127. Il-Knisja tippersevera fil-Missjoni tagħha


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 17/05/1995.

1. F’waħda mill-katekeżi preċedenti ddedikati lit-tema tal-missjoni diġa aċcennajna għall-vastità tal-opra evanġelizzatriċi, li għaliha llum il-Knisja hija msejħa, u għad-diffikultajiet li hija tiltaqà magħhom.

B’mod partikolari, irridu mill-ġdid għal darb’oħra nfakkru li l-fattur demografiku ikkawża sproporzjon numeriku notevoli fost l-insara u dawk mhux insara, li quddiemu ma nistgħux ma nħossux l-iskarsezza u d-dgħufija tar-riżorsi tagħna. Barra minn dan, il-komplessità tar-relazzjonijiet soċjali, ukoll fil-livell internazzjonali u interkontinentali, u t-tixrid tal-kultura, permezz tal-iskola u kull mezz ta komunikazzjoni soċjali, joħolqu problemi mhux tas-soltu lill-attività missjunarja, li ma tistax iktar torbot fuq it-tradizzjonijiet uniformi u fondamentalment reliġjużi tal-popli.

Linqas ma għandek tqanqal fil-fidili illużjonijiet faċli “taż-żidiet tal-Knejjes żgħażagħ fiż-żminijiet riċenti”. Infatti jibqgħu “żoni vasti li mhumiex evanġelizzati” (Redemptoris Missio, 37). U fl-istess popolazzjonijiet li rċivew il-fidi nisranija, timponi ruħha evanġelizzazzjoni ġdida, iktar profonda u attenta għal bżonnijiet u talbiet ġodda. Anzi, “mhux biss evanġelizzazzjoni ġdida, imma f’ċerti każijiet evanġelizzazzjoni ewlenija” (Redemptoris Missio, 37).

2. Hekk ktibt fl-Enċiklika Redemptoris Missio, waqt li enfasizzajt li “l-missjoni ad gentes għandha quddiemha dmir enormi li mhijex għalxejn fit-triq tal-estinzjoni. Din, anzi, kemm mill-punt di vista numeriku minħabba ż-żieda demografika, kif ukoll mill-punt di vista soċjo-kulturali, biex jitqanqlu relazzjonijiet u kuntatti ġodda u l-varjazzjoni tas-sitwazzjonijiet, donnha ddestinata li jkollha orizzonti ferm iktar vasti” (Redemptoris Missio, 35).

F’xi Pajjiżi l-evanġelizzazzjoni tiltaqà ma’ ostakli… ta’ natura kulturali; it-trażmissjoni tal-messaġġ evanġeliku jidher irrilevanti jew inkomprensibbli, u l-konverżjoni jarawha bħala abbandun tal-poplu propju u tal-kultura propja” (Redemptoris Missio, 35). F’dawn il-każijiet il-passaġġ għall-kristjaneżmu  jistà saħansitra jipprovoka persekuzzjonijiet, li jindikaw intolleranza u jikkontrastaw mad-drittijiet fundaqmentali tal-bniedem għal-libertà tal-ħsieb u tal-kult. F’tali każijiet jinħoloq speċi ta’ għeluq kulturali, li jikkostitwixxi, appuntu, ostaklu għall-evanġelizzazzjoni, imma wkoll, fih innifsu, nuqqas deplorevoli ta’ djalogu u ta’ ftuħ għal għana reali spiritwali, intellettwali u morali.

3. Fl-Enċiklika dwar il-missjoni kont ammettejt li kultant id-diffikultajiet fl-attività missjunarja “donnhom insormontabbli u jistgħu jiskuraġġixxu, jekk din tkun biss opra umana” (Redemptoris Missio, 35). Dwar l-elementi umani ta’ din l-opra, iżda, ma nistgħux nagħlqu għajnejna. Nuqqasijiet u defiċjenzi huma reali, u jien ma nqastx li nissenjalahom (cf. Redemptoris Missio, 36). Dawn huma b’mod ewlieni: ċertu nuqqas ta’ fervur fl-attività missjunarja; l-esperjenza ta’ niket tad-diviżjonijiet imgħoddija u li għadhom preżernti fost l-insara; in-nuqqas tal-vokazzjonijiet; ix-xhieda kontra ta’ dawk li m’għadhomx fidili għall-wegħdi u għall-impenji missjunarji; il-mentalità indifferentista bbażata mar-relattiviżmu reliġjuż, li ġġiegħel lil dak li jkun jaħseb u jgħid lil bosta kontemporanji tagħna li “reliġjon tiswa daqs l-oħra”.

Imma diffikultajiet simili jgħinuna nifhmu aħjar l-isfida li l-impenn missjunarju jrid jiffaċċja llum iktar minn qatt qabel. Nistgħu niftakru li, sa mill-bidu, il-missjoni tal-Knisja kienet b’mod kostanti sfida: kif setà dak il-grupp żgħir ta’ segwaċi ta’ Kristu jimpenjaw ruħhom fl-opra ta’ evanġelizzazzjoni universali minnu mitluba? Kif setà dak il-grupp żgħir ta’ sajjieda tal-Galilea “jgħallem lill-ġnus kollha”? Ġesù kien jafhom sewwa d-diffikultajiet li l-Appostli kellhom jiffaċċjaw; għalhekk kien offrilhom il-garanzija tiegħu: “Jien magħkom il-jiem kollha, sal-aħħar tad-dinja”” (Mt 28, 20).

Huma emmnu fih, fil-preżenza tiegħu u fil-qawwa tiegħu, għall-ħajja u għall-mewt. Il-Knisja primittiva kielet mill-istess fidi. Il-Knisja tallum, għalkemm konxja miċ-ċokon tal-forzi umani, tirrejaġixxi għad-diffikultajiet tal-evanġelizzazzjoni bl-umiltà u l-fiduċja ta’ dawk li jemmnu tal-oriġni u ta’ dejjem. Hija tħeġġeġ mill-ġdid l-fidi tagħha fil-preżenza omnipotenti ta’ Kristu.

4. Tagħmel parti minn din il-fidi ċ-ċertezza li d-doni tal-Ispirtu Santu ma jonqsu qatt li jġeddu l-impetu missjunarju ta’ dawk li jemmnu, biex jissuperaw d-diviżjonijiet mal-għaqda tal-karità, biex jiffavorixxu ż-żieda u l-fervur tal-vokazzjonijiet missjunarji, biex iqawwu x-xhieda li tiġi mill-konvinzjoni u biex jevitaw kull skuraġġiment. Il-Knisja tħoss li tistà ttenni, mingħajr ftaħir, mal-Appostlu Pawlu: omnia possum in eo qui me confortat, “kollox nistà f’Dak li jagħtini l-qawwa” (Fil 4, 13).

B’din il-“konsolazzjoni” ta’ Kristu, il-missjunarji jiffaċċjaw l-problemi magħmula lill-attività missjunarja tal-kondizzjonijiet ġodda soċjo-kulturali tad-dinja. Jekk l-evoluzzjoni demografika ricenti f’livell mondjali tagħmel iva li parti wiesgħa tal-popolazzjoni tikkonċentra ruħha dejjem iktar fl-ibliet u l-attività missjunarja ma tiżvolġix ruħha iktar “b’mod speċjali fir-reġgjuni iżolati, imbegħda taċ-ċentri ċivilizzati”, il-Knisja ma taħsibhiex darbtejn li tagħraf li “l-postijiet privileġġjati għalihom illum ikunu l-bliet il-kbar, fejn jinbtu drawwiet u mudelli ta’ ħajja ġodda, forom ġodda ta’ kultura u komunikazzjoni”, minkejja li m’għandhiex tittraskura “l-gruppi umani l-iktar marġinali u iżolati” (Redemptoris Missio, 37).

5. L-istrumenti għax-xandir tal-Vanġelu għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u għandhom jimpjegaw aħjar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. “L-ewwel areopagu taż-żmien modern huwa d-dinja tal-komunikazzjoni, li qiegħda tgħaqqad lid-dinja billi tirrendiha – kif imdorrijin ngħidu – “raħal globali”. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali laħqu tali mportanza li jkunu għal bosta l-istrument ewlieni nformattiv u formattiv, ta’ gwida u ta’ ispirazzjoni għall-imġibiet individwali, familjari, soċjali” (Redemptoris Missio, 37). S’issa dawn il-mezzi ma kinux imħaddma b’mod suffiċjenti, waqt li hija magħrufa ma kulħadd il-qawwa li dawn jippossiedu u li tistà sservi biex iżżid l-estensjoni tax-xandir.

Huwa wkoll magħruf li l-mass-medja jikkontribwixxu għall-iżcilupp ta’ kultura ġdida. Kollox sew, f’din il-kultura l-Knisja għandha d-dmir li tiżrà l-ispirtu tal-Vanġelu. “L-impenn fil-mass-medja, madankollu, m’għandux biss l-iskop li jimmultiplika x-xandir: dan huwa ta’ fatt iktar profond, għaliex l-evanġelizzazzjoni stess tal-kultura moderna tiddependi l-biċċa l-kbira mill-influss tagħhom. Mhux biżżejjed, mela, li tużahom biex ixxerred il-messaġġ nisrani u l-maġisteru tal-Knisja, imma jinħtieġ li nintegraw il-messaġġ stess f’din il-“kultura ġdida” maħluqa mill-komunikazzjoni moderna” (Redemptoris Missio, 37). Jinħtieġ għalhekk li ninpenjaw ruħna biex nagħmlu iva li l-istrumenti ta’ komunikazzjoni soċjali, fl-idejn tal-Appostli l-ġodda, isiru strumenti prezzjużi ta’ evanġelizzazzjoni: b’mod speċjali r-radju u t-televiżjoni, minħabba l-influss enormi li jeżerċitaw fuq il-folol. F’dan il-qasam il-lajċi huma msejħa għar-rwol ta’ importanza kbira, li  jassumi fihom kompetenza serja professjonali u spirtu ta’ fidi awtentiku.

Bl-għajnuna divina, illum ukoll il-Knisja għandha timpenja ruħha, fuq il-passi ta’ San Pawl, biex tintroduċi l-ħmira evanġelika fil-kulturi f’evoluzzjoni kontinwa. Dawn huma oqsma wkoll ta’ Alla, li fihom hemm bżonn li niżirgħu u nikkultivaw il-Vanġelu, bħala bdiewa tajbin, waqt li nafdaw b’mod irremovibbli f’Dak li jagħti l-qawwa.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb