53. Il-ħajja skont l-ispirtu, imsejsa fil-vera libertà

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 14/01/1981.

1. San Pawl jikteb fl-Ittra lill-Galatin: “Infatti, intom, ħuti, imsejħin għal-libertà. Sakemm din il-libertà ma ssirx skuża biex tgħixu skont il-ġisem, imma permezz tal-karità tkunu ta’ servizz lil xulxin. Il-liġi kollha, infatti, ssib il-milja tagħha fi preċett wieħed: tħobb il-proxxmu bħalek innifsek” (Gal 5,13-14).

Diġa ġimgħa ilu waqafna fuq din l-espressjoni, b’konnessjoni mal-argument ewlieni tar-riflessjonijiet tagħna.

Għalkemm il-pass ikkwotat jirreferi qabel xejn għat-tema tal-ġustifikazzjoni, madankollu, l-Appostlu hawn b’mod espliċitu jipprova jfiehem id-dimensjoni etika tal-kuntrast “ġisem-spirtu”, jiġifieri bejn il-ħajja skont il-ġisem u l-ħajja skont l-Ispirtu. Anzi, propju hawn huwa jmiss il-punt essenzjali, waqt li jiżvela kważi l-istess għeruq antropoloġiċi tal-ethos evanġeliku. Jekk, infatti, “il-Liġi kollha” (liġi morali tat-Testment il-Qadim) “issib il-milja tagħha” fil-kmandament tal-karità, id-dimensjoni tal-ethos evanġeliku l-ġdid mhu xejn iktar minn appell indirizzat għal-libertà umana, appell għall-attwazzjoni sħiħa tagħha u, f’ċertu sens, għall-“utiliżazzjoni” sħiħa tal-potenzjalità tal-ispirtu uman.

2. Jistà jidher li Pawlu jikkuntrasta biss il-libertà għal-Liġi u il-Liġi għal-libertà. Madankollu analiżi profonda tat-test turi li Pawlu fl-Ittra lill-Galatim, jenfasizza qabel kollox is-subordinazzjoni etika tal-libertà għal dak l-element li fih titwettaq il-Liġi kollha, biex inkunu preċiżi għall-imħabba, li hija l-kontenut tal-kbir kmandament tal-Vanġelu. “Kristu ħelisna sabiex nibqgħu ħielsa”, propju fis-sens li Hu immanifestalna s-subordinazzjoni etika (u tejoloġika) tal-libertà għall-karità u li rabat il-libertà mal-kmandament tal-imħabba, Hekk  nifhmu li l-vokazzjoni għal-libertà (“Intom,… ħuti, ġejtu msejħa għal-libertà” (Gal 5,13) tfisser  jieħu forma l-ethos, li fih tieħu forma l-ħajja “skont l-Ispirtu”. Infatti, jeżisti wkoll il-periklu li nifhmu l-libertà b’mod żbaljat, u Pawlu jesponiha b’ċarezza, billi fl-istess kuntest jikteb: “Sakemm din il-libertà ma ssirx pretest biex tgħix skont il-ġisem, imma, permezz tal-karità, tkunu għas-servizz ta’ xulxin”  (Gal 5,13).

3.Fi kliem ieħor: Pawlu jwissina bil-possibiltà li nagħmlu użu ħażin mil-libertà, użu li jikkuntrasta mal-liberazzjoni tal-ispirtu uman imwettqa minn Kristu u li tikkontradixxi dik il-libertà li biha  “Kristu ħelisna”. Infatti, Kristu wettaq u mmanifesta l-libertà li ssib il-milja taghha fil-karità, il-libertà grazzi għal-liema aħna “għas-servizz ta’ xulxin”; fi kliem ieħor: il-libertà li ssir sors ta’ “opri” ġodda u ta’ “ħajja” skont l-Ispirtu.  L-antitesi u, f’ċertu mod, in-negazzjoni ta’ tali użu tal-libertà jseħħ meta hi ssir għall-bniedem “pretest biex jgħix skont il-ġisem”. Il-libertà allura ssir sors ta’ “opri” u ta’ “ħajja” skont il-ġisem. Ma tibqax tkun il-libertà awtentika, li għaliha “Kristu ħelisna” u ssir “pretest biex ngħixu skont il-ġisem”, sors (jew inkella strument) ta’ “piż” speċifiku min-naħa tas-suppervja tal-ħajja, tal-konkupixxenza tal-għajnejn, u tal-konkupixxenza tal-Gisem. Min b’dan il-mod jgħix “skont il-ġisem”, jiġifieri jissuġġetta ruħu – għalkemm b’mod mhux għal kollox kuxjenti, imma xejn inqas effettiv – għall-konkupixxenza tripla, u b’mod partikulari għall-konkupixxenza tal-ġisem, ma jibqax ikun kapaċi ta’ dik il-libertà li għaliha “Kristu ħelisna”; ma jibqax ukoll ikun idoneju għall-veru rigal tiegħu nnifsu, li huwa frott u espressjoni ta’ tali libertà. Barra minn hekk ma jibqax ikun kapaċi ta’ dak ir-rigal, li b’mod organiku huwa marbut mas-sinifikat sponsali tal-ġisem uman, li dwaru tkellimna fl-analiżi preċedenti tal-Ktieb tal-Ġenesi  (cf. Ġen 2,23-25)

4. F’dan il-mod, id-duttrina pawlina dwar il-purezza, duttrina li fiha nsibu l-eku fidil u awtentiku tad-Diskors tal-Muntanja,  tippermettilna li naraw il-“purezza tal-qalb” evanġelika u kristjana, fi prospettiva iktar wiesà u speċjalment tippermettilna li ngħaqqduha mal-karità li fiha il-“liġi” kollha “ssib il-milja tagħha”. Pawlu, b’mod analogu għal Kristu, jagħraf sinifikat doppju tal-“purezza” u tal-“impurità”: sens ġeneriku u ieħor speċifiku. Fl-ewwel każ huwa “pur” dak kollu li huwa moralment tajjeb, “impur” mill-banda l-oħra dak li huwa moralment ħażin. Dan jikkonfermah b’ċarezza il-kliem ta’ Kristu skont Mattew 15, 18-20, ikkwotati qabel. Fl-espressjonijiet ta’ Pawlu dwar l-“opri tal-ġisem” li huwa jikkuntrasta għall-frott tal-Ispirtu”, insibu l-bażi għal mod analagu ta’ fehim ta’ din il-problema. Fost l-“opri tal-ġisem” Pawlu jippożizzjona dak li huwa moralment ħażin, waqt li kull tajjeb morali jiġi marbut mal-ħajja  “skont l-Ispirtu”. Hekk waħda mill-manifestazzjonijiet tal-ħajja “skont l-Ispirtu” hija l-imġieba konformi ma’ dik il-virtù, li Pawlu, fl-Ittra lill-Galatin, donnu jiddefenixxi b’mod pjuttost indirett, imma li dwarha jitkellem b’mod dirett fl-ewwel Ittra lit-Tessalonkin.

5. fis-siltiet mill-Ittra lill-Galatin, li diġa ssottomettejna qabel għall-analiżi dettaljata, l-Appostlu jelenka fl-ewwel post fost l-“opri tal-ġisem”; il-fornikazzjoni, l-impirità, il-libertinaġġ”; madankollu wara, meta għal dawn l-opri jikkuntrasta il-“frott tal-Ispirtu”, ma jitkellimx b’mod dirett dwar il-“purezza”, imma jinnomina biss id-“dominju tagħna nfusna”, l-enkráteia. Dan id-“dominju” jistà jingħaraf bħala virtù li tiirrigwarda l-kontinenza fl-ambitu tax-xewqat kollha tas-sensi, speċjalment fl-isfera sesswali; huwa għalhekk f’kuntrast mal-“fornikazzjoni, l-impurità u l-libertinaġġ”, u wkoll mas-“sokor”, mal-“orġji”. Għalhekk wieħed jistà jammetti li l-pawlin “dominju tagħna nfusna” fih dak li jiġi espress fit-terminu “kontenenza” jew “temperanza”, li tikkorrispondi mat-terminu Latin temperantia. F’tali każ insibu ruħna quddiem il-magħrufa sistema tal-virtù, li t-tejoloġija mwaħħra, speċjalment dik skolastika, tissellef, f’ċertu sens, mill-etika ta’ Aristotile. Bdanakollu, Pawlu, bla dubju ma jisserviex, fit-test tiegħu, b’din is-sistema. Meqjus li b’”purezza” wieħed irid ifisser l-mod ġust kif tittratta l-isfera sesswali skont l-istat personali (u mhux neċessarjament astinenza assoluta tal-ħajja sesswali), allura bla ebda dubju ta’ xejn tali “purezza” hija nkluża fil-kunċett pawlin ta’ “dominju” jew enkráteia. Għalhekk fl-ambitu tat-test pawlin insibu biss aċċenn ġeneriku u indirett tal-purezza, di tant in tant għal tali “opri tal-ġisem”, bħall-“fornikazzjoni, l-impurità, il-libertinaġġ”, l-awtur jikkuntrasta l-“frott tal-Ispirtu”, jiġifieri opri ġodda, li fihom timmanifesta ruħha “l-ħajja skont l-Ispirtu”. Nistgħu niddeduċu li waħda minn dawn l-opri ġodda hija propju il-“purezza”: dik, jiġifieri, li tikkuntrasta lill-“impurità”u wkoll lill-“fornikazzjoni” u lil-“libertinaġġ”.

6. Imma diġa fl-ewwel-Ittra lit-Tessalonkim, Pawlu jikteb dwar dan l-argument b’mod espliċitu u inekwivoku. Hemm naqraw: “Din hija r-rieda ta’ Alla, il-qdusija tagħkom: li tastjenu mill-wiċċ sfiq, li kull wieħed ikun jaf iżomm ġismu. Mingħajrr ma nidħlu fid-diskussjoni partikulareġġjata tal-kommentaturi, madanakollu hemm bżonn nissenjalaw li l-espressjoni Griega tò heautoû skeûos tistà tirreferi wkoll għall-mara  (cf. 1Pt 3,7)] bi qdusija u rispett, mhux bħala oġġett ta’ passjoni u pjaċir, bħall-pagani li ma jafux lil Alla” (1Ts 4,3-5). U mbagħad: “Alla ma sejħilniex għall-impurità, imma għall-qdusija. Għalhekk min jiddisprezza dawn in-normi ma jiddisprezzax bniedem, imma lil Alla nnifsu li jagħtina l-Ispirtu Santu tiegħu” (1Ts 4,7-8). Għalhekk ukoll f’dan it-test għandna x’naqsmu mas-sinifikat ġeneriku tal-“purezza”, identifikata f’dan il-każ mal-“qdusija” (in kwantu li jsemmi l-“impurità” bħala l-antitesi tal-“qdusija”), xejn inqas il-kuntest kollu jindika b’mod ċar  dwar liema “purezza” u liema “impurità” għandha x’taqsam, jiġifieri fiex tikkonsisti dik li Pawlu jsejħilha “impurità, u b’liema mod il-“purezza” tikkontribwixxi għall-“qdusija” tal-bniedem

U għalhekk, fir-riflessjonijiet suċċessivi, ikun tajjeb li nerġgħu naqbdu t-test tal-ewwel ittra lit-Tessalonkin li għadna kemm ikkwotajna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: