51. Ħajja skont il-ġisem u ġustifikazzjoni fi Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 17/12/1980.

1. “Il-ġisem… għandu xewqat kuntrarji għall-Ispirtu u l-Ispirtu għandu xewqat kuntrarji għall-ġisem”.

Illum irridu napprofondixxu dan il-kliem ta’ San Pawl fl-ittra lill-Galatin (Gal 5,17), b’liema l-ġimgħa l-oħra temmejna r-riflessjonijiet tagħna fuq it-tema tas-sinifikat ġust tal-purezza. Pawlu għandu f’moħħu t-tensjoni eżistenti fl-intimu tal-bniedem, appuntu ġewwa “qalbu”. Dan hawn mhuwiex biss il-ġisem (il-materja) u l-ispirtu (ir-ruħ), bħal żewġ komponenti antropoloġiċi essenzjalment differenti, li jikkostitwixxu sa mill-“bidu” l-essenza stess tal-bniedem. Però tiġi premessa dik id-dispożizzjoni ta’ qawwiet li jiffurmaw ruħhom fil-bniedem bid-dnub tan-nisel u li fihom jieħu sehem kull bniedem “storiku”. F’tali dispozizzjoni, iffirmata fl-intimu tal-bniedem, il-ġisem jopponi l-ispirtu u jirkbu (1). It-terminoloġija pawlina, bdanakollu, tfisser xi ħaġa iktar: hawn il-predominju tal-“ġisem” donnu kważi jaħbat ma’ dik li, skont it-terminoloġija ġovanneska, hija l-konkupixxenza tripla li “tiġi mid-dinja”. Il-“ġisem” fil-lingwaġġ tal-ittri ta’ San Pawl (2),jindika mhux biss il-bniedem “estern”, imma wkoll l-bniedem subjogat “internament” għad-“dinja”(3), f’ċertu sens magħluq fl-ambitu ta’ dawk il-valuri li jappartjenu biss għad-dinja u ta’ dawk il-fini li hu huwa kapaċi li jimponi lill-bniedem: għalhekk, valuri, għal-liema l-bniedem in kwantu “ġisem” huwa appuntu sensibbli. Hekk il-lingwaġġ ta’ Pawlu donnu jintrabat mal-kontenuti essenzjali ta’ Ġwanni, u l-lingwaġġ tat-tnejn jindika dak li jiġi definit minn termini varji tal-etika u tal-antropoloġija kontemporanja, bħal per eżempju: “Awtarkja umanistika”, “sekulariżmu”, jew ukoll, b’sinifikat ġenerali, “senswaliżmu”. Il-bniedem li jgħix “skont il-ġisem” huwa l-bniedem dispost biss għal dak li jiġi “mid-dinja”: huwa l-bniedem “tas-sensi”, il-bniedem tal-konkupixxenza tripla. Dan jikkonfermawh l-azzjonijiet tiegħu, kif sejrin ngħidu minn hawn u ftit ieħor.

2. Tali bniedem jgħix kważi fil-pol oppost mqabbel ma’ dak li “jrid l-Ispirtu”. L-Ispirtu ta’ Alla jrid realtà differenti minn dik mixtieqa mill-ġisem, jaspira realtà differenti minn dik li jaspira l-ġisem u dan diġa fl-intern tal-bniedem, diġa fis-sors intern tal-aspirazzjonijiet u tal-azzjonijiet tal-bniedem: “Sakemm intom ma tagħmlux dak li tridu” (Gal 5,17).

Pawlu jesprimi dan b’mod ferm iktar espliċitu, waqt li band’oħra jikteb dwar id-deni li jagħmel, għalkemm mingħajr ma jrid, u tal-impossibiltà – jew pjuttost tal-possibiltà limitata – fit-twettiq tal-ġid li “jrid” (cf. Rm 7,19). Bla ma nidħlu fil-problemi ta’ eseġesi partikolariġġata ta’ dan it-test, wieħed jistà jgħid li t-tensjoni bejn il-“ġisem” u l-“ispirtu” hija, l-ewwel, inerenti, ukoll jekk ma tirriduċix ruħha għal dan il-livell. Hija timmanifesta ruħha f’qalbu bħala “ġlieda” bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dik ix-xewqa, dwar liema jitkellem Kristu fid-Diskors tal-Muntanja (cf. Mt 5,27-28), għalkemm hija att “intern” tibqà bla dubju – skont il-lingwaġġ pawlin – manifestazzjoni tal-ħajja “skont il-ġisem”. Fl-istess ħin, dik ix-xewqa tippermetti li tosserva kif fl-intern tal-bniedem il-ħajja “skont il-Gisem” topponi lilha nfisha għall-ħajja “skont l-Ispirtu”, u kif din tal-aħħar, fl-istat attwali tal-bniedem, meta titqies l-pekkaminożità ereditarja tiegħu, hija esposta b’mod kostanti għad-debbolezza u l-insuffiċjenza ta’ tal-ewwel, għal-liema spiss iċċedi, jekk ma tiġix imqawwiha internamentbiex appuntu tagħmel dak,“li jrid l-Ispirtu”. Nistgħu niddeduċu li kliem Pawlu li jitratta dwar il-ħajja “skont il-ġisem u “skont l-Ispirtu”, huwa fl-istess ħin sintesi u programm; u hemm bżonn li nifhmuh b’dan il-mod.

3. Insibu l-istess kontrappożizzjoni tal-ħajja “skont il-ġisem” għall-ħajja “skont l-Ispirtu” fl-Ittra lir-Rumani. Ukoll hawn (bħal ma l-istess fl-ittra lill-Galatin) din titqiegħed fil-kuntest tad-duttrina pawlina dwar il-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi, jiġifieri permezz tal-qawwa ta’ Kristu nnifsu operanti fl-intimu tal-bniedem permezz tal-Ispirtu Santu. F’tali kuntest Pawlu jġib dik il-kontrappożizzjoni għall-konsegwenzi estremi tagħha meta jikteb: “Dawk… li jgħixu skont il-ġisem, jaħsbu dwar l-affarijiet tal-ġisem, għall-kuntrarju dawk li jgħixu skont l-Ispirtu, għall-affarijiet tal-Ispirtu. Imma x-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt, waqt li x-xewqat tal-ispirtu jwasslu għall-ħajja u għall-paċi. Infatti x-xewqat tal-ġisem jinsabu f’rewwixta kontra Alla, għaliex ma jissottomettux ruħhom għal-liġi tiegħu u dan ma jistgħu lanqas jagħmluh. Dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Intom, iżda, m’intomx taħt id-dominju tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, minn dak il-waqt li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd m’għandux l-Ispirtu ta’ Ktistu, dan mhuwiex tiegħu. U jekk Kristu huwa fikom, il-ġisem tagħkom huwa mejjet minħabba d-dnub, imma l-ispirtu huwa ħajja minħabba l-ġustifikazzjoni” (Rm 8,5-10).

4. Jidhru ċari l-orizzonti li Pawlu jiddeskrivi f’dan it-test: huwa jmur lira lejn il-“bidi” – jiġifieri, f’dan il-każ, għall-ewwel dnub li minnu tnisslet il-ħajja “skont il-ġisem” u li ħolqot fil-bniedem il-wirt ta’ predispożizzjoni biex jgħix unikament tali ħajja, flimkien mal-eredità tal-mewt. Fl-istess ħin Pawlu jindika r-rebħa aħħarija fuq id-dnub u l-mewt, li tagħhom huwa sinjal u taħbira minn qabel il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. “Dak li qajjem mill-imwiet lil Kristu jagħti wkoll il-ħajja lil ġisimkom mortali permezz tal-Ispirtu li jgħix fikom” (Rm 8,11). U f’din il-prospettiva eskatoloġika, San Pawl jenfasizza il-“ġustifikazzjoni fi Kristu, iddestinata diġa għall-bniedem “storiku””, għal kull bniedem tal-“bieraħ, tallum u ta’ għada” tal-istorja tad-dinja u wkoll tal-istorja tas-salvazzjoni: ġustifikazzjoni li hija essenzjali għall-bniedem intern, u li hija ddestinata appuntu għal dik il-“qalb” li għaliha alluda Kristu, waqt li tkellem dwar il-“purezza” u dwar l-“impurità” f’sens morali. Din il-“ġustifikazzjoni” għall-fidi ma tikkostitwixxix sempliċement dimensjoni tal-pjan divin tal-fidwa u tal-qdusija tal-bniedem, imma hija, skont San Pawl, qawwa awtentika li taħdem fil-bniedem u li tirrivela u tiddikjara lilha nfisha fl-azzjonijiet tiegħu.

5. Hekk hu, mill-ġdid, il-kliem tal-ittra lill-Galatin: “Mill-bqija l-opri tal-ġisem huma magħrufin sew: fornikazzjoni, impurità, libertinaġġ, idolatrija, stregonerija, inimiċizja, diskordja, ġelożija, dissensi, diviżjonijiet, fazzjonijiet, għira, sokor, orġji u affairijiet bħal dawn…” (Gal 5,19-21). “Il-frott tal-Ispirtu għall-kuntrarju huwa l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar, il-benevolenza, it-tjubija, il-fedeltà, il-manswetudni, id-dominju tiegħek innifsek…” (Gal 5,22-23). Fid-duttrina Pawlina, il-ħajja “skont il-ġisem” topponi l-ħajja “skont l-Ispirtu” mhux biss fl-intern tal-bniedem, “f’”qalbu”, imma, kif wieħed jara, issib qasam wiesà u differenzjat biex tittraduċi ruħha f’opri. Pawlu jitkellem, minn banda, dwar l-“opri” li jitnisslu mill-“ġisem” – wieħed jistà jgħid; dwar l-opri li fihom jimmanifesta ruħu l-bniedem li jgħix “skont il-ġisem” – u min-naħa l-oħra, huwa jitkellem dwar “il-frott tal-Ispirtu”, jiġifieri dwar azzjonijiet (4), dwar modi ta’ mġieba, dwar virtujiet li fihom jimmanifesta ruħu l-bniedem li jgħix “skont l-Ispirtu”. Waqt li fl-ewwel każ għandna x’naqsmu mal-bniedem abbandunat għall-konkupixxenza tripla, dwar liema Ġwanni jgħid li tiġi “mid-dinja”, fit-tieni każ ninsabu quddiem dak, li diġa l-ewwel sejjaħna l-ethos tal-Fidwa. Issa biss nistgħu niċċaraw għal kollox in-natura u l-istruttura ta’ dak l-ethos. Dan jesprimi ruħu u jitwettaq permezz ta’ dak li l-bniedem fil-“ħidma” tiegħu kollha, fl-azzjonijiet u fl-imġieba, huwa frott tad-dominju fuq il-konkupixxenza tripla: tal-ġisem, tal-għajnejn u tas-suppervja tal-ħajja (ta’ dak kollu li dwaru tistà jkun “akkużata” b’mod ġust il-qalb umana u li dwaru jistà jkun “issuspettat” kontinwament l-bniedem fl-intern tiegħu).

6. Jekk il-padronanza fl-isfera tal-ethos timmanifesta u tirrejalizza ruħha bħala “mħabba, ferħ, paċi, sabar, benevolenza, tjubija, fedeltà, manswetudni, dominju tiegħek innifsek” – bħal ma naqraw fl-ittra lill-Galatin – allura wara kull waħda minn dawn ir-realiżazzjonijiet, wara dawn l-imġibiet, dawn il-virtujiet morali hemm għażla speċifika, jiġifieri sforz  tar-rieda, frott tal-ispirtu uman iddotat mill-Ispirtu ta’ Alla, li jimmanifesta ruħu fl-għażla tat-tajjeb. Waqt li nitkellmu bil-lingwaġġ ta’ Pawlu: “L-Ispirtu għandu xewqat kuntrarji għall-ġisem” (Gal 5,17) u f’dawn ix-“xewqat” tiegħu juri ruħu iktar qawwi mill-“ġisem” u mix-xewqat iġgenerati mill-konkupixxenza tripla. F’din il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-bniedem juri ruħu iktar qawwi grazzi għall-qawwa tal-Ispirtu Santu, li  waqt li jaħdem ġo l-ispirtu uman jagħmel iva li x-xewqat tiegħu jiffjorixxu fit-tajjeb. Dawn huma mela mhux biss – u mhux wisq – “opri” tal-bniedem. Daqskemm “frott”, jiġifieri effett tal-azzjoni tal-“Ispirtu” fil-bniedem. U għalhekk Pawlu jitkellem dwar il-“frott tal-“Ispirtu””, waqt li jfisser din il-kelma b’ittra kbira.

Mingħajr ma nippenetraw fl-istrutturi tal-interjorità umana permezz tad-divrenzjar sottili fornut lilna mit-tejoloġija sistematika (speċjalment biex nibdew minn Tumas d’Aquino) nillimitaw lilna nfusna għall-espożizzjoni sintetika tad-duttrina bibblika, li tippermettilna li nifhmu, b’mod essenzjali u suffiċjenti, id-distinzjoni u l-kontrappożizzjoni tal-“ġisem” u tal-“Ispirtu”.

Osservajna li fost  il-frott tal-Ispirtu l-Appostlu jpoġġi wkoll “id-dominju tagħna nfusna.” Hemm bżonn li  dan ma ninsewhx, għaliex fir-riflessjonijiet ulterjuri tagħna nerġgħu naqbdu din it-tema biex nittrattawha b’mod iktar partikulariġġjat.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: