58. Il-funzjoni pożittiva tal-purezza tal-qalb

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 01/04/1981.

1. Qabel ma nagħlqu ċ-ċiklu ta’ konsiderazzjonijiet rigward il-kliem ippronunzjat minn Ġesù Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, hemm bżonn niftakru dan il-kliem għal darb’oħra u sommarjament naqbdu mill-ġdid il-fil tal-ideat, ta’ liema huwa jikkostitwixxi l-bażi.

Hekk hu l-kontenut tal-kliem ta’ Ġesù: “Fhimtu dak li ntqal: La tikkommettix adulterju; imma jiena ngħidilkom: Kulmin iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa kkummetta adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5, 27-28) Dawn huma kelmiet sintetiċi, li jesiġu riflessjoni approfondita, b’mod analogu għall-kelmiet, li fih Kristu irrifera għall-“bidu”. Lill-Fariżej, li – waqt li rreferew għal-liġi ta’ Mosè li kienet tammetti l-hekk imsejjaħ att ta’ ripudju – kienu staqsewh: “Huwa leċitu għal raġel li jibgħat lil martu għal kwalunkwè raġuni?”, huwa weġibhom “Ma qrajtux li l-Ħallieq sa mill-“bidu” ħalaqhom maskju u femmina?… Minħabba dan ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed… Dak mela li għaqqad Alla, ma jifirdux il-bniedem” (Mt 19, 3-6). Ukoll dan il-kliem talab riflessjoni approfondita, biex nisiltu minnu l-għana kollha miġbura fih. Riflessjoni ta’ dan it-tip ippermettithilna li nanalizzaw it-tejoloġija awtentika tal-ġisem.

2. Waqt li segwejna r-referenza magħmula minn Kristu għall-“bidu”, iddedikajna serje ta’ riflessjonijiet dwar it-testi relattivi għall-Ktieb tal-Ġenesi, li appuntu jittrattaw dwar dak il-“bidu”. Mill-analiżi magħmula ħarġet mhux biss l-immaġni tas-sitwazzjoni tal-bniedem – maskju u femmina – fl-istat tal-innoċenza oriġinarja, imma wkoll il-bażi tejoloġika tal-verità tal-bniedem u dwar il-vokazzjoni partikulari li tiġi mill-misteru etern tal-persuna: xbiha ta’ Alla, inkarnata fil-fatt viżibbli u korporeju tal-maskulinità jew femminilità tal-persuna umana. Din il-verità tinsab fil-bażi tat-tweġiba mogħtiha minn Kristu in konnessjoni mal-karattru taż-żwieġ, u b’mod partikulari għall-indissolubiltà tiegħu. Din hija verità dwar il-bniedem, verità li tgħaddas l-għeruq tagħha fl-istat tal-innoċenza oriġinarja, verità li mela hemm bżonn nifhmuha fil-kuntest ta’ dik is-sitwazzjoni ta’ qabel id-dnub, hekk kif ippruvajna nagħmlu fiċ-ċiklu preċedenti tar-riflessjonijiet tagħna.

3. Fl-istess ħin, madankollu, hemm bżonn li nikkunsidraw, nifhmu u ninterpretaw l-istess verità fundamentali dwar il-bniedem l-esseri maskju u femminu tiegħu, fil-priżma ta’ sitwazzjoni oħra: jiġifieri, ta’ dik li iffurmat ruħha permezz tal-ksur tal-ewwel allejanza mal-Ħallieq, jew aħjar permezz tad-dnub oriġinali. Ikun aħjar li naraw tali verità dwar il-bniedem – maskju u femmina – fil-kuntest tal-pekkaminożità ereditarja tiegħu. U huwa propju hawn li niltaqgħu mal-espressjoni ta’ Kristu fid-Diskors tal-Muntanja. Hija ħaġa ovvja li fl-Iskrittura Mqaddsa tal-Allejanza l-Antika u l-Ġdida hemm bosta rakkonti, sentenzi u kliem li jikkonfermaw l-istess verità, jiġifieri, li l-bniedem “storiku” iġorr fih l-eredità tad-dnub oriġinali: xejn inqas, il-kliem ta’ Kristu, ippronunzjat fid-Diskors tal-Muntanja, donnu għandu – bl-espressjoni konċiża kollha tiegħu – elokwenza partikolarment densa. Dan juruh l-analiżi magħmula qabel li gradwalment żvelaw dak li hemm miġbur f’dak il-kliem. Biex niċcaraw l-asserzjonijiet rigward il-konkupixxenza, hemm bżonn naqbdu s-sinifikat bibbliku tal-istess konkupixxenza – tal-konkupixxenza tripla – u prinċipalment ta’ dik tal-ġisem. Allura, naqra naqra, tasal biex tifhem għaliex Ġesù jiddefenixxi dik il-konkupixxenza (preċiżament: il-“ħars biex tixtieq”) bħala “adulterju mwettaq fil-qalb”. Waqt li wettaqna l-analiżi relattivi fittixna, fl-istess ħin, li nifhmu liema sinifikat kellu l-kliem ta’ Kristu għas-semmiegħa immedjati tiegħu, edukati fit-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim, jiġifieri fit-tradizzjoni tat-testi leġislattivi, bħal dawk profetiċi u “sapjenzjali”; u barra minn hekk, liema sinifikat jistà jkollu kliem Kristu għall-bniedem ta’ kull epoka, u b’mod partikulari għall-bniedem kontemporanju, waqt li nikkonsidraw il-kundizzjonamenti kulturali varji tiegħu.  Aħna persważi, infatti, li dan il-kliem, fil-kontenut essenzjali tiegħu, jirreferi għall-bniedem ta’ kull post u ta’ kull żmien. F’dan jikkonsisti wkoll il-valur sintetiku tiegħu: lil kull wieħed iħabbar l-verità li hija għalih valida u sustanzjali.

4. Liema hija din il-verità? Bla ebda dubju, din hija verità ta’ karattru etiku u allura, fl-aħħar minn l-aħħar, verità ta’ karattru normattiv, hekk kif, normattiva hija l-verità kontenuta fil-kmandament: “La tikkommettix adulterju”. L-interpretazzjoni ta’ dan il-kmandament, magħmula minn Kristu, tindika il-ħażin li hemm bżonn nevitaw u nirbħu – appuntu l-ħażin tal-konkupixxenza tal-ġisem – u fl-istess ħin tesponi t-tajjeb għal-liema s-superament tax-xewqat jiftaħ it-triq. Dan it-tajjeb huwa l-“purezza tal-qalb”, dwar liema jitkellem Kristu fl-istess kuntest tad-Diskors tal-Muntanja. Mill-punt di vista bibbliku, il-“purezza tal-qalb” tfisser il-libertà minn kull ġeneru ta’ dnub jew ta’ ħtija u mhux biss mid-dnubiet li jirrigwardaw il-“konkupixxenza tal-ġisem”. Madankollu, hawn se nieħdu ħsieb b’mod partikolari ta’ wieħed mill-aspetti ta’ dik il-“purezza”, liema jikkostitwixxi il-kuntrarju tal-adulterju “imwettaq fil-qalb”. Jekk dik il-“purezza tal-qalb”, li dwarha qed nitkellmu, tinftiehem skont il-ħsieb ta’ Pawlu bħala “ħajja skont l-Ispirtu”, allura il-kontest pawlin joffrilna immaġni sħiħa tal-kontenut miġbur fil-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja. Dan fih verità ta’ natura etika, iwissina kontra l-ħażin u jindika it-tajjeb morali tal-kondotta umana, anzi, jindirizza lis-semmiegħa biex jevitaw il-ħażin tal-konkupixxenza u biex jiksbu l-purezza tal-qalb. Dan il-kliem għandu mela sinifikat normattiv u fl-istess ħin indikattiv. Waqt li jindirizza lejn it-tajjeb tal-“purezza tal-qalb” huwa jindika, fl-istess ħin, il-valuri għal-liema l-qalb umana tistà u għandha taspira.

5. Minn hawn il-mistoqsija: liema verità, valida għal kull bniedem, hija nkluża fil-kliem ta’ Kristu? Hemm bżonn li nwieġbu li hemm inkluża mhux biss verità etika, imma wkoll il-verità essenzjali dwar il-bniedem, il-verità antropoloġika. Għalhekk, appuntu,inmorru lura għal dan il-kliem biex hawn nifformulaw it-tejoloġija tal-ġisem, f’rapport strett u, biex ngħidu hekk, fil-prospettiva tal-kliem preċedenti, li fih Kristu kien irrifera għall-“bidu”. Wieħed jistà jiddikjara li, bl-elokwenza evanġelika espressiva tiegħu, għall-kuxjenza tal-bniedem tal-konkupixxenza jiġi f’ċertu sens imsejjaħ mill-ġdid il-bniedem tal-innoċenza oriġinarja. Imma l-kliem ta’ Kristu huwa realistiku. Ma jfittixx li jreġġà lura l-qalb tal-bniedem għall-istat tal-innoċċenza oriġinarja, li l-bniedem issa ħalla warajh fil-waqt li fih wettaq id-dnub oriġinali; għall-kuntrarju, huwa jindika it-triq lejn il-purezza tal-qalb, li għalih hija possibbli u aċċessibbli wkoll fl-istat tal-pekkaminożità ereditarja. Hija din il-purezza tal-“bniedem tal-konkupixxenza”, li madankollu hija spirata mill-kelma tal-Vanġelu u miftuħa għall-“ħajja skont l-Ispirtu” (skont il-kliem ta’ San Pawl), jiġifieri l-purezza tal-bniedem tal-konkupixxenza li jinsab imkebbeb għal kollox mill-“fidwa tal-ġisem” imwettqa minn Kristu. Propju minħabba dan li fil-kliem tad-Diskors tal-Muntanja nsibu s-sejħa mill-ġdid għall-“qalb”, jiġifieri għall-bniedem intern. Il-bniedem intern hemm bżonn li jinfetaħ għall-ħajja skont l-Ispirtu, sabiex il-purezza tal-qalb evanġelika tiġi minnu pparteċipata: sabiex huwa jerġà jsib u jirrealizza l-valur tal-ġisem, meħlus permezz tal-fidwa mill-ktajjen tal-konkupixxenza.

Is-sinifikat normattiv tal-kliem ta’ Kristu huwa profondament radikat fis-sinifikat antropoloġiku tiegħu, fid-dimensjoni tal-interjorità umana.

6. Skont id-duttrina evanġelika, żviluppata b’mod hekk stupend fl-Ittri pawlini, il-purezza mhijiex biss l-astensjoni mill-pjaċir (cf. 1Ts 4,3) jew aħjar it-temperanza, imma, fl-istess ħin, hija tiftaħ it-triq għal sejba dejjem iktar perfetta tad-dinjità tal-ġisem uman; liema huwa konness b’mod organiku mal-libertà tar-rigal tal-persuna fl-awtentiċità integrali tas-soġgettività personali tiegħu, maskili jew femminili. F’tali mod il-purezza fis-sens tat-temperanza, timmatura fil-qalb tal-bniedem li jikkultiva u jfittex li jiskopri u li jiddikjara s-sens sponsali tal-ġisem fil-verità integrali tiegħu. Propju din il-verità għandha tkun magħrufa internament; hija hemm bżonn, f’ċertu sens, tkun “maħsusa bil-qalb”,  sabiex ir-rapporti reċiproċi tar-raġel u tal-mara – u saħansitra is-sempliċi ħars lejn – jerġgħu jakkwistaw dak il-kontenut awtentikament sponsali tas-sinifikati tagħhom. U huwa propju dan il-kontenut li fil-Vanġelu jiġi ndikat mill-“purezza tal-qalb”.

7. Jekk fl-esperjenza nterna tal-bniedem (jiġifieri tal-bniedem tal-konkupixxenza) it-“temperanza” tingħaraf, biex ngħidu hekk, bħala funzjoni negattiva, l-analiżi tal-kliem ta’ Kristu ppronunzjat fid-Diskors tal-Muntanja u marbut mat-testi ta’ San Pawl jippermettilna nispustaw tali sinifikat lejn il-funzjoni pożittiva tal-purezza tal-qalb. Fil-purezza matura l-bniedem igawdi mill-frott tar-rebħa miksuba fuq il-konkupixxenza, rebħa li dwarha jikteb San Pawl, waqt li jħeġġeġ biex “inżommu l-ġisem propju bi “qdusija u rispett”(1 Ts 4,4). Anzi, propju f’purezza hekk matura timmanifesta parzjalment l-effettività tad-don tal-Ispirtu Santu, li tiegħu l-ġisem uman “huwa tempju” (cf. 1 Cor 6,19). Dan id-don huwa b’mod speċjali dik il-pietà (“donum pietatis”), li tirrestitwixxi għall-esperjenza tal-ġisem – speċjalment fejn għandha x’taqsam l-isfera tar-rapporti reċiproċi tar-raġel u tal-mara –  is-sempliċità tagħha  kollha, iċ-ċarezza tagħha, u wkoll il-ferħ intern tagħha. Din huwa, kif wieħed jistà jara, klima spiritwali, differenti sewwa mill-“passjoni u l-pjaċir”, li dwaru jikteb Pawlu, u li mill-banda l-oħra nafu mill-analiżi preċedenti; biżżejjed niftakru s-Siraċide (Sir 26, 13.15-18). Infatti, huwa ħaġa s-sodisfazzjon tal-passjonijiet, oħra l-ferħ li l-bniedem isib fil-possessjoni iktar kompletament tiegħu nnifsu, waqt li b’dan il-mod isir ukoll iktar kompletament rigal tassew għal persuna oħra.

Il-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja jiddirieġi appuntu l-qalb umana lejn tali ferħ. Għalih hemm bżonn li nafdaw lilna nfusna, il-propji ħsibijiet u l-propji azzjonijiet, biex insibu l-ferħ u biex nirregalawh lill-oħrajn.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >