128. Is-Salvazzjoni tiġi kollha permezz ta’ Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 31/05/1995.

1. Id-diffikultajiet li kultant jakkumpanjaw l-iżvilupp tal-evanġelizzazzjoni jqiegħdu fid-dawl problema delikata li s-soluzzjoni tagħha ma titfittixx f’termini purament storiċi jew soċjoloġiċi: il-problema tas-salvazzjoni ta’ dawk li ma jappartinux b’mod viżibbli lill-Knisja.

Ma ingħatatilniex l-possibiltà li niskrutinizzaw il-misteru tal-azzjoni divina fl-imħuħ u fil-qlub, biex nivvalutaw il-qawwa tal-grazzja ta’ Kristu fl-ippossessar, fil-ħajja u fil-mewt, ta’ dawk li “il-Missier tah, u li Hu stess ipproklama li ma jridx “jitlef”. Dan nisimgħuh jirripetih f’wieħed mill-qari evanġeliku propost għall-Quddiesa tal-mejtin (cf. Ġw 6, 39-40).

Imma, bħal ma ktibt fl-Enċiklika Redemptoris Missio, ma nistgħux nillimitaw id-don tas-salvazzjoni “għal dawk li, b’mod espliċitu, jemmnu f’Alla u li daħlu fil-Knisja. Jekk inhi destinata għal kulħadd is-salvazzjoni għandha tkun imqiegħda fir-realtà għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd”. U, li nammettu li huwa b’mod konkret impossibbli għal tant nies li jaċċessaw il-messaġġ nisrani, jien żidt: “Ħafna bnedmin m’għandhomx il-possibiltà li jsiru jafu jew li jaċċettaw r-rivelazzjoni tal-Vanġelu biex jidħlu fil-Knisja. Dawn jgħixu f’kondizzjonijiet soċjo-kulturali li ma jippermettulhomx, u spiss ikunu ġew edukati fi tradizzjonijiet reliġjużi oħra” (Redemptoris Missio, 10).

Irridu nagħrfu li sa fejn twassal fil-kapaċità umana tal-previżjoni u tal-għarfien din l-impossibiltà donnha ddestinata biex iddum ħafna iktar forsi wkoll sat- twettiq finali tal-evanġelizzazzjoni. Gesù stess wissa li l-Missier biss jaf “iż-żminijiet u l-waqtiet” minnu ffissati għall-istawrazzjoni tas-Saltna tiegħu fid-dinja (cf. At 1, 7).

2. Dan li għidt hawn fuq ma jiġgustifikax iżda l-pożizzjoni relattiva ta’ min isostni li fi kwalunkwè reliġjon dak li jkun jistà jsib triq ta’ salvazzjoni, ukoll b’mod indipendenti mill-fidi fi Kristu Redentur, u li fuq dan il-kunċett ambigwu għandu jibbaża ruħu d-djalogu interreliġjuż. Mhix hawn is-soluzzjoni li taqbel mal-Vanġelu tal-problema tas-salvazzjoni ta’ min ma jipprofessax il-Kredu nisrani. Irridu iżda nsostnu li t-triq tas-salvazzjoni tgħaddi dejjem minn Kristu, u li allura jmiss lill-Knisja u lill-missjunarji tagħha d-dmir li jwasslu biex jagħrfuh u jħobbuh f’kull żmien, f’kull post u f’kull kultura. ‘Il barra minn Kristu “mhemmx salvazzjoni”. Bħal ma kien ipproklama San Pietru quddiem is-Sinedriju, sa mill-bidu tal-predikazzjoni apostolika: “Mhemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin taħt is-sema li fih hiwa stabbilit li nistgħu nsalvaw” (At 4, 12).

Dawk ukoll li bla ħtija tagħhom ma jagħrfux lil Kristu u ma jagħrfux ruħhom insara, il-pjan divin ħejja triq ta’ salvazzjoni. Bħal ma naqraw fid-Digriet konċiljari dwar l-attività missjunarja Ad Gentes, aħna nemmnu li “Alla, permezz ta’ toroq li huwa biss jaf jistà jwassal lill-bnedmin li mingħajr ħtija tagħhom jinjoraw il-Vanġelu” għall-fidi meħtieġa għas-salvazzjoni” (Ad Gentes, 7). Bla dubju, il-kondizzjoni “mingħajr ħtija tagħhom” la tistà tkun ivverifikata linqas apprezzata minn valutazzjoni umana, imma għandha tkun merħiha b’mod uniku lill-ġudizzju divin. Għal dan fil-Kostituzzjoni Gaudium et Spes il-Konċilju jiddikjara li fil-qalb ta’ kull bniedem ta’ rieda tajba “topera b’mod inviżibbli l-grazzja”, u li “l-Ispirtu Santu jagħti lil kulħadd il-possibiltà li jiġi f’kuntatt, bil-mod li Alla biss jaf, mal-Misteru paskwali” (Gaudium et Spes, 22).

3. Huwa importanti li nenfasizzaw li t-triq tas-salvazzjoni mwettqa minn dawk li jinjoraw il-Vanġelu mhijiex triq barra minn Kristu u mill-Knisja. Ir-rieda feddejja universali hija marbuta mal-unika medjazzjoni ta’ Kristu. Dan tiddikjarah l-Ewwel Ittra lil Timotju: “Alla Feddej tagħna, Dak li jrid li l-bnedmin kollha jkunu salvati u jaslu għall-għarfien tal-verità. Wieħed biss, infatti, huwa Alla, u wieħed biss il-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu għall-fidwa ta’ kulħadd” (1 Tm 2, 3-6). Dan ipproklamah Pietru meta jgħid li “f’ħadd iktar mhemm salvazzjoni”, u jsejjaħ lil Ġesù “il-ġebla tax-xewka” (At 4,11-12), waqt li jesponi r-rwol meħtieġ ta’ Kristu bħala pedament tal-Knisja.

Din id-dikjarazzjoni tal-“uniċità” tas-Salvatur issib l-oriġni tagħha fl-istess kliem tal-Mulej, li jiddikjara li ġie “biex jagħti ħajtu għall-fidwa tal-multitudni” (Mk 10, 45), jiġifieri għall-umanità, bħal ma jispjega San Pawl meta jikteb: “Wieħed miet għal kulħadd” (2 Kor 5, 14 cf. Rm 5, 18). Kristu kiseb is-salvazzjoni universali bid-don ta’ ħajtu: ebda medjatur ieħor ma kien stabbilit minn Alla bħala Salvatur. Il-valur uniku tas-sagrifiċċju tas-Salib għandu jkun magħruf dejjem fid-destin ta’ kull bniedem.

4. U ladarba Kristu jopera s-salvazzjoni permezz tal-Ġisem mistiku tiegħu, li huwa l-Knisja, it-triq tas-salvazzjoni hija b’mod essenzjali marbuta mal-Knisja. L-assjoma extra Ecclesiam nulla salus – “barra mill-Knisja mhemmx salvazzjoni” –, mistqarra minn San Ċiprijanu (Epist 73,21: PL1123 AB), tappartieni lit-tradizzjoni nisranija u kienet imdaħħla fil-Konċilju Lateranensi IV (Denz.-S. 802), fil-bolla Unam Sanctam ta’ Bonifaċju VIII (Denz.-S. 870) u fil-Konċilju ta’ Firenza (Decretum pro Jacobitis, Denz.-S. 1351).

L-assjoma tfisser li għal dawk li ma jinjorawx li l-Knisja kienet imwaqqfa minn Alla permezz ta’ Ġesù Kristu bħala meħtieġa hemm l-obbligu li jidħlu u jipperseveraw fiha bl-iskop li jiksbu s-salvazzjoni (cf. Lumen Gentium, 14). Għal dawk li iżda ma rċivewx l-aħbar tal-Vanġelu, bħal ma ktibt fl-Enċiklika Redemptoris Missio, is-salvazzjoni hija aċċessibbli permezz ta’ toroq misterjużi minħabba li l-grazzja divina tiġi mogħtija lilhom bis-saħħa tas-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu, mingħajr adeżjoni esterna fil-Knisja imma dejjem, madankollu, f’relazzjoni magħha (cf. Redemptoris Missio, 10). Din hija “relazzjoni misterjuża”: misterjuża għal dawk li jirċevuha, għaliex huma ma jafux il-Knisja u anzi, kultant, b’mod estern iwarrbuha; misterjuża wkoll fiha nfisha għaliex marbuta mal-misteru feddej tal-grazzja, li tinvolvi referenza essenzjali għall-Knisja mwaqqfa mis-Salvatur.

Il-grazzja feddejja, biex taħdem, tinħtieġ adeżjoni, koperazzjoni, iva għad-donazzjoni divina: u tali adeżjoni hija, talinqas b’mod assolut, orjentata lejn Kristu u l-Knisja. Għalhekk dak li jkun jistà jgħid ukoll sine Ecclesia nulla salus – “mingħajr il-Knisja mhemmx salvazzjoni”-: l-adeżjoni għall-Knisja-Gisem mistiku ta’ Kristu, għalkemm assoluta u appuntu misterjuża, tikkostitwixxi kondizzjoni essenzjali għas-salvazzjoni.

5. Ir-reliġjonijiet jistgħu jeżerċitaw influss pożittiv fuq id-destin ta’ min jifforma parti u jsegwi l-indikazzjonijiet b’sinċerità tal-ispirtu. Imma jekk l-azzjoni deċiżiva għas-salvazzjoni hija opra tal-Ispirtu Santu rridu nżommu quddiem għajnejna li l-bniedem jirċievi biss mingħand Kristu, permezz tal-Ispirtu Santu, is-salvazzjoni tiegħu. Din tibda diġa mill-ħajja fuq din l-art, li l-grazzja, aċċettata u reċiprokata, tirrendi fruttuża, fis-sens evanġeliku, għad-dinja u għas-sema.

Minn hawn l-importanza tar-rwol indispensabbli tal-Knisja, li “mhijiex għan fiha nfisha imma b’mod devot titlob li tkun kollha ta’ Kristu, fi Kristu u għal Kristu, u kollha tal-bnedmin, fost il-bnedmin u għall-bnedmin”. Rwol li mhuwiex mela “ekkleżjoċentriku” kif kultant ingħad: il-Knisja ma teżistix infatti taħdem għaliha nfisha, imma hija għas-servizz ta’ umanità msejħa għall-filjazzjoni divina fi Kristu (cf. Redemptoris Missio, 19). Hija għalhekk teżerċita medjazzjoni assoluta ukoll fil-konfront ta’ dawk l’ jinjoraw il-Vanġelu.

Dan iżda m’għandux iwassal għall-konklużjoni li l-attività missjunarja tagħha tkun f’tali ċirkustanzi inqas meħtieġa. Għall-kuntrarju. Fil-fatt min jinjora lil Kristu, għalkemm mingħajr ħtija, isib ruħu f’kundizzjoni ta’ dlam u ta’ karestija spiritwali b’riflessi negattivi spiss ukoll fuq il-pjan kulturali u morali. L-azzjoni missjunarja tal-Knisja tistà tipprovdilu l-kundizzjonijiet tal-iżvilupp sħiħ tal-grazzja feddejja ta’ Kristu, billi tipproponi l-adeżjoni sħiħa u konxja għall-messaġġ tal-fidi u s-sehem attiv tal-ħajja ekkleżjali fis-sagramenti.

Din hija l-linja tejoloġika meħudha mit-tradizzjoni nisranija. Il-maġisteru tal-Knisja segwiha fid-dutrina u fil-proċedura bħala triq murija minn Kristu nnifsu għall-Appostli u għall-missjunarji taż-żminijiet kollha.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb