56. Il-virtù tal-purezza tattwa l-ħajja skont l-ispirtu.

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 11/02/1981.

1. Matul l-aħħar laqgħat tagħna ta’ nhar t’Erbgħa analizzajna żewġ passi meħudin mill-ewwel Ittra lit-Tessalonkin (1Ts 4,3-5) u mill-ewwel Ittra lill-Korintin (1Kor 12,18-25), sabiex nuru dak li jidher li hu essenzjali fid-duttrina ta’ San Pawl dwar il-purezza, mifhuma f’sens morali, jew aħjar bħala virtù.

Jekk fit-test ikkwotat mill-ewwel Ittra lit-Tessalonkin wieħed jistà jgħid li l-purezza tikkonsisti fit-temperanza, madankollu f’dan it-test, kif ukoll fl-ewwel Ittra lill-Korintin, huwa enfasizzat il-mument tar-“rispett”. Permezz ta’ tali rispett dovut lill-ġisem uman (u nżidu li, skont l-ewwel Ittra lill-Korintin, ir-rispett huwa appuntu muri f’relazzjoni mal-komponent tiegħu ta’ pudur), il-purezza, bħala virtù kristjana, tirrivela ruħha fl-Ittri pawlini triq effikaċi biex tinqatà minn dak li fil-qalb umana huwa frott tal-konkupixxenza tal-ġisem. L-astensjoni “mill-pjaċir”, li timplika l-manteniment tal-ġisem “bi qdusija u rispett”, jippermetti li niddeduċu li, skont id-duttrina tal-Appostlu, il-purezza hija “ħila” iċċentrata fuq id-dinjità tal-ġisem, jiġifieri fuq id-dinjità tal-persuna f’relazzjoni mal-propju ġisem, mal-femminilità jew il-maskulinità li f’dan il-ġisem jimmanifestaw ruħhom. Il-purezza, mifhuma bħala “ħila”, hija appuntu espressjoni u frott tal-ħajja “skont l-Ispirtu” fis-sinifikat sħiħ tal-espressjoni, jiġifieri bħala ħila ġdida tal-esseri uman, li fiha jġib il-frott id-don tal-Ispirtu Santu. Dawn iż-żewġ dimensjonijiet tal-purezza – id-dimensjoni morali, jew aħjar il-virtù, u d-dimensjoni kariżmatika, jew aħjar id-don tal-Ispirtu Santu – huma preżenti u strettament marbutin fil-messaġġ ta’ Pawlu. Dan jiġi enfazizzat b’mod partikulari mill-Appostlu fl-ewwel Ittra lill-Korintin, li fiha huwa jsejjaħ il-ġisem “tempju” (mela: għamara u santwarju) tal-Ispirtu Santu”.

2. “Jew ma tafux li ġisimkom huwa tempju tal-Ispirtu Santu li huwa fikom u li għandkom mingħand Alla u li ma tappartjenux għalikom infuskom?” – jistaqsi Pawlu lill-Korintin (IKor 6,19), wara li jkun l-ewwel għallimhom b’severità kbira dwar l-esiġenzi morali tal-purezza. “Aħarbu l-prostituzzjoni! Kwalunkwè dnub li l-bniedem jagħmel huwa barra minn ġismu (1Kor 6,8) imma min itiha għall-pjaċir, jidneb kontra ġismu stess”. In-nota stramba li l-Appostlu hawn jistigmatizza tinsab fil-fatt li tali dnub, differenti mill-oħrajn kollha, huwa “kontra l-ġisem” (waqt li d-dnubiet l-oħra huma “barra mil-ġisem”). Hekk, mela, fit-terminoloġija pawlina nsibu l-motivazzjoni għall-espressjonijiet : “id-dnubiet tal-ġisem” jew “id-dnubiet karnali”. Dnubiet li huma kontrarji appuntu għal dik il-virtù, li bis-saħha tagħha l-bniedem iżomm “il-propju ġisem bi qdusija u rispett” (cf. 1Ts 4,3-5).

3. Tali dnubiet iġibu magħhom il-“profanazzjoni tal-ġisem: jipprivaw lill-mara jew lur-raġel mir-rispett lejh dovut minħabba id-dinjità tal-persuna. Madankollu, l-Appostlu imur ‘il bogħod iktar minn hekk: skont hu id-dnub kontra l-ġisem huwa saħansitra “profanazzjoni tat-tempju”. Dwar id-dinjità tal-ġisem uman, fl-għajnejn ta’ Pawlu, jiddeċiedi mhux biss l-ispirtu uman, grazzi għal-liema jikkostitwixxi ruħu bħala suġġett personali, imma ferm iktar ir-realtà soprannaturali li l-għamara u l-preżenza kontinwa tal-Ispirtu Santu fil-bniedem – f’ruħu u f’ġismu – bħala frott tal-fidwa mwettqa minn Kristu. Minn dan joħroġ li l-“ġisem” tal-bniedem issa mhuwiex iktar “propju” biss. U mhux biss minħabba l-mottiv li huwa ġisem ta’ persuna, huwa jixraqlu rispett, huwa jimmerita dak ir-rispett, li l-manifestazzjoni tiegħu fl-imġieba reċiproka tal-bnedmin, maski u femmini, tikkostitwixxi il-virtù tal-purezza. Meta l-Appostlu jikteb “Ġisimkom huwa tempju tal-Ispirtu li jinsab fikom u li għandkom mingħand Alla” (1Kor 6,19), irid jindika wkoll sors ieħor tad-dinjità tal-ġisem, appuntu l-Ispirtu Santu, li huwa wkoll sors tad-dmir morali li joħroġ minn tali dinjità.

4. Hija r-realtà tal-fidwa, li hija wkoll “fidwa tal-ġisem”, li tikkostitwixxi dan is-sors. Għal Pawlu, dan il-misteru tal-fidi huwa realtà ħajja, orjentata b’mod dirett lil kull bniedem. Permezz tal-fidwa, kull bniedem irċieva mingħand Alla kważi mill-ġdid lilu nnifsu u l-propju ġisem. Kristu kiteb fil-ġisem uman – fil-ġisem ta’ kull raġel u ta’ kull mara – dinjità ġdida, meta jitqies li fih stess il-ġisem uman ġie ammess, flimkien mar-ruħ, għall-għaqda mal-Persuna tal-Iben-Verb. B’din id-dinjità ġdida, permezz tal-“fidwa tal-ġisem” tnissel fl-istess ħin obbligu ġdid, li dwaru Pawlu jikteb b’mod konċiż, imma kemm tokkanti: “Kontu mixtrija bi prezz għoli” (1Kor 6,20). Il-frott tal-fidwa huwa nfatti l-Ispirtu Santu, li jabita fil-bniedem u f’ġismu bħal f’tempju. F’dan id-Don, li jqaddes kull bniedem, in-nisrani rċieva mill-ġdid lilu nnifsu f’don mingħand Alla. U dan id-don ġdid doppju jobbliga. L-Appostlu jagħmel referenza għal din id-dimensjoni tal-obbligu meta jikteb lill-kredenti, li kienu jafu dwar id-don, biex jikkonvinċihom li ma kellhomx jikkommettu l-“pjaċir”, ma kellhomx “jidinbu kontru il-propju ġisimhom”  (1Kor 6,18). Huwa jikteb: “Il-ġisem… mhuwiex għall-pjaċir, imma għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem”(1Kor 6,13). Huwa diffiċli tesprimi b’mod iktar konċiż Dak li jġib miegħu għal kull kredent il-misteru tal-Inkarnazzjoni. Il-fatt li l-ġisem uman isir f’Ġesù Kristu ġisem ta’ Alla-Bniedem jikseb minħabba tali mottiv, f’kull bniedem, elevazzjoni ġdida soprannaturali, li tagħha kull nisrani għandu jżomm kont fl-imġieba tiegħu lejn il-“propju” ġisem u, evidentement fir-rigward tal-ġisem tal-oħrajn, ir-raġel lejn il-mara u l-mara lejn ir-raġel. Il-fidwa tal-ġisem tinvolvi l-istituzzjoni fi Kristu u għal Kristu b’miżura tal-qdusija tal-ġisem ġdida. Propju għal din il-“qdusija” jagħmel sejħa Pawlu fl-ewwel Ittra lit-Tessalonkin (1Ts 4,3-5), meta jikteb biex “nieħdu ħsieb ġisimna bi qdusija u rispett”.

5. Fil-kapitolu 6 tal-ewwel Ittra lill-Korintin, Pawlu jippreċiża minflok il-verità dwar il-qdusija tal-ġisem, waqt li jistigmatizza bi kliem saħansitra drastiċi l-“pjaċir”, jiġifieri d-dnub kontra l-qdusija tal-ġisem, id-dnub tal-impurità: “Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Naqbad mela l-membri ta’ Kristu u nagħmilhom membri ta’ prostituta? Dan ma jkun qatt! Jew ma tafux intom li kull min jingħaqad ma prostituta jifforma magħha ġisem wieħed? It-tnejn ikunu, huwa migħud, ġisem wieħed. Imma min jingħaqad mal-Mulej jifforma miegħu spirtu wieħed” (1Kor 6,15-17). Jekk il-purezza hija, skont it-tagħlim pawlin, aspett tal-“ħajja skont l-Ispirtu”, dan irid ifisser li jiffruttifika fiha il-misteru tal-fidwa tal-ġisem bħala parti mill-misteru ta’ Kristu, mibdi fl-Inkarnazzjoni u diġa permezz tagħha ndirizzat lil kull bniedem. Dan il-misteru jiffruttifika wkoll fil-purezza, mifhuma bħala impenn partikolari mibni fuq l-etika. Il-fatt li konna “mixtrija bi prezz għoli” (1Kr 6,20), jiġifieri bi prezz tal-fidwa ta’ Kristu, iwassal għal impenn speċjali, jew aħjar id-dmir li “nżommu ġisimna bi qdusija u rispett”. L-għarfien tal-fidwa tal-ġisem jopera fir-rieda umana a favur tal-astensjoni tal-“pjaċir”, anzi, jaġixxi għall-iskop li nakkwistaw ħila jew kapaċità, msejħa virtù tal-purezza.

Dan li jirriżulta mill-kliem tal-ewwel Ittra lill-Korintin (1Kor 6,15-17) dwar it-tagħlim ta’ Pawlu fuq il-virtù nisranija tal-purezza bħala attwazzjoni tal-ħajja “skont l-Ispirtu”, huwa ta profondità partikolari u għandu l-qawwa tar-realiżmu soprannaturali tal-fidi. Huwa meħtieġ li nerġgħu lura biex nirriflettu dwar din it-tema iktar minn darba waħda.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >