34. Id-diskors tal-Muntanja lill-bnedmin ta’ żmienna

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 06/08/1980.

1. Waqt li nkomplu għaddejjin biċ-ċiklu tagħna illum nerġgħu naqbdu d-Diskors tal-Muntanja u preċiżament l-espressjoni: “Min iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa wettaq magħha adulterju f’qalbu” (Mt 5,28).

Fid-djalogu tiegħu mal-Fariżej, Ġesù, waqt li għamel referenza għall-“bidu”, (cf. L-analiżi preċedenti.) lissen il-kliem li ġej rigward il-libell ta’ rifjut: “Minħabba l-għebusija ta’ qalbkom Mosè ippermettilkom li tirrifjutaw lil martkom, imma mill-“bidu” ma kienx hekk” (Mt 19,8). Din is-sentenza bla ebda dubju tinkludi akkuża. L-għebusija tal-qalb” (It-terminu Grieg klerokardia ġie ffurmat mis-Sebgħin biex jesprimi dak li fl-Ebrajk kien ifisser: “inċirkunċiżjoni tal-qalb” [cf. ex. gr Dt 10,16; Ger 4,4; Sir 3,26ss.] u li fit-traduzzjoni letterali tat-Testment il-Ġdid, tidher darba waħda biss [At 7,51]. L-“inċirkunċiżjoni” kienet tfisser il-paganeżmu”, l-“immodestja”, id-“distanza mill-Allejanza ma’ Alla”; l-“inċirkunċiżjoni tal-qalb” kienet tesprimi l-ostinazzjoni indomitabbli li topponi lil Alla. Dan jikkonfermah l-apostrofi tad-djaknu Stiefnu: “Ja nies raskom iebsa u pagani fil-qalb [letteralment: mhux ċirkonċiżi tal-qalb]… intom dejjem toffru reżistenza lill-Ispirtu Santu: bħal missirijietkom, hekk ukoll intom”  [At 7,51]. Jeħtieġ mela nifhmu li l-“għebusija tal-qalb” f’tali kuntest filoloġiku) tindika dak li, skont l-ethos  tal-poplu tat-Testment il-Qadim, kienet sejset is-sitwazzjoni kuntrarja għad-disinn oriġinarju ta’ Alla-Jahwe skont Ġenesi 2,24. U huwa hemm li rridu nfittxu l-muftieħ biex ninterpretaw il-leġislazzjoni kollha ta’ Iżrael fl-ambitu taż-żwieġ u, f’sens iktar wiesà, fit-totalità tar-rapporti bejn raġel u mara. Waqt li jitkellem dwar “l-għebusija tal-qalb”, Kristu jakkuża, biex ngħidu hekk, “is-suġġett intern” kollu li huwa responsabbli mid-deformazzjoni tal-Liġi. Fid-Diskors tal-Muntanja (Mt 5,27-28), huwa jagħmel ukoll ċanfira lill-“qalb”, imma l-kliem hawnhekk ippronunzjati ma qishomx ta’ akkuża biss.

2. Hemm bżonn nirriflettu mill-ġdid għal darb’oħra dwarhom, waqt li ndaħħluhom fid-dimensjoni “storika” tagħhom l-iktar possibbli. L-analiżi magħmula s’issa, immirata biex tagħti n-nar lill-“bniedem tal-konkupixxenza” fil-waqt ġenetiku tiegħu, kważi fil-punt inizjali tal-istorja tiegħu ntreċċjata mat-tejoloġija, tikkostitwixxi introduzzjoni wiesgħa iktar minn kollox antropoloġika, għax-xogħol li għad irid jinbeda. It-tappa li jmiss tal-analiżi tagħna hemm bżonn li tkun ta’ karattru etiku. Id-Diskors tal-Muntanja, u partikularment dak il-pass li għazilna bħala ċentru tal-analiżi tagħna, jifforma parti mill-proklamazzjoni tal-ethos il-ġdid: l-ethos tal-Vanġelu. Fit-tagħlim ta’ Kristu, dan huwa b’mod profond marbut mal-kuxjenza tal-“bidu”, mela mal-misteru tal-ħolqien fis-sempliċità u l-għana tiegħu, u, fl-istess ħin, l-ethos, li Kristu jipproklama fid-Diskors tal-Muntanja, huwa b’mod realistiku ndirizzat lill-“bniedem storiku”, li sar il-bniedem tal-konkupixxenza. Infatti, il-konkupixxenza tripla hija wirt tal-umanità kollha, u il-“qalb” umana tippartiċipa b’mod reali. Kristu, li jaf “dak li hemm f’kull bniedem” (Ġw 2,25; cf. Ap 2,23; At1,24), ma jistax jitkellem mod ieħor, jekk mhux b’għarfien simili. Minn dan il-punt di vista, fil-kliem ta’ Mattew 5,27-28 ma tittrijonfax l-akkuża imma l-ħaqq: ħaqq realistiku fuq il-qalb umana, ħaqq li minn banda għandu sies antropoloġiku, u, mill-oħra, karattru direttament etiku. Għall- ethos tal-Vanġelu dan huwa ħaqq kostituttiv.

3. Fid-diskors tal-Muntanja, Kristu jdur b’mod dirett fuq il-bniedem li jappartjeni lil soċjetà magħrufa sewwa. Il-Mulej ukoll kien jagħmel parti minn dik is-soċjetà, minn dak il-poplu. Mela hemm bżonn li fil-kliem ta’ Kristu nfittxu referenza għall-fatti, għas-sitwazzjonijiet, għall-istituzzjonijiet, għal-liema huwa kien ta’ kuljum jiffamiljarizza ruħu magħhom. Hemm bżonn li nissottomettu tali referenzi għal analiżi talinqas sommarja, sabiex joħroġ iktar ċar is-sinifikat etiku tal-kliem ta’ Mattew 5,27-28. Bdanakollu b’dawn il-kliem, Kristu jdur ukoll, b’mod indirett imma reali, fuq kull bniedem “storiku” (irrid infiehem dan l-aġġettiv fuq kollox bħala funzjoni tejoloġika).U dan il-bniedem huwa propju dak il-“bniedem tal-konkupixxenza”, li l-misteru u l-qalb tiegħu huma magħrufa ma’ Kristu (“hu infatti kien jaf dak kollu li hemm f’kull bniedem”) (Ġw 2,25). Il-kliem tad-Diskors tal-Muntanja jippermettulna nistabilixxu kuntatt b’esperjenza nterna ta’ dan il-bniedem kważi f’kull latitudni u f’kull lonġitudni ġejografika, fl-epoki diversi, fil-kondizjonamenti soċjali u kulturali diversi. Il-bniedem ta’ żmienna jħossu msejjaħ b’ismu b’din l-espressjoni ta’ Kristu, xejn inqas mill-bniedem ta’ “dak iż-żmien”, li fuqu dar l-Mulej b’mod dirett.

4. Ġo dan tinsab l-universalità tal-Vanġelu li mhu xejn affattu ġeneralizzazzjoni. Forsi f’din l-espressjoni ta’ Kristu, li hawn se nissottomettu għall-analiżi, dan juri ruħu b’ċarezza partikulari. Minħabba din l-espressjoni, il-bniedem ta’ kull żmien u ta’ kull post iħossu msejjaħ, b’mod adegwat, konkret, irrepetibbli: għaliex Kristu appuntu jagħmel sejħa għall-“qalb” umana, li ma tistax tkun suġġetta għal xi ġeneraliżżazzjoni. Bil-kategorija tal-“qalb”, kull wieħed huwa ndividwat b’mod singulari ferm iktar milli bl-isem, jintlaħaq f’dak li jiddeterminah b’mod uniku u rrepetibbli, huwa ddefinit fl-umanità tiegħu “mill-intern”.

5. L-immaġni tal-bniedem tal-konkupixxenza tikkonċerna qabel xejn l-intimu tiegħu (Mt 15,19-20). L-istorja tal-“qalb” umana wara d-dnub oriġinali hija miktuba taħt il-pressjoni tal-konkupixxenza tripla, ma’ liema tingħaqad ukoll l-immaġni l-iktar profonda tal-ethos fid-dokumenti soriċi varji tagħha. Madankollu dak l-intimu huwa wkoll il-qawwa li tiddeċiedi dwar il-komportament uman “estern”, kif ukoll il-forma tal-istrutturi u l-istituzzjonijiet multipliċi fil-livell ta’ ħajja soċjali. Jekk minn dawn l-istrutturi u istituzzjonijiet niddeduċu l-kontenuti tal- ethos, fil-formulazzjonijiet storiċi varji tiegħu, dejjem niltaqgħu ma’ dan l-aspett intimu, tal-immaġni interna tal-bniedem. Din infatti hija l-komponent l-iktar essenzjali. Il-kliem ta’ Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, u b’mod speċjali dawk ta’ Mattew5,27-28, jindikaw dan b’mod inekwivoku. Ebda studju dwar l-ethos uman ma jistà jgħaddi qribu b’indifferenza.

Għalhekk. Fir-riflessjonijiet suċcessivi tagħna se nfittxu li nissottomettu għal analiżi iktar partikulariġġata dik ir-riflessjoni ta’ Kristu, li tgħid: “Fhimtu dak li ntqal: La tikkommettux adulterju; Imma jien ngħidilkom: kull min iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa kkummetta adulterju magħha f’qalbu” (inkella: “diġa rrendiha adultera ġewwa qalbu”).

Biex nifhmu aħjar dan it-test, nanalizzaw l-ewwel il-partijiet singuli tiegħu, bl-iskop li niksbu mbagħad viżjoni globali iktar profonda. Nieħdu in konsiderazzjoni mhux biss id-destinatarji ta’ dak iż-żmien li semgħu b’widnejhom stess id-Diskors tal-Muntanja, imma wkoll, sa fejn hu possibbli, dawk kontemporanji, il-bnedmin ta’ żmienna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >