18. L-innoċenza oriġinarja u l-istat storiku tal-bniedem

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 13/02/1980.

1. Il-meditazzjoni tallum tassumi dak li diġa kien miksub mid-diversi analiżi magħmulin s’issa.

Dawn ħarġu mit-tweġiba mogħtija minn Ġesù lill-interlokuturi tiegħu (cf. Mt 19,3-9; Mk 10,1-12), li kienu staqsewh dwar iż-żwieġ, dwar l-indissolubilità u l-unità tiegħu. L-Imgħallem kien irrakkomandalhom biex jikkunsidraw b’attenzjoni dak li kien sa “mill-bidu.” U propju għal dan, fiċ-ċiklu tal-meditazzjonijiet tagħna sallum, fittixna li nirriproduċu b’xi mod ir-realtà tal-għaqda, jew aħjar tal-komunjoni ta’ persuni, migħuxa “sa mill-bidu” mir-raġel u mill-mara. Wara, fittixna li nippenetraw fil-kontenut tal-versett konċiż 25 ta’ Ġenesi 2: “Issa t-tnejn li huma kienu mneżżà, ir-raġel u l-mara, imma ma kinux iħossu mistħija”.

Dawn il-kliem jagħmlu riferenza għar-rigal tal-innoċenza oriġinarja, waqt li jirrivelaw il-karattru b’mod, biex ngħidu hekk, sintetiku. It-tejoloġija, fuq din il-bażi, bniet l-immaġni globali tal-innoċenza u tal-ġustizzja oriġinarja tal-bniedem, qabel id-dnub oriġinali, waqt li applikat il-metodu tal-oġġettivazzjoni, speċifiku tal-metafiżika u tal-antropoloġija metafiżika. Fl-analiżi preżenti se nippruvaw pjuttost nieħdu in konsiderazzjoni l-aspett tas-soġġettività umana; din, mill-bqija, donnha tinsab iktar qrib għat-testi oriġinali, speċjalment tat-tieni rakkont tal-ħolqien, jiġifieri t-test jahwista.

2. Indipendentement minn ċerti differenzi ta’ interpretazzjoni, donnu ċar biżżejjed li l-“esperjenza tal-ġisem”, bħal ma nistgħu niksbu mit-test arkajku ta’ Ġenesi 2, 23 u ferm iktar ta’ Ġenesi 2,25, jindika grad ta’ spiritwaliżazzjoni tal-bniedem, differenti minn dak li dwaru jitkellem l-istess test wara d-dnub oriġinali (Ġenesi 3) u li aħna nafu mill-esperjenza tal-bniedem “storiku”. Hija miżura differenti ta’ “spiritwalizzazzjoni” li timplika kompożizzjoni oħra tal-qawwiet interni fl-istess bniedem, kważi rapport ieħor ġisem-ruħ, proporzjoni oħra interna bejn is-sensitività, l-ispiritwalità, l-affettività, jiġifieri grad ieħor ta’ sensibiltà interna lejn id-doni tal-Ispirtu Santu. Dan kollu jikkondizzjona l-istat ta’ innoċenza oriġinarja tal-bniedem u fl-istess ħin tiddeterminah, waqt li tippermettilna wkoll li nifhmu r-rakkont tal-Ġenesi. It-tejoloġija kif ukoll il-maġisteru tal-Knisja taw forma propja lil dawn il-veritajiet fundamentali. (“Si quis non confitetur primum hominem Adam, cum mandatum Dei in paradiso fuisset transgressus, statim sanctitatem et iustitiam, in qua constitutus fuerat,amisisse… anathema sit” [Conc. Trident., Sess. V,can. 1, 2:D.-S.788, 789]. “Protoparentes in statu sanctitatis et iustitiae constituti fuerunt… Status iustitiae originalis protoparentibus collatus, erat gratuitus et vere supernaturalis… Protoparentes constituti sunt in statu naturae integrae, id est, immunes a concupiscentia, ignorantia, dolore et morte… singularique felicitate gaudebant… Dona integritatis protoparentibus collata, erant gratuita et praeternaturalia” [A. Tanquerey, Synopsis Theologiae Dgmaticae, Parisiis 194324 pp. 534-549].)

3. Waqt li nerġgħu naqbdu l-analiżi tal-“bidu” skont id-dimensjoni tat-tejoloġija tal-ġisem, se nagħmlu dan billi nibbażaw fuq il-kliem ta’ Kristu, li bihom huwa stess irrifera għal dak il-“bidu”. Meta qal: “Ma qrajtux li l-Ħallieq sa mill-bidu ħalaqhom maskju u femmina?” (Mt 19,4), huwa ordnalna u dejjem jordnalna biex nerġgħu lura għall-profondità tal-misteru tal-ħolqien. U dan aħna nagħmluh, waqt li għandna kuxjenza sħiħa tar-rigal tal-innoċenza oriġinarja, propja tal-bniedem qabel id-dnub oriġinali. Minkejja li tifridna barriera insormontabbli minn dak li l-bniedem kien dakinhar bħala maskju u femmina, permezz tar-rigal tal-grazzja magħqud mal-misteru tal-ħolqien, u minn dak li t-tnejn li huma kienu wieħed għal ieħor, bħala rigal reċiproku, madankollu infittxu li nifhmu dak l-istat ta’ innoċenza oriġinarja fir-rabta tiegħu mal-istat “storiku” tal-bniedem wara d-dnub oriġinali “status naturae lapsae simul et redemptae”.

Permezz tal-kategorija tal-“futur storiku” infittxu li nilħqu s-sens oriġinarju tal-ġisem, u li naħfnu ir-rabta eżistenti bejnu u bejn in-natura tal-innoċenza oriġinarja fl-“esperjenza tal-ġisem”, li turi ruħħa b’mod hekk sinifikattiv fir-rakkont tal- Ktieb tal-Genesi. Naslu għall-konklużjoni li huwa mportanti u essenzjali li nippreċiżaw din ir-rabta, mhux biss fil-konfront tal-“preistorja tejoloġika” tal-bniedem, li fiha l-konvivenza tar-raġel u tal-mara kienet kważi tiffiltra mill-grazzja tal-innoċenza oriġinarja, imma wkoll b’rabta mal-possibiltà tagħha li tirrivelalna l-għeruq parmanenti tal-aspett uman u fuq kollox tejoloġiku tal-ethos(norma tal-ħajja)tal-ġisem.

4.Il-bniedem jidħol fid-dinja u kważi fl-iktar pjan intimu tal-futur tiegħu u tal-istorja tiegħu, bil-kuxjenza tas-sinifikat sponsali ta’ ġismu propju, tal-propja maskulinità u femminilità. L-innoċenza oriġinarja tgħid li dak is-sinifikat huwa kkondizzjonat “b’mod etiku” u wkoll li, minn naħa tiegħu, jikkostitwixxi l-futur tal-ethos uman. Dan huwa ferm importanti għat-tejoloġija tal-ġisem: huwa r-raġuni li għaliha jmissna nibnu din it-tejoloġija “mill-bidu”, waqt li nsegwu sewwa l-indikazzjoni tal-kliem ta’ Kristu.

Fil-misteru tal-ħolqien, ir-raġel u l-mara kienu “mogħtija” mill-Ħallieq, b’mod partikulari, il-wieħed lill-ieħor, u dan mhux biss fid-dimensjoni ta’ dik l-ewwel koppja umana u ta’ dik l-ewwel kumunjoni ta persuni, imma fil-prospettiva kollha tal-eżistenza tal-ġeneru uman u tal-familja umana. Il-fatt fondamentali ta’din l-eżistenza tal-bniedem f’kull stadju tal-istorja tiegħu huwa li Alla “ħalqu maskju u femmina”;  fil-fatt dejjem joħloqhom b’dan il-mod u dejjem bħala tali. Il-fehim tas-sinifikati fundamentali  miġbura fil-misteru nnifsu tal-ħolqien, bħas-sinifikat sponsali tal-Gisem (u tal-kondizzjonamenti fundamentali ta’ tali sinifikat), huwa mportanti u ndispensabbli biex nagħrfu min hu l-bniedem u min imissu jkun, u għalhekk kif għandu jagħġen l-attività propja tiegħu.

5. Ġenesi 2,24 jistabilixxi li t-tnejn, raġel u mara, inħolqu għaż-żwieġ; “minħabba f’hekk ir-raġel iħalli ‘l missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”. B’dan il-mod tinfetaħ prospettiva ħallieqa kbira: li hija appuntu il-prospettiva tal-eżistenza tal-bniedem, li kontinwament tiġġedded permezz tal-“prokrejazzjoni” (nistgħu nsejħulha l-“awtoriproduzzjoni). Tali prospettiva hija radikata b’mod profond fil-kuxjenza tal-umanità (cf.Ġen 2,23) u wkoll fil-kuxjenza partikulari tas-sinifikat sponsali tal-ġisem (Ġen 2,25). Ir-raġel u l-mara, qabel ma jsiru raġel u mara miżżewġin (fir-realtà ikellimna iktar ‘il quddiem Ġenesi 4,1), joħorġu mill-misteru tal-ħolqien qabel xejn bħala ħu  u oħt fl-istess umanità. Il-fehim tas-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu jirrivela l-intimu tal-libertà tagħhom, li hija libertà ta’ rigal.

Minn hawn tibda dik il-komunjoni tal-persuni, li fiha t-tnejn jiltaqgħu u jagħtu lil xulxin bħala rigal b’mod reċiproku fil-milja tas-soġgettività tagħhom. Hekk it-tnejn li huma jikbru bħala persuni-soġġetti, u jikbru b’mod reċiproku il-wieħed għall-ieħor ukoll permezz ta’ ġisimhom u permezz ta’ dik l-“għera” ħielsa mill-mistħija. F’din il-komunjoni ta’ persuni tiġi assikurata b’mod perfett il-profondità kollha tas-solitudni oriġinarja tar-raġel (tal-ewwel u ta’ kollha) u, fl-istess ħin, tali solitudni ssir b’mod l-iktar tal-għaġeb iffiltrata u mkabbra tar-rigal tal-“ieħor”. Jekk ir-raġel u l-mara jieqfu li jkunu rigal, rigal diżinteressat b’mod reċiproku, bħal ma kienu l-wieħed għall-ieħor, fil-misteru tal-ħolqien, allura jintebħu li “huma mneżżà” (cf. Ġen 3).U allura tinbet f’qalbhom il-mistħija ta’ dik l-għera, li ma kinux ħassew fl-istat tal-innoċenza oriġinarja.

L-innoċenza oriġinarja timmanifesta u fl-istess ħin tikkostitwixxi l-ethos perfett tar-rigal.

Fuq dan l-argument nerġgħu niġu lura.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: