43. Interpretazzjoni psikoloġika u tejoloġika tal-kunċett ta’ konkupixxenza


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 08/10/1980.

1.  Illum nixtieq intemm l-analiżi tal-kliem ippronunzjat minn Kristu, fid-Diskors tal-Muntanja, dwar l-“adulterju” u l-“konkupixxenza”, u b’mod partikulari tal-aħħar komponent tal-espressjoni. F’liema tiġi definita b’mod speċifiku il-“konkupixxenza tal-ħars”, bħala “adulterju mwettaq fil-qalb”.

Diġa qabel osservajna li l-kliem msemmi hawn fuq soltu jiġui mifhuma bħala xewqa tal-mara ta’ ħaddieħor (jiġifieri skont l-ispirtu tad-IX kmandament tad-Dekalogo). Però donnu li din l-interpretazzjoni – iktar restrittiva – tistà u għandha titwessà għad-dawl tal-kuntest globali. Donnu li l-valutazzjoni morali tal-konkupixxenza (tal-“ħars lejn biex tixtieq”) li Kristu jsejjaħ “adulterju mwettaq fil-qalb”, jiddependi speċjalment mill-istess dinjità personali tar-raġel u tal-mara; dan jgħodd sew għal dawk li mhumiex marbutin biż-żwieġ, kif ukoll – u forsi wkoll iktar – għal dawk li huma raġel u mara miżżewġin.

2. L-analiżi li għamilna s’issa tal-espressjoni ta’Mattew 5,27-28: “Fhimtu dak li ntqal: la tikkommettix adulterju; imma jiena ngħidilkom: kull min iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa kkummetta adulterju magħha f’qalbu”, tindika l-bżonn ta’ twessiegħ u speċjalment approfondiment tal-interpretazzjoni bikrija ppreżżentatha, rigward is-sens etiku li tali espressjoni fiha. Nieqfu fuq is-sitwazzjoni deskritta mill-Imgħallem, sitwazzjoni li fiha dak li “jikkommetti l-adulterju fil-qalb”, permezz ta’ att intern ta’ konkupixxenza (espress bil-ħars), huwa r-raġel. Huwa sinifikanti li Kristu, waqt li jitkellem dwar l-oġġett ta’ tali att, ma jenfasizzax li hija “l-mara ta’ ħaddieħor”, jew il-mara li mhix il-propja martu, imma jgħidha b’mod generiku: il-mara. L-adulterju mwettaq “fil-qalb” mhux ristrett fil-limiti tar-rapport interpersonali, li jippermetti li jkun individwat l-adulterju mwettaq “fil-ġisem”. Mhumiex tali limiti li jiddeċiedu b’mod esklussiv u essenzjali dwar l-adulterju mwettaq “fil-qalb”, imma n-natura nfisha tal-konkupixxenza, espressa f’dan il-każ permezz tal-ħars, jiġifieri għall-fatt li dak ir-raġel – dwar liema, bħala eżempju, jitkellem Kristu – “iħares lejn biex jixtieq”.  L-adulterju “fil-qalb” jiġi mwettaq mhux biss għaliex ir-raġel “iħares lejn” il-mara li mhix martu b’tali mod, imma appuntu għaliex iħares lejn mara hekk. Ukoll jekk iħares b’dan il-mod lejn il-mara li hija martu jikkummetti l-istess adulterju “fil-qalb”.

3. Din l-interpretazzjoni donnha tieħu in konsiderazzjoni’ b’mod iktar wiesà, dak li fit-totalità tal-analiżi preżenti ntqal dwar il-konkupixxenza, u l-ewwelnett dwar il-konkupixxenza tal-ġisem, bħala element permanenti tal-pekkaminożità tar-raġel (status naturae lapsae). Il-konkupixxenza li, bħala att intern, titnissel minn din il-bażi (kif fittixna li nindikaw fl-analiżi preċedenti), tibdel l-intenzjonalità tal-eżistenza tal-mara “għar”-raġel, waqt li tnaqqas l-għana tas-sejħa perenni għall-komunjoni tal-persuni, l-għana tal-ġibda profonda tal-maskulinità u tal-femminilità, għas-sodisfazzjon biss tal-“bżonn sesswali tal-ġisem” (ma’ liema donnu jintrabat iktar mill-qrib il-kunċett tal-“istint”). Tali riduzzjoni tagħmel iva li l-persuna (f’dan il-każ, il-mara) issir għall-persuna l-oħra (għar-raġel) fuq kollox l-oġġett tas-sodisfazzjon potenzjali tal-propju “bżonn” sesswali. Hekk jiġi mħassar dak l-“għal” reċiproku, li jitlef il-karattru tiegħu ta’ komunjoni tal-persuni favur funzjoni utilitarja. Ir-raġel li “jħares lejn” b’tali mod, kif jikteb  Mattew 5,27-28, “jinqeda” bil-mara, bil-femminilità tagħha, bies jissodisfa l-“istint” propju. Għalkemm dan ma jagħmlux b’att estern, diġa fl-intimu tiegħu assuma tali atteġġjament, internament hekk billi  jiddeċiedi rispett lejn mara speċifika. F’dan jikkonsisti appuntu l-adulterju “mwettaq fil-qalb. Tali adulterju “fil-qalb” jistà jikkummetti r-raġel ukoll fir-rigward tal-propja martu, jekk jittrattaha biss bħala oġġett ta’ sodisfazzjon tal-istint.

4. Mhux possibbli naslu għat-tieni nterpretazzjoni tal-kliem ta’ Mattew 5,27-28, jekk nillimitaw ruħna għall-interpretazzjoni purament psikoloġika tal-konkupixxenza, mingħajr ma nagħtu każ ta’ dak li jikkostitwixxi il-karattru tejoloġiku speċifiku tagħha, jiġifieri r-rapport organiku bejn il-konkupixxenza (bħala att) u l-konkupixxenza tal-ġisem, bħala, biex ngħidu hekk, dispożizzjoni permanenti li toħroġ mill-pekkaminożità tar-raġel. Donnu li l-interpretazzjoni purament prikoloġika (jew aħjar “sesswaloġika”) tal-“konkupixxdenza” ma tikkostitwixxix bażi suffiċjenti biex nifhmu it-test relattiv tad-Diskors tal-Muntanja. Jekk minflok nirreferu għall-interpretazzjoni tejoloġika, – mingħajr ma nissottovalutaw dak li fl-ewwel interpretazzjoni (dik psikoloġika) jibqà immutabbli – din, jiġifieri it-tieni nterpretazzjoni (dik tejoloġika) tidhrilna bħala iktar kompluta. Grazzi għaliha, infatti, isir iktar ċar ukoll is-sinifikat etiku tal-espressjoni- muftieħ tad-Diskors tal-Muntanja, li lilu nafu d-dimensjoni adegwata tal- ethos tal-Vanġelu.

5.Fid-deskrizzjoni ta’ din id-dimensjoni, Kristu jibqà fidil għal-Liġi: “La taħsbux li jiena ġejt biex nabolixxi l-Liġi u l-Profeti; ma ġejtx biex nabolixxi, imma biex inwettaq”  (Mt 5,17). Bħala konsegwenza juri kemm hemm bżonn li jiġu żvelati fil-fond tal-postijiet moħbijatal-qalb umana, sabiex din il-qalb tistà ssir post ta’ “sodisfazzjon” għal-Liġi. L-espressjoni ta’ Mattew 5,27-28, li tirrendi manifesta l-prospettiva nterna tal-adulterju mwettaq “fil-qalb” – u f’din il-prospettiva tesponi it-toroq ġusti biex tissodisfa l-kmandament: “La tikkommettix adulterju” – hija argument singulari. Din l-espressjoni (Mt 5,27-28) infatti tirreferi, għall-isfera li fiha tidħol b’mod partikulari il-“purezza tal-qalb” (cf. Mt 5,8) (espressjoni li fil-Bibbja – kif inhu magħruf – għandha sinifikat wiesà). Ukoll f’postijiet oħra jkollna okkażjoni li nikkunsidraw b’liema mod il-kmandament “La tikkommettix adulterju” – liema, sija għall-mod li fih jiġi espress u sija għall-kontenut, huwa projbizzjoni mhux ambigwa u severa (bħall-kmandament “La tixtieqx il-mara tal-proxxmu tiegħek”) (Es 20,17) –  li appuntu titwettaq permezz tal-“purezza tal-qalb”. Dwar is-severità u l-qawwa tal-projbizzjoni jixhdu b’mod indirett l-kliem suċċessiv tat-test tad-Diskors tal-Muntanja li fih Kristu jitkellem b’mod figurattiv dwar il-“qligħ tal-għajn” u dawr il-“qtugħ tal-id”, meta dawn il-membri tal-ġisem ikunu kawża ta’ dnub (cf. Mt 5,29-30). Osservajna qabel li l-leġislazzjoni tat-Testment il-Qadim, alavolja hija mimlija bil-kastigi ttimbrati bi ħruxija madankollu hija ma tikkontribwixxix “biex tagħti twettieq lil-Liġi”, għaliex il-każistika tagħha kienet immarkata minn kompromessi multipliċi bil-konkupixxenza tal-ġisem. Kristu minflok jgħallem li l-kmandament jissodisfa ruħu permezz tal-“purezza tal-qalb”,  liema ma tiġix imwettqa lir-raġel jekk mhux bi prezz ta’ fermezza fil-konfront ta’ dak kollu li għandu oriġini mill-konkupixxenza tal-ġisem. Akkwistata l-“purezza tal-qalb” li taf tesiġi b’mod koerenti minn “qalbu”: minn “qalbu” u minn “ġismu”.

6. Il-kmandament “La tikkommettix adulterju” jsib il-motivazzjoni ġusta tiegħu fl-indissolubiltà taż-żwieġ, li fih ir-raġel u l-mara, bis-saħħa tad-disinn oriġinali tal-Ħallieq, jingħaqdu b’mod li “it-tnejn isiru ġisem wieħed”  (cf. Gen 2,24). L-adulterju, minnufih, jikkontrasta ma’ tali għaqda, fis-sens li fih din l-għaqda tikkorrispondi mad-dinjità tal-persuni. Kristu mhux biss jikkonferma dan is-sinifikat etiku essenzjali tal-kmandament, imma jxaqleb lejn li jikkonsolidah fl-istess profondità tal-persuna umana.  Id-dimensjoni l-ġdida tal-ethos marbuta dejjem mar-rivelazzjoni ta’ dik il-profondità, li tiġi msejħa “qalb” u mal-liberazzjoni tagħha mill-“konkupixxenza”, b’mod li dik il-qalb tkun tistà tibbrilla lill-bniedem b’iktar milja: maskju u femmina fil-verità kollha nterna tal-“għal” reċiproku. Meħlus mill-kostrinġiment u mill-inkapaċità tal-ispirtu li jġib miegħu l-konkupixxenza tal-ġisem, l-esseri uman: maskju u femmina, isib ruħu mill-ġdid b’mod reċiproku fil-libertà tar-rigal li huwa l-kondizzjoni ta’ kull konvivenza fil-verità, u, partikularment, fil-libertà tal-għoti reċiproku, minħabba li t-tnejn, bħala raġel u mara, għandhom jiffurmaw l-unità sagramentali mixtieqa, bħal ma jgħid Ġenesi 2,24, mill-istess Ħallieq.

7. Bħal ma hu evidenti, l-esiġenza, li fid-Diskors tal-Muntanja, Kristu jimponi lis-semmiegħa tiegħu kollha attwali u potemzjali, tappartieni għall-ispazju ntern li fih il-bniedem – propju dak li jisimgħu – jerġà jirrealizza l-milja mitlufa tal-umanità tiegħu, u jrid li jerġà jakkwistaha. Dik il-milja fir-rapport reċiproku tal-persuni; tar-raġel u tal-mara, l-Imgħallem jerġà jitlobha f’Mattew 5,27-28, waqt li kellu f’moħħu fuq kollox l-indissolubiltà taż-żwieġ, imma wkoll kull forma oħra ta’ konvivenza tal-irġiel u tan-nisa, ta’ dik il-konvivenza li tissostitwixxi t-trama pura u sempliċi tal-eżistenza. Il-ħajja umana, min-natura tagħha, hija “koedukattiva”, u d-dinjità tagħha, l-ekwilibriju tagħha jiddependu, kull waqt tal-istorja u f’kull punt ta’ lonġitudni u latitudni ġejografika, minn “min” tkun hi għalih, u hu għalija.

Il-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja għandu bla ebda dubju ta’ xejn tali skop universali u totalità profonda. Hekk biss jistà jkun  mifhum fil-fomm ta’ Dak, li sal-qiegħ nett “kien jaf dak li hemm f’kull bniedem” (Ġw 2,25), u li, fl-istess ħin, kien iġorr ġewwa fih il-misteru tal-“fidwa tal-ġisem” bħal ma jesprimi lilu nnifsu San Pawl. Hemm bżonn li “nibżgħu” mis-severità ta’ dan il-kliem, jew pjuttost ikollna fiduċja fil-kontenut salvifiku tiegħu, fil-qawwa tiegħu?

Fi kwalunkwè każ, l-analiżi sħiħa tal-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja jiftaħ it-triq għal riflessjonijiet ulterjuri ndispensabbli biex ikollna għarfien sħih tal-bniedem “storiku”, u speċjalment tal-bniedem kontemporanju: tal-kuxjenza tiegħu u ta’”qalbu”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >