejħa biex ikunu aħwa ta’ Kristu, magħqudin b’mod profond miegħu, “primoġenitu fost ħafna aħwa” (Rm 8, 29); aħwa bejniethom, fl-imħabba reċiproka u fil-koperazzjoni għall-istess servizz ta’ ġid fil-Knisja; aħwa ta’ kull bniedem, fix-xhieda tal-karità ta’ Kristu lejn kulħadd, b’mod speċjali l-iżgħar, l-iktar fil-bżonn; aħwa għal fratellanza ikbar fil-Knisja.

Sfortunatament fiż-żminijiet riċenti wieħed jinnota, f’xi pajjiżi, nuqqas fin-numru ta’ vokazzjonijirt fil-ħajja reliġjuża lajkali, kemm fl-Istituti klerikali kif ukoll f’dawk lajkali. Hemm bżonn li jitwettaq sforz ġdid biex jiffavorixxi  l-bidu mill-ġdid ta’ tali vokazzjonijiet importanti u nobbli: sforz ġdid ta’ promozzjoni vokazzjonali, b’impenn ta’ talb ġdid. Il-possibiltà ta’ ħajja kkonsagrata “lajkali” għandha tkun esposta bħala triq ta’ perfezzjoni awtentika reliġjuża ukoll fl-Istituti Maskili antiki u f’dawk ġodda.

Fl-istess ħin huwa ta’ mportanza kbira li fl-Istituti klerikali, li minnhom jagħmlu parti wkoll l-aħwa “lajċi”, dawn għandhom rwol adegwat, hekk li jikkoperaw b’mod attiv fil-ħajja u fl-apostolat tal-Istitut. Imbagħad hemm bżonn jinkuraġġixxu l-Istituti lajkali biex jipperseveraw fit-triq tal-vokazzjoni tagħhom, billi jaddottaw ruħhom għall-iżvilupp tas-soċjetà, imma billi jikkonservaw dejjem u billi japprofondixxu l-ispirtu ta’ don totali lil Kristu u lill-Knisja, li jesprimu ruħhom fil-kariżma speċifika tagħhom. Nitlob lill-Mulej li numru krexxenti ta’ aħwa jistà jarrikkixxi l-qdusija u l-missjoni tal-Knisja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb