123. Il-Knisja hija min-Natura tagħha Missjunarja

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 19/04/1995.

1. Werrieta u kontinwatriċi tal-Appostli, mibgħutin biex jirrendu xhieda lil Kristu u biex tippridka l-Vanġelu “sal-ibgħad truf tad-dinja” (At 1, 8), il-Knisja tippossiedi n-nota tal-“kattoliċità” li minnha toħroġ il-missjonarjetà” ragħha.

Din it-tieni karatteristika għandha derivazzjoni “mill-għoli”, li tagħmel parti mill-misteru tagħha. Dan jinnotahulna, fid-Digriet Ad Gentes, il-Konċilju Vatikan II, li skontu “il-Knisja li tgħix fiż-żmien, min-natura tagħha hija missjunarja, minħabba li hija mill-missjoni tal-Iben u mill-missjoni tal-Ispirtu Santu li hija, skont il-pjan ta’ Alla Missier, tieħu l-oriġni propju” (Ad Gentes, 2). Misteru  kkostitwit mill-pjan divin trinitarju li jitwettaq fil-Knisja u juri ruħu, sa mill-jum ta’ Pentekoste, bħala propjetà tagħha permanenti.

2. Li tkun essenzjalment “missjunarja” ma jfissirx biss li l-Knisja tippossiedi missjoni universali fil-konfront tal-umanità kollha, imma li, fir-realtà tagħha kostituttiva, f’ruħha, u allura nistgħu ngħidu fl-istess “psikoloġija” tagħha, tippossiedi dinamiżmu li jutilizza lilu nnifsu b’mod konkret fil-predikazzjoni tal-Vanġelu, fit-tixrid tal-fidi u fl-istedina għall-konverżjoni mħabbra “sal-ibgħad truf tad-dinja”. Din l-imbuttatura nterna, marbuta b’mod intimu mal-missjoni tagħha, tiġi mill-Ispirtu Santu, u allura tifforma parti mill-misteru. Id-dinamiżmu li jiġi minn hemm jittraduċi ruħu b’dan il-mod f’karatteristika distintiva tal-Knisja kollha. Din turi ruħha b’mod konkret u effikaċi b’mod speċjali f’dawk li, jibda mill-Appostli, imorru f’reġġjonijiet imbegħda minn art twelidhom minħabba l-Vanġelu. Ukoll jekk mhux kollha huma msejħa personalment biex imorru f’art tal-missjoni, kull wieħed u waħda fil-Knisja u mal-Knisja għandhom id-dmir li jferrxu d-dawl tal-Vanġelu skont il-missjoni feddejja trażmessa mir-Redentur għall-komunità ekkleżjali. Infatti kulħadd huwa msejjaħ biex jikkopera f’din il-missjoni.

3. Hemm bżonn ninsistu fl-approfondiment tal-oriġni trinitarja ta’ tali dinamiżmu missjunarju, li għalih jagħmel riferenza d-Digriet Ad Gentes (cf. nn. 2. 3. 5). Dinamiżmu li joħroġ mis-“sors tal-imħabba”, jiġifieri tal-“karità ta’ Alla Missier, mill-benevolenza ħanina mmensa tiegħu”. Huwa Hu l-Alla li joħloq u “b’mod gratwit isejjaħ biex jipparteċipaw f’ħajtu u fil-glorja tiegħu”. Huwa hu li “jsawwab it-tjubija tiegħu” biex ikun “kollox f’kulħadd”  (1 Kor 15, 28). Hija minn dik il-ġenerożità nfinita, iddestinata għal kull krejatura, li jiġi bħala don tal-Ispirtu Santu l-moviment missjunarju tal-Knisja, impenjata biex ixxerred fid-dinja l-bxara tas-salvazzjoni.

4. Il-komunikazzjoni tad-dinamiżmu tal-ħajja divina seħħet qabel kollox fl-Inkarnazzjoni tal-Iben etern ta’ Alla, mibgħut mill-Missier biex iġib lill-bnedmin r-rivelazzjoni u l-fidwa. Il-miġja fid-dinja tal-Verb magħmul laħam (cf. Ġw 1, 14) tistà titqies “tip” jew “mudell” – kif jgħidu s-Santi Padri – tal-impuls missjunarju tal-Knisja, li waqt li jeċċedi l-fruntieri tal-Iżrael antik jestendi s-Saltna tas-smewwiet għall-umanità kollha kemm hi. Tali mpuls jitwettaq b’mod speċjali fil-“qabża” tal-missjunarji, li, bħall-Appostli, jħallu art twelidhom tad-dinja biex ixandru l-messaġġ divin lin-“nazzjonijiet kollha” (Mt 28, 19).

L-ewwel missjunarju, l-Iben uniġenitu mibgħut mill-Missier fuq l-art biex jifdi d-dinja, jibgħat lill-Appostli biex ikomplu l-missjoni tiegħu  (cf. Ġw 20, 21). It-tipoloġija missjunarja ral-“Verb nagħmul laħam” tivolvi wkoll t-tneżżigħ ta’ dak li jeżisti fil-forma ta’Alla u li jassumi l-forma ta’ qaddej, waqt li jsir jixbaħ lill-bnedmin (cf. Fil 2, 6-7). Il-kunċett pawlin tal-“kenosi” (exinanivit semetipsum) jippermetti li naraw fl-Inkarnazzjoni l-ewwel mudell tat-tneżżigħ ta’ dawk li, billi jilqgħu l-mandat ta’ Kristu, jħallu kollox biex iwasslu l-bxara t-tajba “sal-ibgħad truf tad-dinja”.

5. Fl-affermazzjoni tal-oriġni traxxendenti tad-dinamiżmu missjunarju tal-Inkarnazzjoni tiegħu, Ġesù jirrivela wkoll l-iskop li jikkonsisti fil-ftuħ għal kulħadd tat-triq tar-ritorn lejn Alla. Ġesù jpinġi l-ewwel wieħed din it-triq. Huwa jiddikjara: “Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja; issa iżda nħalli d-dinja u nmur għand il-Missier” (Ġw 16, 28). Huwa jippreċiża li din il-“mawra” għandha bħala skop it-tħejjija, “fid-dar tal-Missier”, ta’ post għad-dixxipli, li lilhom jgħid: “Neħodkom miegħi, sabiex tkunu intom ukoll fejn inkun jien” (Ġw 14, 3). Ir-ritorn ta’ Ġesù għand il-Missier jaffettwa ruħu permezz ta’ sagrifiċċju, li fih huwa juri mħabbtu għall-bnedmin “sal-aħħar” (Ġw 13, 1).

Huwa jixtieq iġigħel jipparteċipaw lill-bnedmin fit-tlugħ tiegħu lejn il-Missier. Biex jattwa din il-parteċipazzjoni jibgħat lill-Appostli, u flimkien magħhom, il-Knisja kollha, li testendi l-predikazzjoni fil-postijiet kollha u fiż-żminijiet kollha.

6. Enfasiżżajna l-fatt li l-attività missjunarja ta’ Kristu tilħaq il-quċċata tagħha fl-offerta tas-sagrifiċċju. Skont il-pjan tal-Missier, Ġesù ddedika biss perijodu qasir tal-eżistenza tiegħu fuq l-art għall-predikazzjoni, limitata għan-“nagħaġ nitlufa tad-dar ta’ Iżrael” (Mt 15, 24), li fosthom, mill-bqija, iddefinixxa inizjalment ukoll il-ministeru tat-Tnax (cf. Mt 10, 6). Bis-sagrifiċċju tas-Salib iżda, huwa jilħaq b’mod sħiħ l-iskop missjunarju tal-miġja tiegħu fid-dinja: is-salvazzjoni mhux biss tal-poplu ta’ Iżrael jew tas-Sammaritani, imma wkoll tal-“Griegi” (cf. Ġw 12, 20-24), anzi tal-umanità kollha (cf. Ġw 12, 32).

Dan il-fatt jitfà dawl fuq l-attività missjunarja tal-Knisja, li ma tistax ma tkunx immarkata minn nota sagrifikali, migħuda minn qabel minn Ġesù: “Id-dixxiplu mhuwiex ikbar minn Imgħallmu, linqas qaddej mhuwa ikbar minn sidu” (Mt 10, 24); “Tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi” (Mt 10, 22).

Din hija li ssegwi lill-Imgħallem divin fil-mixja tas-Salib. Hija din it-triq tal-Knisja u t-triq tal-missjunarji, bħal ma jfakkar il-Konċilju: “Huwa meħtieġ li l-Knisja dejjem taħt l-influss tal-Ispirtu ta’ Kristu, issegwi l-istess triq li Kristu segwa, it-triq jiġifieri tal-faqar, tal-ubbudjenza, tas-servizz u tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu sal-mewt, li minnha ħareġ rebbieħ” (Ad Gentes, 5).

7. Fuq din it-triq tal-Knisja u tal-missjunarji, Kristu mhuwiex biss l-inizjatur u l-mudell perfett: huwa wkoll dak li jforni l-enerġija meħtieġa biex nimxu, billi nikkomunikaw f’kull żmien mal Knisja tiegħu l-Ispirtu Santu. Kif nerġgħu naqraw fil-Konċilju, għall-ilħuq tas-salvazzjoni universali “Kristu bagħat min-naħa tal-Missier l-Ispirtu Santu sabiex iwettaq minn ġewwa l-opra tiegħu ta’ salvazzjoni u jistimola l-Knisja biex tiżviluppa ruħha” (Ad Gentes, 4). Għal darb’oħra nergġħu lura għas-sors trinitarju tad-dinamiżmu missjunarju tal-Knisja, li l-Ispirtu Santu kebbes nhar Pentekoste u kontinwament jitma fil-qlub, għaliex Imħabba tal-Missier u tal-Iben – Ignis, Caritas – li tipparteċipa lill-Knisja n-nar tal-karità eterna.

Il-Pentekoste ma kienx biss waqt ta’ emozzjoni qawwija: kien il-bidu ta’ dinamiżmu ta’ oriġni soprannaturali, li żviluppa mbagħad tul l-istorja tal-Knisja (cf. Redemptoris Missio, 24). Bħal f’Jum il-Pentekoste, ukoll fi żmienna l-Ispirtu Santu jkompli jkun l-ispiratur intimu tal-entużjażmu missjunarju u d-donatur tad-doni ġerarkiċi u kariżmatiċi (cf. 1 Kor 12, 4 s.), li jipproduċu l-“għaqda intima ministerjali tal-Knisja” (Ad Gentes, 4; cf. Lumen Gentium, 4). Din l-għaqda intima tad-dixxipli ta’ Ġesù, tittraduċi ruħha fil-“komunjoni fraterna”, fli nkunu “qalb waħda u ruħ waħda” (Redemptoris Missio, 26).

8. L-Ispirtu Santu jdawwal u jħeġġeġ bl-imħabba divina l-persuna kollha, waqt li jopera b’mod effikaċi fl-imħuħ u fil-qlub. Jintervieni b’mod profond fl-azzjoni missjunarja tal-Knisja, li huwa stess “kultant  jantiċipa b’mod viżibbli, u b’mod li ma jaqtax b’diversi modi jakkumpanja u jiddirieġi” (Ad Gentes, 4). Hekk il-Knisja, “imqanqla mill-grazzja u mill-karità tal-Ispirtu Santu”, twettaq il-missjoni tagħha waqt li tirrendi lill-bnedmin kollha “libera u sikura l-possibiltà li jieħdu sehem b’mod sħiħ fil-misteru ta’ Kristu” (Ad Gentes, 5).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading