55. Deskrizzjoni Pawlina tal-ġisem u duttrina dwar il-purezza

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 04/02/1981.

1. Fil-konsiderazzjonijiet tagħna tal-Erbgħa li għaddew dwar il-purezza skont it-tagħlim ta’ San Pawl, ġbidna l-attenzjoni fuq it-test tal-ewwel Ittra lill-Korintin.

L-Appostlu jippreżenta l-Knisja bħala l-Ġisem ta’ Kristu, u dan joffrilna l-opportunità li nagħmlu r-raġunament li ġej dwar il-ġisem uman: “… Alla ddispona l-membri b’mod distint fil-ġisem, kif ried hu… Anzi dawk il-membri tal-ġisem li jidhru iktar dgħajfa huma iktar meħtieġa; u dawk il-partijiet tal-ġisem li aħna nqisu inqas onorevoli indawruhom b’iktar rispett, u dawk indekorużi huma ttrattati b’diċenza ikbar, waqt li dawk diċenti dan ma għandhomx bżonnu. Imma Alla kkompona l-ġisen, waqt li sawwab unur ikbar għal dak li kien nieqes minnu, sabiex ma jkunx hemm nuqqas ta’ għaqda fil-ġisem, imma anzi l-membri differenti jkollhom kura ta’ xulxin” (1Kor 12,18.22-25).

2. Id-“deskrizzjoni” pawlina tal-ġisem uman tikkorrispondi mar-realtà li tikkostitwih: hija mela deskrizzjoni “rejalistika”. Fir-rejaliżmu ta’ tali deskrizzjoni jiġi ntreċcjat, fl-istess ħin, fil tassew irqiq ta’ valutazzjoni li ttih valur profondament evanġeliku, kristjan. Tassew huwa possibbli “tiddeskrivi” l-ġisem uman bl-oġġettività propja tax-xjenzi naturali; imma din id-deskrizzjoni hekk magħmula – bil-preċiżjoni kollha tagħha – ma tistax tkun adegwata (jiġifieri proporzjonata mas-suġgett tagħha), minħabba li hawn mhux involut biss il-ġisem (mifhum bħala organiżmu, fis-sens “somatiku”), imma tal-bniedem li jesprimi lilu nnifsu permezz ta’ dak il-ġisem u f’tali sens huwa, jkolli ngħid, dak il-ġisem.Hekk, mela dak il-fil ta’ valutazzjoni, meqjus li jittratta lill-bniedem bħala persuna, huwa ndispensabbli fid-deskrizzjoni tal-ġisem uman. Barra minn hekk ta’ min jgħid kemm hija ġusta tali valutazzjoni. Dan huwa wieħed mid-dmirijiet u mit-temi perenni tal-kultura kollha: tal-letteratura, skultura, pittura u wkoll taż-żfin, tal-opri tejatrali u fl-aħhar tal-kultura tal-ħajja ta’ kuljum, privata u soċjali. Argument li jkun tajjeb li jiġi trattat b’mod separat.

3. Id-Deskrizzjoni pawlina tal- ewwel Ittra lill-Korintin (1Kor 12,18-25) bla ebda dubju m’għandhiex sinifikat “xjentifiku”: ma tippreżentax studju bijoloġiku dwar l-organiżmu uman jew inkella dwar is-“somatika” umana; minn dan il-punt di vista hija sempliċi deskrizzjoni “prixjentifika”, x’aktarx konċiża, magħmula minn ftit sentenzi. Hija għandha l-karatteristiċi kollha tar-rejaliżmu komuni u hija bla ebda dubju, suffiċjentement “rejalistika”. Madankollu, dak li jiddeċiedi il-karattru speċifiku tagħha, dak li b’mod partikolari jiġgustifika il-presenza tagħha fl-Iskrittura Mqaddsa, hija appuntu dik il-valutazzjoni ntreċċjata fid-deskrizzjoni u espressa fl-istess nisġa tagħha “narrattiva-rejalistika”. Wieħed jistà jgħid b’ċertezza li tali deskrizzjoni ma kinitx tkun possibbli mingħajr il-verità kollha tal-ħolqien u wkoll mingħajr il-verità kollha tal-“fidwa tal-ġisem”, li Pawlu jipprofessa u jipproklama. Wieħed jistà wkoll jenfasizza li d-deskrizzjoni pawlina tal-ġisem tikkorrispondi propju mal-atteġġjament spiritwali ta’ “rispett” lejn il-ġisem uman, dovut għal mottiv tal-“qdusija” (cf. 1Ts 4,3-5.7-8) li  hija riżultat tal-misteri tal-ħolqien u tal-fidwa. Id-deskrizzjoni pawlina hija ugwalment ‘il bogħod kemm mid-disprezz manikew tal-ġisem, kif ukoll mill-manifestazzjonijiet differenti tal-“kult tal-ġisem” naturalistiku.

4. L-Awtur tal-ewwel Ittra lill-Korintin (1Kor 12,18-25) għandu quddiem għajnejh il-ġisem uman fil-verità kollha tiegħu; mela, il-ġisem iddotat qabel xejn (jekk hekk wieħed jistà jesprimihulna) mir-rejaltà kollha tal-persuna u mid-dinjità tagħha. Huwa huwa fl-istess ħin, il-ġisem tal-bniedem “storiku”, maskju u femmina, jiġifieri ta’ dak il-bniedem li, wara d-dnub, kien ikkonċeput, biex ngħidu hekk, ġo u mir-realtà tal-bniedem li kien għadda mill-esperjenza tal-innoċenza oriġinarja. Fl-espressjonijiet ta’ Pawlu dwar il-“membri ndekorużi” tal-ġisem uman, kif ukoll dwar dawk li “jidhru l-iktar dgħajfa” jew inkella dawk “li nqisu inqas onorevoli”, donna li nsibu mill-ġdid ix-xhieda tal-istess mistħija li l-ewwel esseri umani, maskju u femmina, kienu sperimentaw wara d-dnub tan-nisel. Din il-mistħija stampat ruħha fihom u fil-ġenerazzjonijiet kollha tal-bniedem “storiku” bħala frott tal-konkupixxenza tripla (b’riferenza partikolari għall-konkupixxenza tal-Gisem). U fl-istess ħin f’din il-mistħija – kif diġa enfasizzajna fl-analiżi preċedenti – stampa ruħu ċertu “eku” tal-istess innoċenza oriġinarja tal-bniedem: kważi “negattiva” tax-xbiha, li l-“pożittiva” tagħha kienet appuntu l-innoċenza oriġinarja.

5. Id-“deskrizzjoni” pawlina tal-ġisem uman donnha tikkonferma b’mod perfett l-analiżi tagħna ta’ qabel. Hemm, fil-ġisem uman, il-“membri ndekorużi” mhux minħabba n-natura “somatika” tagħhom (ġaladarba deskrizzjoni xjentifika u fisjoloġika tittratta l-membri u l-organi kollha tal-ġisem uman b’mod “newtrali”, bl-istess oġġettività), imma biss u b’mod esklussiv għaliex fil-bniedem stess teżisti dik il-mistħija li tipperċepixxi xi membri tal-ġisem bhala “indekorużi” u twassal biex tikkunsidrahom bħala tali. L-istess mistħija donnha, fl-istess ħin, tkun fil-bażi ta’ dak li jikteb l-Appostlu fl-ewwel Ittra lill-Korintin: “Dawk il-partijiet tal-ġisem li aħna nqisu inqas onorevoli, indawruhom b’rispett ikbar u dawk indekorużi jiġu ttrattati b’diċenza ikbar” (1Kor 12,23). Hekk, mela, wieħed jistà jgħid li mill-mistħija jitnissel appuntu ir-“rispett” għall-propju ġisem: rispett, li l-manteniment tiegħu Pawlu jħeġgeġ fl-ewwel Ittra lit-Tessalonkin (1Ts 4,4). Appuntu  tali manteniment tal-ġisem “bi qdusija u rispett” huwa kkunsidrat bħala essenzjali għall-virtù tal-purezza.

6. Waqt li nerġgħu lura mill-ġdid għad-“deskrizzjoni” pawlina tal-ġisem fl-ewwel Ittra lill-Korintin (1Cor 12,18-25), irridu niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Awtur tal-Ittra, dak l-isforz partikulari li jfittex li jirrispetta l-ġisem uman u speċjalment il-membri l-iktar “dgħajfa” jew “indekorużi”, jikkorrispondi mad-disinn oriġinali tal-Ħallieq jew aħjar ma’ dik il-viżjoni, li dwarha jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi: “Alla ra dak li kien għamel, u hekk hu, kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen 1,31). Pawlu jikteb: “Alla fforma l-ġisem, waqt li ta onur ikbar lil dak li kien nieqes, sabiex ma jkunx hemm diżunjoni fil-ġisem, imma anzi l-membri differenti jieħdu ħsieb xulxin” (1Kor 12,24-25). Id-“diżunjoni tal-ġisem”, ir-riżultat ta’ liema huwa li xi membri huma meqjusa “iktar dgħajfa”, “inqas onorevoli”, mela allura “indekorużi”, hija espressjoni ulterjuri tal-viżjoni tal-istat interjuri tal-bniedem wara d-dnub oriġinali, jiġifieri tal-bniedem “storiku”. Il-bniedem tal-innoċenza oriġinarja, maskju u femmina, li dwaru naqraw f’Ġenesi 2, 25 li “kienu mneżżà… imma li ma kinux iħossu mistħija”, linqas ma kienu jħossu dik id-“diżunjoni fil-ġisem”. Għall-armonija oġġettiva, li biha l-Ħallieq żejjen il-ġisem u li Pawlu ppreċiża bħala kura reċiproka tal-membri varji (1Kor 12,25), tikkorrispondi armonija analoga fl-intimu tal-bniedem: l-armonija tal-“qalb”. Din l-asmonija,  jew aħjar preċiżament il-“purezza tal-qalb”, kienet tippermetti lir-raġel u lill-mara fl-istat tal-innoċenza oriġinarja li jisperimentaw b’mod sempliċi (u b’mod li oriġinarjament kien jirrendihom kuntenti t-tnejn) il-qawwa unitiva tal-ġisem tagħhom, li kienet, biex ngħidu hekk, is-substrat “insuspettibli” tal-għaqda personali tagħhom jew “communio personarum”.

7. Kif wieħed jara, l-Appostlu fl-ewwel Ittra lill-Korintin (cf. 1Cor 12,18-25) jorbot id-deskrizzjoni tiegħu tal-ġisem uman mal-istat tal-bniedem “storiku”. Fuq l-għatba tal-istorja ta’ dan il-bniedem tinsab l-esperjenza tal-mistħija mwettqa bid-“diżunjoni tal-ġisem”, bis-sens ta’ pudur għal dak il-ġisem (u partikularment għal dawk il-membri li somatikament jiddeterminaw il-maskulinità u l-femminilità). Bdanakollu, fl-istess “deskrizzjoni”, Pawlu jindika wkoll it-triq li (appuntu fuq il-bażi tas-sens tal-mistħija) twassal għall-bidla ta’ tali stat sar-rebħa gradwali fuq dik id-“diżunjoni fil-ġisem”, rebħa li tistà u li għandha tattwa ruħha fil-qalb tal-bniedem. Din hija appuntu t-triq tal-purezza, jew aħjar taż-“żamma tal-ġisem propju bi qdusija u rispett”. Għar-“rispett”, li dwaru tittratta l-ewwel Ittra lit-Tessalonkin (cf. 1Kor 12,18-25) waqt li tuża diversi espressjonijiet ekwivalenti, meta titkellem dwar ir-“rispett” jew aħjar dwar l-istima lejn il-membri “inqas onorevoli”, “iktar dgħajfa” tal-ġisem, u meta tirrakkomanda “diċenza” ikbar fir-rigward ta’ dak li fil-bniedem huwa meqjus bħala “indekoruż”. Dawn  l-espressjonijiet jikkaratterizzaw iktar mill-qrib dak ir-“rispett” speċjalment fl-ambitu tar-rapporti u mġieba umani fil-konfront tal-ġisem: liema huwa mportanti kemm fir-rigward tal-ġisem “propju”, kif ukoll b’mod evidenti  fir-rapporti reċiproċi (b’mod speċjali bejn ir-raġel u l-mara, għalkemm mhux limitatament għalihom).

Ma għandna inqas l-iċken dubju li d-“deskrizzjoni” tal-ġisem uman fl-ewwel Ittra lill-Korintin għandha sinifikat fondamentali għat-totalità tad-duttrina pawlina dwar il-purezza.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >