130. Il-Knisja taqsam it-tamiet tal-Familja Umana


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 21/06/1995.

1. Il-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja timponi l-problema tar-relazzjonijiet tagħha mad-dinja.

Problema ffaċċjata mill-Konċilju Vatikan II b’mod partikolari fil-Kostituzzjoni Gaudium et Spes. Fil-katekeżi preċedenti wkoll aċċennajna għal xi aspetti ta’ tali relazzjonijiet, billi ttrattajna r-rwol tal-lajċi fil-ħajja tal-Knisja. Issa bħala konklużjoni tal-katekeżi ddedikati għall-vokazzjoni missjunarja tal-Knisja, irridu niddeskrivu xi linji direttriċi, li juruna aħjar il-kwadru ġenerali tal-missjoni tagħha, propju fir-rigward tad-dinja li fiha hija tgħix u li lilha tikkomunika l-grazzja tas-salvazzjoni divina.

Qabel xejn hemm bżonn infakkru li l-Knisja “għandha skop feddej u eskatoloġiku, li ma jistax ikun milħuq għal kollox jekk mhux fid-dinja futura” (Gaudium et Spes, 40). Għalhekk ma nistgħux nitolbu li l-forzi tagħha jkunu b’mod esklussiv linqas b’mod ewlieni assimilati mill-esiġenzi u mill-problemi tad-dinja terrena. Huwa possibbli nevalwaw b’mod korrett l-azzjoni tagħha fid-dinja tallum, bħal ma f’dak tas-sekli li għaddew, billi nikklassifikawhom b’mod uniku mill-punt di vista tal-iskopijiet temporali jew tal-ġid materjali tas-soċjetà. L-orjentament lejn id-dinja futura huwa essenzjali għaliha. Hija taf li hija mdawra mill-viżibbli, imma hija konxja li trid tieħu ħsieb  kif imiss s-Saltna eterna nviżibbli li diġa twettaq b’mod misterjuż (cf. Lumen Gentium, 3) u li taspira b’mod ferventi għall-manifestazzjoni tagħha. Din il-verità fundamentali hija espressa sewwa mill-motto tradizzjonali: “Per visibilia ad invisibilia”: permezz tar-realtajiet viżibbli lejn dawk inviżibbli.

2. Fuq l-art il-Knisja hija preżenti bħala familja ta’ wlied Alla, “imwaqqfa u ordnata bħala soċjetà f’din id-dinja” (Lumen Gentium, 8). Għal din ir-raġuni tħossha parteċipi fil-ġrajjiet umani f’solidarjetà mal-umanità kollha. Bħal ma jfakkar il-Konċilju, hija “timxi flimkien mal-umanità kollha u tisperimenta flimkien mad-dinja l-istess xorti terrena” (Gaudium et Spes, 40). Dan ifisser li l-Knisja tisperimenta fil-membri tagħha l-provi u d-diffikultajiet tan-nazzjonijiet, tal-familji, tal-individwi, billi tieħu sehem fil-mixja iebsa tal-umanità tul it-toroq tal-istorja. Fit-trattament tar-relazzjonijiet tal-Knisja mad-dinja, il-Konċilju Vatikan II jaqbad il-mossi propju minn din il-kondiviżjoni tal-Knisja bil-“ferħ u bit-tamiet, id-dwejjaq u l-qtigħ il-qalb tal-bnedmin” (Gaudium et Spes, 1). B’mod speċjali llum, minħabba l-għarfien universali l-ġdid tal-kondizzjonijiet reali tad-dinja, tali kondiviżjoni saret b’mod partikolari qawwija u profonda.

3. Il-Konċilju jiddikjara wkoll li l-Knisja ma tillimitax ruħha biex taqsam ix-xorti li f’dan iż-żmien tagħna, bħal fi kwalunkwè epoka oħra tal-istorja, jikkaratterizzaw l-esperjenzi tal-bnedmin. Hija infatti taf li hija “l-ħmira u kważi r-ruħ tas-soċjetà umana, iddestinata li ġġedded lilha nfisha fi Kristu u biex tibdel lilha nfisha fil-familja ta’ Alla” (Gaudium et Spes, 40). Imħeġġa min-nifs tal-Ispirtu Santu, il-Knisja trid issawwab ukoll fis-soċjetà tensjoni ġdida biex tagħmel komunità b’mod spiritwali u, sa fejn hu possibbli, ukoll b’mod materjali ordnata u ferħana. Bħal ma kien jgħid San Tumas D’Aquimo, din hija li twassal lill-bnedmin għal “għixien tajjeb”, għall-għixien “skont il-virtujiet” Din hija s-sustanza tal-ġid komuni temporali li għalihom għandhom jimmiraw iċ-ċittadini permezz tal-gwida tal-Istat, imma waqt li joperaw fid-dawl tal-iskop aħħari, li għalih ir-Rgħajja u l-Knisja kollha fit-totalità tagħha jorjentaw lill-individwi u l-popli (cf. De regimine principum, cc.1, 14, 15).

Propju f’dan id-dawl tal-“Ġid suprem”, regolatorju tal-eżistenza kollha umana ukoll fir-rigward tal-“iskopijiet intermedji” (cf. De regimine principum, c. 15), il-Knisja “tikkontribwixxi ħafna biex tirrendi iktar umana l-familja tal-bnedmin u l-istorja tagħha” (Gaudium et Spes, 40). Hija toffri l-kontribut propju billi tippromwovi d-dinjità tal-persuna u l-irbit tal-komunjoni bejn individwi u popli, kif ukoll billi tenfasizza s-sinifikat spiritwali tax-xogħol ta’ kuljum fil-pjan il-kbir tal-ħolqien u l-iżvilupp ġust tal-libertà umana.

4. Il-Konċilju jispeċifika li l-Knisja hija ta’ għajnuna kbira għall-bnedmin. Qabel kollox tirrivela lil kull wieħed l-verità dwar l-eżistenza tiegħu u dwar id-destin tiegħu. Imbagħad turi lil kull wieħed kif Alla huwa l-inika tweġiba vera għax-xewqat profondi ta’ qalbu, “li qatt ma tistà tkun imxebbà mill-ġid terren” (Gaudium et Spes, 41). Barra minn dan tiddefendi lil kull persuna, bis-saħħa tal-Vanġelu afdat lilha, bil-proklamazzjoni tad-“drittijiet fundamentali tal-persuna u tal-familja” (Gaudium et Spes, 42) u bl-influss benefiku fuq is-soċjetà, għaliex tirrispetta dawn id-drittijiet u jkun mibdi l-proċess tal-bidla ta’ dawk is-sitwazzjonijiet kollha li fihom tali drittijiet jiġu miksura b’mod ċar.

Fl-aħħarnett il-Knisja tqiegħed fid-dawl u ripproklama wkoll id-drittijiet tal-familja, bla dubju ta’ xejn marbutin ma’ dawk tal-individwi personali u mitluba mill-istess esseri uman kif inhu. Maġemb id-difiża tad-dinjità tal-persuna f’kull fażi tal-eżistenza tagħha, il-Knisja ma tiqafx tenfasizza l-valur tal-familja, li fiha kull raġel u kull mara huma nseriti b’mod naturali. Infatti teżisti korrelazzjoni profonda bejn id-drittijiet  tal-persuna u dawk tal-familja: ma jistax dak li jkun jiddefendi b’mod effikaċi lill-individwi mingħajr riferenza ċara għall-kuntest familjari tagħhom.

Il-Knisja, minkejja li għandha missjoni li “mhijiex ta’ ordni politiku, ekonomiku u soċjali” imma “ta’ ordni reliġjuż” (Gaudium et Spes, 42), tiżvolġi azzjoni benefika wkoll favur is-soċjetà. Tali azzjoni hija espressa f’forom differenti. Hija tqanqal interventi għas-servizz ta’ kulħadd u b’mod speċjali iktar ta’ dawk fil-bżonn; tippromwovi “soċjalizzazzjoni b’saħħitha u konsoċjazzjoni ċivili u ekonomika” (Gaudium et Spes, 42); tħeġġeġ lill-bnedmin biex jissuperaw in-nuqqas ta’ qbil bejn ir-razez u n-nazzjonijiet, waqt li tiffavorixxi l-għaqda fl-ispettru internazzjonali u planetarju; tappoġġja u ssostni, sa fejn ikun possibbli għaliha, l-istituzzjonijiet li jimmiraw għall-ġid komuni.

Hija torjenta u tinkuraġġixxi l-attività umana (cf. Gaudium et Spes, 43) u timbotta lill-insara biex jiddedikaw il-forzi tagħhom fl-oqsma kollha għall-ġid tas-soċjetà. Tħeġġiġhom biex isegwu l-eżempju ta’ Kristu ħaddiem f’Nażżaret, biex josservaw il-preċett tal-imħabba lejn il-proxxmu, biex iwettqu f’ħajjithom l-eżortazzjoni ta’ Ġesù biex jiffruttifikaw it-talenti personali (cf. Mt 25, 14-30). Barra minn hekk timbuttahom biex joffru l-kontribut propju għall-isforz xjentifiku u tekniku tas-soċjetà umana; biex jimpenjaw ruħhom fil-qasam propju tal-lajċi tal-attivitajiet tenporali (cf. Gaudium et Spes, 43), għall-progress tal-kultura, it-twettiq tal-ġustizzja u l-ilħuq ta’ paċi vera.

5. Fir-rapporti tagħha mad-dinja, il-Knisja mhux biss toffri, imma wkoll tirċievi – minn persuni, gruppi, soċjetà -, għajnuniet u kontribuzzjonijiet. Il-Konċilju dan jagħrfu b’mod miftuħ: “Kemm hu mportanti għad-dinja li hija tagħraf il-Knisja bħala realtà soċjali tal-istorja u l-ħmira tagħha, hekk ukoll il-Knisja ma tinjorax kemm irċeviet mill-istorja u mill-iżvilupp tal-ġeneru uman” (Gaudium et Spes, 44). Hekk iseħħ “bdil vitali bejn il-Knisja u d-diversi kulturi tal-popli” (Gaudium et Spes, 44). B’mod speċjali l-Knisja missjunarja, fl-impenn tagħha ta’ evanġeliżżazzjoni, tirrikorri dejjem għal-lingwaġġi, għall-kunċetti, għall-kulturi tal-popli differenti u, sa minn l-ewwel sekli, sabet fl-għerf tal-filosfi dik is-“semina Verbi” li tikkostitwixxi tħejjija vera u propja għax-xandir ċar tal-Vanġelu.  Konxja sew li tirċievi bosta mid-dinja, il-Knisja tipprofessa mela l-gratitudni tagħha, mingħajr madankollu tiġi nieqsa mill-konvinzjoni tal-vokazzjoni missjunarja tagħha u mill-ħila tagħha li tagħti lill-umanità l-ikbar u l-ogħla don li hi tistà tirċievi: il-ħajja divina fi Kristu, bil-grazzja tal-Ispirtu Santu, li jmexxiha lejn il-Missier. Hawn hija l-essenza tal-ispirtu missjunarju li bih il-Knisja timxi lejn id-dinja u tixtieq tkunilha qrib f’komunjoni ta’ ħajja. 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb