32. Il-Konkupixxenza tal-ġisem tisfigura r-rapporti raġel-mara

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 23/07/1980.

1. Il-ġisem uman fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu oriġinarja, skont il-misteru tal-ħolqien – kif nafu mill-analiżi ta’ Ġenesi 2,23-25 – mhux biss fonti ta’ fertilità, jiġifieri ta’ prokrejazzjoni, imma sa “mill-bidu” għandu karattru sponsali: jiġifieri, huwa kapaċi jesprimi l-imħabba li biha l-bniedem-persuna jsir rigal waqt li hekk juri l-verità tas-sens profond tal-propju esseri u tal-propja eżistenza.

F’din il-karatteristika tiegħu, il-ġisem huwa l-espressjoni tal-ispirtu u huwa msejjaħ, fl-istess misteru tal-ħolqien, biex jeżisti fil-komunjoni tal-persuni “bħala xbiha ta’ Alla”. Mela, il-konkupixxenza “li tiġi mid-dinja” – hawn qed nitkellmu b’mod dirett mill-konkupixxenza tal-ġisem – tillimita u tisfigura dak il-mod oġġettiv tal-eżistenza tal-ġisem, li tiegħu l-bniedem sar parteċipi. Il-“qalb” umana tisperimenta l-grad ta’ din il-limitazzjoni u sfigurazzjoni, fuq kollox fl-ambitu tar-rapporti reċiproċi raġel-mara. Propju fl-esperjenza tal-“qalb”.   Il-femminilità u l-maskulinità, fir-rapporti tagħhom reċiproċi, donnhom li ma jibqgħux iktar l-espressjoni tal-ispirtu li tindokra l-komunjoni personali, u jibqgħu biss oġgett ta’ attrazzjoni, f’ċertu sens kif jiġri “fid-dinja” tal-esseri ħajjin li, bħall-bniedem, irċivew il-barka tal-fertilità  (cf. Ġen 1).

2. Tali xebħ huwa bla dubju kontenut fl-opra tal-ħolqien; dan jikkonfermah ukoll Ġenesi 2 u b’mod partikulari l-versett 24. Madankollu, dak li kien jikkostiitwixxi s-substrat “naturali”, somatiku u sesswali, ta’ dik l-attrazzjoni, diġa fil-misteru tal-ħolqien kien jesprimi b’mod sħiħ is-sejħa tar-raġel u tal-mara għall-għaqda personali; minflok, wara d-dnub, fis-sitwazzjoni l-ġdida li dwarha jitkellem Ġenesi 3, tali espressjoni ddgħajfet u ċċajpret: bħallikieku naqset fl-immarkar tar-rapporti reċiproċi, jew bħallikieku ġiet imbuttata fuq livell ieħor. Is-substrat naturali u somatiku tas-sesswalità umana immanifesta ruħu bħala qawwa kważi awtoġenika, immarkata minn ċertu “konstrinġiment tal-ġisem”, imħaddem skont dinamika propja, li tillimita l-espressjoni tal-ispirtu u l-esperjenza tal-bidla tar-rigal tal-persuna. Il-kliem ta’ Ġenesi 3,15 indirizzati lill-ewwel mara donnhom jindikaw dan b’mod ċar biżżejjed (“lejn żewġek ikun l-istint tiegħek, imma hu jiddominak”).

3. Il-ġisem uman fil-maskulinità-femminilità tiegħu kważi tilef il-ħila li jesprimi tali mħabba, li fiha l-bniedem-persuna jsir rigal, konformi għall-istruttura u finalità l-iktar profonda tal-eżistenza tiegħu personali, kif diġa osservajna fl-analiżi preċedenti. Jekk hawn ma nifformulawx dan il-ħaqq b’mod assolut u nżidu l-espressjoni avverbjali “kważi”, dan nagħmluh minħabba li d-dimensjoni tar-rigal – jiġifieri l-ħila li jesprimi l-imħabba li biha l-bniedem, permezz tal-femminilità jew il-maskulinità tiegħu jsir rigal għall-parti l-oħra – b’xi miżura ma waqafx ixerred u jifforma l-imħabba li titwieled fil-qalb umana. Is-sinifikat sponsali tal-ġisem ma sarx għal kollox barrani għal dik il-qalb: ma ġietx fgata għal kollox min-naħa tal-konkupixxenza, imma biss mhedda b’mod normali.  Il-“qalb” saret il-post tal-ġlieda bejn l-imħabba u l-konkupixxenza. Meta l-iktar il-konkupixxenza tiddomina l-qalb, daqstant inqas din tisperimenta is-sinifikat sponsali tal-ġisem, u daqstant inqas issir sensibbli għar-rigal tal-persuna, li fir-rapporti reċiproci tar-raġel u tal-mara jesprimi appuntu dak is-sinifikat. Bla ebda dubju, ukoll dik ix-“xewqa” li dwarha Kristu jitkellem f’Mattew 5, 27-28, tidher fil-qalb umana f’forom multepliċi: mhux dejjem hija evidenti u ċara, kultant hija moħbija, hekk li tiġi msejħa “imħabba”, alavolja sieket il-profil awtentiku tagħha u oskura ċ-ċarezza tar-rigal fir-rapport reċiproku tal-persuni. Irid forsi dan jgħid li dan huwa dak li għandna d-dmir ma nafdawx fil-qalb umana? Le! Dan irid biss jgħid li għandna nżommu l-kontroll.

4. L-immaġni tal-konkupixxenza tal-ġisem, li toħroġ mill-analiżi preżenti, għandha referenza ċara għall-immaġni tal-persuna, li permezz tagħha  rbatna r-riflessjonijiet preċedenti tagħna dwar it-tema tas-sinifikat sponsali tal-ġisem. Il-bniedem infatti bħala persuna huwa fid-dinja “l-unika krejatura li Alla ried għaliha nfisha” u, fl-istess ħin, dak li ma jistax “isib lilu nnifsu għal kollox jekk mhux permezz ta’ rigal sinċier tiegħu nnifsu” (1). Il-konkupixxenza inġenerali – u l-konkupixxenza tal-ġisem b’mod partikulari – tolqot appuntu dan “ir-rigal sinċier”:  tieħu  lill-bniedem, nistgħu ngħidu, id-dinjità tar-rigal, li tiġi rspressa permezz ta’ ġismu permezz tal-femminilità u l-maskulinità, u f’ċertu sens “tiddipersonalizza” lill-bniedem billi tagħmlu oġġett “għall-parti l-oħra”.  Minflok ma jkun “flimkien mal-parti l-oħra” – suġġett fl-għaqda anzi “fl-għaqda tal-Gisem” sagramentali – l-bniedem isir oġġett għall-bniedem: il-femmina għall-maskju u viċi-versa. Il-kliem ta’ Ġenesi 3,16 – u, iktar qabel, ta’ Ġenesi 3,7 – iwettqu dan, biċ-ċarezza kollha tal-kuntrast, fir-rigward ta’ Ġenesi 2,23-25.

5. Waqt li tfarrak id-dimensjoni tar-rigal reċiproku tar-raġel u tal-mara, il-konkupixxenza tpoġġi wkoll fid-dubju il-fatt li kull wieħed minnhom il-Ħallieq riedu “għalih innifsu”. Is- soġġettività tal-persuna ċċedi, f’ċertu sens, għall-oġġettività tal-ġisem. Minħabba l-ġisem il-bniedem isir oġġett għall-bniedemn: il-femmina għall-maskju u viċi-versa. Il-konkupixxenza tfisser, biex ngħidu hekk, li r-rapporti personali tar-raġel u tal-mara jiġu unilateralment u riduttivament marbuta mal-ġisem u mas-sess, fis-sens li tali rapporti jsiru kważi mhumiex kapaċi li jilqgħu r-rigal reċiproku tal-persuna. La jkun fihom u linqas jittrattaw il-femminilità-maskulinità skont id-dimensjoni sħiħa tas-soġġettività personali, ma jikkostitwixxux l-espressjoni tal-komunjoni, imma jibqgħu unilateralment iddeterminati “mis-sess”.

6. Il-konkupixxenza tinvolvi t-telf tal-libertà interna tar-rigal. Is-sinifikat sponsali tal-ġisem uman huwa appuntu marbut ma din il-libertà. Il-bniedem jistà jsir rigal – biex inkunu eżatti r-raġel u l-mara jistgħu jeżistu fir-rapport tar-rigal reċiproku tagħhom infushom – kemm-il darba kull wieħed minnhom jiddomina lilu nnifsu. Il-konkupixxenza, li timmanifesta ruħha bħala “sfurzar “sui generis” tal-ġisem”, jillimita iternament u jirristrinġi l-awtodominju tiegħu innifsu, u għalhekk l-istess, f’ċertu sens, jirrendi mpossibbli il-libertà interna tar-rigal. Flimkien ma’ dan, iġġarrab offuskament ukoll is-sbuħija, li l-ġisem uman jippossiedi fl-aspett maskili u femminili tiegħu, bħala espressjoni tal-ispirtu. Jibqà l-ġisem bħala oġġett ta’ konkupixxenza u allura bħala “terren ta’ appropjazzjoni” tal-esseri uman l-ieħor. Il-konkupixxenza, fiha nfisha, mhix kapaċi biex tippromwovi l-għaqda bħall-komunjoni ta’ persuni. Weħidha, hija ma tgħaqqadx, imma tapproprija. Ir-rapport tar-rigal jinbidel fir-rapport ta’ appropjazzjoni.

F’dan il-punt, illum se ninterrompu r-riflessjonijiet tagħna. L-aħħar problema hawn ittrattata hija ta’ importanza tant kbira, u barra minn hekk hija tant sottili, mill-punt di vista tad-differenza bejn l-imħabba awtentika (jiġifieri bejn il-“komunjoni tal-persuni”) u l-konkupixxenza, li jinħtieġ li nerġgħu naqbduha fil-laqgħa tagħna li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: