31. Il-konkupixxenza tripla tillimita s-sinifikat sponsali tal-ġisem

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 25/06/1980.

1. L-analiżi li għamilna matul ir-riflessjoni preċedenti kienet iċċentrata fuq il-kliem li ġej mill-Ġenesi 3,16, indirizzati minn Alla-Jahwe lill-ewwel mara wara d-dnub oriġinali: “Lejn żewġek ikun l-istint tiegħek, imma hu jiddominak” (Ġen 3,16).

Wasalna biex nikkonkludu li dawn il-kliem  fihom kjariment adegwat u interpretazzjoni profonda tal-mistħija oriġinarja (cf. Ġen 3,7), li saret parti mir-raġel u mill-mara flimkien mal-konkupixxenza. L-ispjega ta’ din il-mistħija m’għandhiex titfittex fil-ġisem stess, fis-sesswalità somatika tat-tnejn li huma, imma tmur lura għall-bidliet iktar profondi mġarrba mill-ispirtu uman. Propju dan l-ispirtu huwa konxju b’mod partikulari dwar kemm hu bla xaba tal-unità mutwa bejn ir-raġel u l-mara. U tali kuxjenza, biex ngħidu hekk, tagħti tort lill-ġisem, tneħhilu s-sempliċità u l-purezza tas-sunifikat marbut mal-innoċenza oriġinarja tal-esseri uman. Rigward tali kuxjenza, il-mistħija hija esperjenza sekondarja: jekk minn banda hija tirrivela l-waqt tal-konkupixxenza, fl-istess ħin tistà tallarma dwar il-konsegwenzi tal-komponent triplu tal-konkupixxenza. Tistà saħansitra tgħid li r-raġel u l-mara, permezz tal-mistħija, kważi jibqgħu fl-istat tal-innoċenza oriġinarja. Infatti huma kontinwament jagħrfu s-sinifikat sponsali u jippruvaw jipproteġuh, biex ngħidu hekk, mill-konkupixxenza, hekk bħal jippruvaw iżommu l-valur tal-għaqda tal-persuni fl-“unità tal-ġisem”.

2. Ġenesi 2,24 jitkellem b’diskrezzjoni imma wkoll b’ċarezza dwar l-“għaqda tal-iġsma” fis-sens tal-għaqda awtentika tal-persuni: “Ir-raġel… jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”; u mill-kuntest jirriżulta li din l-għaqda tiġi bħala riżultat ta’ għażla, meta tqis li r-raġel “iħalli” lil missieru u lil ommu biex jingħaqad ma’ martu. Għaqda tal-persuni  hekk magħmula tinħtieġ li huma jsiru “ġisem wieħed. Waqt li nitilqu minn din l-espressjoni “sagramentali”, li tikkorrispondi mal-għaqda tal-persuni – tar-raġel u tal-mara – fis-sejħa tagħhom oriġinarja għall-għaqda konjugali, nistgħu nifhmu aħjar il-messaġġ propju ta’ Ġenesi 3, 16; jiġifieri nistgħu nistabilixxu u kważi  nibnu mill-ġdid fiex jikkonsisti l-iżbilanċ anzi d-deformazzjoni stramba tar-rapport oriġinarju interpersonali ta’ għaqda, li għalih jirreferu l-kliem “sagramentali” ta’ Ġenesi 2,24.

3. Nistgħu mela ngħidu – waqt li napprofondixxu Ġenesi 3,16 – li waqt li minn banda il-“ġisem”, kostitwit fl-għaqda tas-suġġett personali, ma jiqafx jistimula x-xewqat tal-għaqda personali, propju minħabba l-maskulinità u l-femminilità (“lejn żewġek ikun l-istint tiegħek”) mill-banda l-oħra u fl-istess ħin il-konkupixxenza tindirizza kif taf hi dawn ix-xewqat; dan jiġi kkonfermat mill-espressjoni: “Huwa jiddominak”. Il-konkupixxenza tal-ġisem tindirizza però tali xewqat lejn ix-xaba tal-ġisem, spiss bi prezz ta’ għaqda awtentika u sħiħa tal-persuni.  F’tali sens, hemm bżonn nieħdu ħsieb il-mod li bih jiġu mqassma l-aċcentwazzjonijiet semantiċi fil-versetti ta’ Ġenesi 3; infatti, minkejja li huma nferrxin, jirrivelaw konsistenza interna. Ir-raġel huwa dak li donnu jħoss mistħija tal-propju ġismu b’intensità partikulari: “Bżajt, għaliex jien għarwien, u nħbejt” (Ġen 3,10); dawn il-kliem iġegħlu jispikka il-karattru tassew metafiżiku tal-mistħija. Fl-istess ħin, ir-raġel huwa dak li għalih il-mistħija, magħquda mal-konkupixxenza, issir impuls biex “jiddomina lill-mara (huwa jiddominak”. Iktar ‘il quddiem, l-esperjenza ta’ tali dominju turi ruħha b’mod iktar dirett fil-mara bħala x-xewqa insazjabbli ta’ għaqda differenti. Mill-waqt li fih ir-raġel “jiddominaha” għall-għaqda tal-persuni – magħmula minn unità spiritwali taż-żewġ suġġetti mogħtija lil xulxin b’mod reċiproku – iseħħ rapport differenti reċiproku, jiġifieri rapport ta’ pussess tal-ieħor b’mod ta’ oġġett tal-propja xewqa. Jekk tali impuls jiddomina min-naħa tar-raġel, l-istinti li l-mara tindirizza lejh, skont l-espressjoni ta’ Ġenesi 3,16, jistgħu jassumu – u jassumu – karattru simili. U jistà jkun li kultant jantiċipaw ix-“xewqa” tar-raġel, jew saħansitra jaslu li jipprovokawh u jqanqluh.

4. It-test ta’ Ġenesi 3,16 donnu jindika fuq kollox lir-raġel bħala dak li “jixtieq”, b’mod simili għat-test ta’ Mattew 5,27-28, li jikkostitwixxi il-punt tat-tluq għall-meditazzjonijiet preżenti; xejn inqas kemm ir-raġel kif ukoll il-mara saru “esseri uman” suġġetti għall-konkupixxenza. U allura it-tnejn għandhom b’xi mod il-mistħija, li bl-interess profond tagħha tmiss l-intimu kemm tal-personalità maskili kif ukoll dik femminili, ukoll jekk b’mod differenti. Dak li nifhmu minn Ġenesi 3 jippermettilna kemm nimmaġinaw  din id-dupliċità, imma wkoll li  l-ispunti biss huma diġa sinifikattivi. Inżidu li, billi dan huwa biss test daqshekk arkajku, huwa elokwenti u akut b’mod sorprendenti ħafna.

5. Analiżi adegwata ta’ Ġenesi 3 mela twassalna għall-konklużjoni, skont liema l-konkupixxenza tripla, inkluża dik tal-ġisem, iġgib magħha limitazzjoni tas-sinifikat sponsali tal-ġisem stess, li tiegħu r-raġel u l-mara kienu parteċipi fl-istat tal-innoċenza oriġinarja. Meta nitkellmu mis-sinifikat tal-ġisem, nagħmlu qabel kollox riferenza għall-kuxjenza sħiħa tal-esseri uman, imma ninkludu wkoll kull esperjenza effettiva tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu u, m’għandniex xi ngħidu, il-predispożizzjoni kostanti għal tali esperjenza. Is-“sinifikat” tal-ġisem mhuwiex biss xi ħaġa konċettwali. Dwar dan diġa ġbidna l-attenzjoni biżżejjed fl-analiżi preċedenti. Is-“sinifikat tal-ġisem” huwa dak li jiddetermina l-atteġġjament: huwa d-dinja tal-għixien tal-ġisem. Huwa l-kejl li l-bniedem intern, jiġifieri dik il-“qalb” li dwarha jiġbed l-attenzjoni Kristu fid-diskors tal-muntanja, japplika għall-ġisem uman rigward il-maskulinità/femminilità tiegħu (mela rigward is-sesswalità tiegħu).  

Dak is-“sinifikat” ma jimmodifikax ir-realtà fiha nfisha, dak li l-ġisem uman hu u li qatt ma jispiċċa li hu fis-sesswalità li hija tiegħu, indipendentement mill-istati tal-kuxjenza tagħna u mill-esperjenzi tagħna. Madankollu, tali sinifikat purament oġgettiv tal-ġisem u tas-sess, ‘il barra mis-sistema tar-rapporti interpersonali konkreti u reali bejn ir-raġel u l-mara, hu f’ċertu sens “storiku”. Aħna, minflok, fl-analiżi preżenti – f’konformità mal-fonti bibbliċi – nagħtu każ tal-istoriċità tal-bniedem (ukoll minħabba l-fatt li nieħdu l-mossi mill-preistorja tejoloġika tiegħu). Hawn qegħdin ngħidu, ovvjament, dwar dimmensjoni interna, li taħrab lill-kriterji esterni tal-istoriċità, imma li – bdanakollu tistà titqies bħala “storika”. Anzi, hija tinsab propju fil-bażi tal-fatti kollha, li jikkostitwixxu l-istorja tal-bniedem – ukoll l-istorja tad-dnub u tal-fidwa – u hekk jirrivelaw il-profondità u l-għerq innifsu tal-istoriċità tiegħu.

6. Meta f’dan il-kuntest vast, nitkellmu dwar il-konkupixxenza bħala limitazzjoni, infrazzjoni jew saħansitra deformazzjoni tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, nerġgħu nieħdu lilna nfusna lura fuq kollox fl-analiżi preċedenti, li kienu jirrigwardaw l-istat tal-innoċenza oriġinarja, jiġifieri l-preistorja tejoloġika tal-bniedem. Fl-istess ħin, għandna f’moħħna il-miżuri li l-bniedem “storiku” , b’“qalbu”, japplika għall-propju ġismu fir-rigward tas-sesswalità maskili/femminili. Din il-miżura mhix xi ħaġa konċettwali b’mod esklussiv: huwa dan li jiddetermina l-atteġġjamenti u jiddeċiedi l-linja massimali tal-mod kif jgħix il-ġisem.

Bla ebda dubju, għal dan jirreferi Kristu fid-Diskors tal-Muntanja. Aħna hawn infittxu li nressqu qrib il-kliem ta’ Mattew 5,27-28 għall-għatba tal-istorja tejoloġika tal-bniedem, waqt li mela nikkunsidrawhom diġa fil-kuntest ta’ Ġenesi 3. Il-konkupixxenza bħala limitazzjoni, infrazzjoni jew saħansitra deformazzjoni tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, tistà tkun ivverifikata b’mod partikolarment ċar (minkejja l-konċiżjoni tar-rakkont bibbliku) fiż-żewġ proġenituri, Adam u Eva; grazzi lilhom stajna nsibu s-sinifikat sponsali tal-ġisem u nerġgħu niskopru fiex dan jikkonsisti bħala miżura tal-“qalb” umana, tali li tagħġen il-forma oriġinarja tal-komunjoni tal-persuni. Jekk fl-esperjenza tagħhom personali (li it-test bibbliku jippermettilna nsegwu) dik il-forma oriġinarja ġarrbet skwilibriju u deformazzjoni – kif fittixna li nuru permezz tal-analiżi tal-mistħija – kellu jġarrab deformazzjoni wkoll is-sinifikat sponsali tal-ġisem, li fis-sitwazzjoni tal-innoċenza oriġinarja kien jikkostitwixxi il-miżura tal-qalb tat-tnejn, tar-raġel u tal-mara. Jekk jirnexxilna nsawru mill-ġdid fiex tikkonsisti din id-deformazzjoni, jkollna wkoll tweġiba għad-domanda tagħna: jiġifieri fiex tikkonsisti l-konkupixxenza tal-ġisem u x’jikkostitwixxi l-ispeċifità tiegħu tejoloġika u fl-istess ħin antropoloġika. Donnu li tweġiba adegwata antropoloġikament u tejoloġikament, importanti għal dak li jikkonċerna s-sinifikat tal-kliem ta’ Kristu fid-diskors tal-muntanja, jistà jkun diġa mislut mill-kuntest ta’ Ġenesi 3 u mir-rakkont sħiħ jahwista, li bi preċedenza ppermettilna li niċċaraw is-sinifikat sponsali tal-ġisew uman.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >