Juri l-glorja tiegħu b’dawk li mhumiex popolari


L’Alla tagħna l-Insara, l’Alla Trinità, ‘l Alla ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem bħali u bħalek, dejjem iva jseħħlu joħroġli b’xi waħda tinkiteb! U, il-ħaġa interessanti qiegħdha fil-fatt li, ħafna drabi, jirnexxielu jmissli qalbi bil-kliem li joħroġ minn fommi stess! Jew aħjar, b’dak li jagħtini Hu stess li għandi ngħid! X’kull waħda wkoll hux! Intant!

Issa din il-biċċa li jitmagħni bil-kuċċarina tiegħi stess spiss tinqalagħli meta niltaqa’ maż-żgħażagħ. Min jaf għaliex hux? Forsi abbli biex ifakkarni li, bħalhom, għandi nisma’ u nisma.’ Ħa nitgħallem! Issa f’dan ma nistax ma nfaħħarx lill-Mulej għal dak li jgħallimni bl-Ittra tal-Appostlu Ġakbu meta biha jgħidli: Kunu afu dan, ħuti għeżież. Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jisma’, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla (Ġak 1:19). U dan mhux sempliċiment biex wieħed ikun bl-eżatt imma jekk ma jimxix mal-Kelma ta’ Alla kif jista’ tassew jimxi triqtu fil-ħajja? Ma jgħidilniex is-Salm stess: Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi (S 119:105)?

Imwieżen, imsaħħaħ u mdawwal mill-Kelma ta’ Alla, li hi l-uniku dawl fil-mogħdija ta’ ħajti, issa nista’ iva niftaħ qalbi magħkom u nistqarr dan il-fatt ħelu u li ġagħlni naħseb ħafna u ħafna dwaru. Mela darba, waqt li kont qiegħed isfel, quddiem il-Kappella, nitħaddet ma’ xi studenti fl-Isptar Mater Dei, il-Mulej fettillu jagħtini din il-kelma tassew sabiħa. Liema kelma, aktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuqha, aktar qed issir tassew sabiħa. Tleqq. Għax safja! Għax hi tiegħU! Għalhekk mela, hi, tabilħaqq, il-Kelma irfinuta tiegħU stess! Għallimni dan il-Mulej: Juri l-glorja tiegħu b’dawk li huma outsiders! Jiġifieri, b’dawk li, u li tista’ tgħid, ma jkollhom lanqas ċans ta’ suċċess!

It-titlu ta’ din il-kitba qed jgħid: Dawk li mhumiex popolari. U veru! L-għaliex l-iffavoriti huma dejjem il-popolari! Int ħu l-magħrufa storja ta’ David u Gulija. U int jidhirlek li ġgant m’għandux iqatta’ naqra ta’ żgħażugħ f’elf biċċa? Kif jista’ ikun, ġgant daqs dinja, ma jagħmilx trietaq lil min ma jidhirx? Is-sens komun hekk jgħidilna! Il-kotra hekk daħħlitha f’rasha! Għax, jgħidlek b’qawwietu s-sens komun tal-bniedem, li jara biss sa mnieħru: min se joħodha kontra ġgant bħal dan? Li tħares lejh ukoll iqabbdek il-bard? Imma, għal min hu għaqli fil-Mulej, ma jbeżżgħekx għalkemm jipprova jfixklek?

Il-Gġant kien jaf li hu l-bully. U li għalih ma jista’ ħadd u xejn! Dan l-għaliex il-bully jaħseb li d-dinja iddur madwaru! U ħadd u xejn ma jazzarda, imqar, jfixkel jew imiss kelmtu! Kelmtu? U, ngħid jien, x’saħħa tassew għandha l-kelma tal-bully? Ta’ dak li jaħseb li kollox jiddependi minnu? Għandha din xi saħħa? Wara kollox, jista’ ikollha saħħa? Hu x’inhu l-każ, il-bully ried juri x’jaf! Hekk fettillu jgħid lil David, fid-diskors għal kollox insolenti tiegħu lil dan iż-żgħażugħ tal-Mulej: Ejja lejja, biex nagħti laħmek lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem ta’ l-art (1 Sam 17:44).

X’arroganza ħbieb! U xi ksuħija! Tħossx l-istonku tiegħek tiela’ quddiem ħamallaġni ta’ diskors bħal dan? Hemm arah! Diġà jaf kif ħa tiżviluppa l-istorja! Għax bully! Għax, mingħalih, kollox joqgħod għalih! U, tant kemm kien ċert li kollox kien se joqgħod għal dak li kien qed ipaspar f’moħħu u f’qalbu li b’imġiebtu lil David diġà għamlu terrapien! F’din l-istorja li ilkoll nafuha ejjew ma ninsewx b’ħaġa importantissma: l-arroganti huwa l-akbar għajjur! Fil-fatt, il-Bibbja turina dan meta tgħidilna għall-ġgant Gulija: Malli lemaħ lil David, stmellu, għax rah żagħżugħ, ruxxan u sabiħ fis-sura tiegħu (1 Sam:17:43). L-arroganti hu għajjur tal-għajjurin għax ma felaħx jara lil xi ħadd li, fil-fehma tiegħu, ikun aħjar minnu!

Il-velenu tal-għajjur huwa l-idejat żbaljati tiegħu! Gulija jdaħħalha f’rasu li David qiesu bħall-kelb. U għaliex dan? Isimgħu x’jgħidlu: U l-Filisti qal lil David: “Xi ħsibtni lili, xi kelb, biex ħriġt għalija bil-ħatar?” (1 Sam 17:43). Lil Gulija min qallu li kien kelb? Xi dritt kellu Gulija li jidħol f’moħħ David u jinterpreta kif dan kien qed jaħseb fuqu? Kos hux! L-għajjur mhux biss arroganti imma hacker tal-prima klassi! Dan l-għaliex, mingħajr ħadd ma qabbdu, qabad u daħal fl-interjorità ta’ ħaddieħor bil-għan li joħodlu dak li hu tiegħu. Jiġifieri, id-dinjità tiegħu!

L-arroganza hi bħal vulkan li dejjem idaħħan u jiżbroffa! Dan narawh mill-mod tal-biża’ ta’ kif Gulija jitħaddet! Ir-rabja ta’ Gulija iġġibu f’sitwazzjoni li jagħmel qassata wara l-oħra! Sakemm fl-aħħar jaqa’ fil-qassata tal-qassatat! Dan l-għaliex, dan il-ġgant, li jaħseb li għalih ma jista’ ħadd, jaqa’ tant fil-baxx għax jintilef fil-paroli żejjed u fir-rabja li jibda’ jobżoq minn ħalqu stess! Il-Kelma ta’ Alla tgħidilna għal Gulija: U beda jisħet lil David bl-allat tiegħu (1 Sam 17:43).

Kemm waqa’ fil-ħama ħbieb! U kif seħħlu jdemmel lilu nnifsu! Gulija, fil-bluha tiegħu, għamel lilu nnifsu alla! L-iżball kbir tiegħu jinstab fid-diskors li qallu David nnifsu: Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ l-armata ta’ Iżrael, li int sfidajt (1 Sam 17:45). Il-popolarità ta’ Gulija kienet fix-xabla, fil-lanza u fil-vleġġa tiegħu. Madankollu Gulija armar biss kellu! Imma gazz xejn! Għax dan jiġi biss mill-Isem tal-Mulej ta’ l-eżerċti!

Hekk qallu David: Illum stess il-Mulej jagħtik f’idejja, u jien nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek, u ‘l ġismek u l-iġsma ta’ l-armata tal-Filistin nagħtihom illum stess lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem ta’ l-art. U kulħadd isir jaf li hemm Alla f’Iżrael. U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f’idejn il-Mulej, u llum se jitlaqkom f’idejna” (1 Sam 17:46-47).

Kollha għandna l-Gulija tagħna, dak li jipprova jfixkilna u jaqlibilna ħajjitna ta’ taħt fuq. Dak li jipprova jagħmilna terrapien. Imma, jekk ningħaqdu mal-Mulej, ħa jkun Hu li se jiġġieled għalina għax jurina kif aħna stess għandna niġġieldu l-ġlieda tagħna billi nerħuha f’idejH! Ħa nirbħu lil Gulija tagħna, lix-xitan, bit-talb tas-Salmi! L-aktar bis-Salm 91 u 69! Għax, b’dawn iċ-ċakgħiet importantissmi u li jaħarqu tal-Kelma setgħana tiegħU, li l-Mulej iwaddab bl-iżbandola tiegħU, bihom jolqot lil Gulija fi ġbinu sakemm iwaqqgħu għal wiċċu fl-art (1 Sam 17:49). U, bil-pjan tiegħu stess, iħallih jinqela’ b’żejtu għax jaqta’ rasu stess (ara 1 Sam 17:51).

Dan hu Alla tagħna: Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin (Lq 1:52). Huwa hu li juri l-glorja tiegħu b’dawk li m’humiex popolari!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.