L-Isqof Redent Gauci; Karmelitan li tant ħadem fil-Perù

Print Friendly, PDF & Email

Iż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd. Għaddew iktar min 30 sena mill-mewt tal-maħbub isqof Redent Gauci, Karmelitan. Kienu bosta dawk li ħeġġuni biex nikteb xi ħaġa dwaru ħalli t-tifkira tiegħu ma tintesiex.

L-isqof Redent Gauci twieled il-Belt Valletta nhar il-27 ta’ Diċembru 1920 u ġie mgħammed fil-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu l-Belt Valletta bl-isem ta’ Vincenzo, magħruf min ħutu u ħbieb bħala Ċensu.

Meta kellu 15-il sena daħal bħala novizz fl-ordni Karmelitan u tawh l-isem ta’ Redent u fl-ewwel ta’ Jannar 1937 għamel il-professjoni sempliċi. Beda l-istudji tiegħu tal-letteratura, filosofija u teoloġija fill-kunvent tal-patrijiet Karmelitani tal-Balluta ġewwa l-kulleġġ ta’ San Ċirillu. Fit-22 ta’ Jannar 1942 għamel il-professjoni solenni fil-knisja tal-Karmnu tal-Balluta. Meta l-anqas kien għad għandu 23 sena, ġie ordnat saċerdot nhar l-ewwel ta’ Awwissu 1943. Dak iż-żmien it-tieni gwerra dinjija ġa kienet qegħda titbiegħed min xtutna. Fost il-ħidmiet pastorali li wettaq f’pajjiżna nsibu li kien jaħdem bis-sħiħ ġewwa is-sawtwarju tal-Madonna tal-Karmnu l-Belt. Kien jgħallem ukoll fl-iskola Mariano Apostolica li llum saret St.Elias College. Wettaq ħidma fost it-Terzjarji Karmelitani u kien direttur spiritwali tal-leġjun ta’ Marija.

Fl-14 ta’ Diċembru 1945 kien ukoll wieħed mill-ewwel membri li qatt kellha l-komunitá tal-Fgura. Dak iż-żmien aħna il-Karmelitani f’Malta kellna biss 4 kunventi: Fl-Imdina, Fill-Belt, Fill-Balluta u f’Santa Venera. Kull kunvent offra reliġjuż biex titwaqqaf din id-dar reliġjuża fil-Fgura. Mill-kunvent tal-Balluta intbgħat Patri Tarċisio Licari li sar l-ewwel pirjol ta’din il-komunita. Mill-kunvent tal-Belt intbgħat patri Redent Gauci, mill-kunvent ta’Santa Venera intbghat patri Ġwann Caruana u mill-Imdina Fra Romeo Bezzina.     

Fix-xahar ta’ Ġunju 1949 kellha tkun sena deċisiva kemm għall-missjonijiet Karmelitani Maltin kif ukoll għal P. Redent Gauci u għal P. Nażju Axisa. Sena li bidlet kemm l-istorja tal-missjonijiet Karmelitani kif ukoll il-ħajja ta’ P. Redent. F’din is-sena ġie deċiż li l-Missjoni li l-patrijiet Karmelitani xtaqu jiftħu, tkun f’Arequipa, il-Peru.

L-Arċisqof t’Arequipa kien ta f’idejn il-Karmelitani Maltin, parroċċa fid-djoċesi tiegħu. Sabiex immexxi din il-missjoni ntgħażel P. Redent Gauci u offra li jmur miegħu P. Nazju Axisa li kien għadu kif ġie ordnat saċerdot.

Dawn iż-żewġ patrijiet kuraġġużi telqu mix-xatt tal-Marsa għall-Peru fl-Amerika t’Isfel nhar is-6 ta’ Ġunju 1949. Wara ħafna waqfiet u tibdil ta’ mezzi ta’ trasport waslu l-Peru, preċiżament f’Tingo, il-parroċċa li kien fdalhom f’idejhom l-Arċisqof t’Arequipa u li minn dak inhar ‘l hawn kellha tkun id-dar ta’ ħafna missjunarji Karmelitani Maltin.

F’Tingo bdiet ħajja ġdida, ħajja mgħaġġla mimlija xogħol u sagrifiċċju, dik il-ħajja li tant huwa msemmi għaliha l-missjunarju. F’Tingo kien hemm 10,000 ruħ li kollha kienu jiddependu mill-missjunarji għal bżonnijiet spiritwali tagħhom. Barra dan, il-Missjunarji huma ftit minn dawk in-nies li taw każ u ħadmu għall- iżvilupp ekonomiku soċjali-kulturali tal-poplu fqir u kontinwament mgħakkes u misruq min-nies tal-flus u li kellhom il-poter f’idejhom.

Barra l-ħafna xogħol pastorali: magħmudijiet, xi tliet quddisiet kull nhar ta’ Ħadd (minn barra ta’ kuljum), żwiġijiet, katekiżmu u għajnuna soċjali, P. Redent sar Kappillan u ftit wara direttur ta’ Riformatorju għal subien delinkwenti jew abbandunati. Kien bill-ħidma tiegħu li ntroduċa l-Leġjun ta’ Marija fil-Peru.   

Fl-okkażjoni tal-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali P. Redent kiteb bl-Ispanjol dwar il-quddiesa, it-tqarbin eċċ…, bl-isem “Is-sema fuq l-art”. Din ma kinitx l-aħħar darba li P. Redent kiteb xi artiklu. Anke hawn Malta kiteb f’diversi gazzetti. Wara 6 snin ġie Malta għall-kapitlu provinċjali u hawn wera l-bżonnijiet u d-difikultajiet li kellhom il-Missjunarji u ħeġġeġ lill-patrijiet biex min jista’, imur il-missjoni. Meta huwa reġa’ mar lura f’Tingo flimkien ma’ P. Tonin Vidal pprova jsib post ieħor peress li issa kien hemm ħafna missjunarji.

Fl-1958 P. Redent flimkien ma’ P. Serafin Abela marru joqogħdu f’ La Legua bi prova. Hawnhekk sab ħafna tfixkil u wara 6 xhur kellhom jirritornaw lura. Fil-fatt fl-1960 meta kien beda x-xogħol fuq il-knisja ta Tingo P. Redent telaq għall Camana post li qiegħed xi 200 mil l-bogħod minn Tingo. Fl-1961 P. Redent ġie Malta għall-Kapitlu Provinċjali u l-Pirjol Ġenerali kien issuġġerixxa lill-provinċjal il-ġdid patri Elija Caruana jgħamel żjara lill-missjunarji. Din iż-żjara tal-provinċjal ħalliet ħafna frott. Infatti wara ftit saret Prelatura Nullius ta’ Chuqibamba u P. Redent kellu jkun l-ewwel Prelat tagħha.

Il-Prelatura Nullius ġiet ddikjarata nhar il-5 ta’Ġunju 1962. Dakinhar l-arċisqof ta’ Arequipa mar għand il-patrijiet tagħna u mill-but ħareġ karlotta ħamra u poġġiha fuq ras Mons. Redent Gauci li kien sar Prelat ta’ Chuqibamba. Fil-15 ta’ Awissu 1962 kienet ġurnata kommemorattiva kemm għal Mons. Gauci kif ukoll għan nies ta’ Chuqibamba. Dakinhar huwa ngħata l-pussess mill-Arċisqof ta’ Arequipa. Għal din il-funzjoni attendew bosta patrijiet Karmelitani, Saċerdoti u kotra kbira ta’nies.

Monsinjur Isqof Redent Gauci O.Carm

Il-Prelatura ta’ Chuqibamba hija magħmula minn 4 provinċji kbar u hija kbira 20,000 kilometri kwadru, jiġifieri xi 65 darba daqs Malta. Mons. Redent Gauci kien stieden lis-soċjetà missjunarja ta’ San-Pawl (MSSP) biex imorru jaħdmu fil-Peru, u nfatti għadhom hemm sa’ llum.

Tajjeb li ngħidu li Mons. Redent Gauci kien ħa sehem fil-Konċilju Vatikan it-tieni. F’April tas-sena 1967 waslet f’Malta l-aħbar li il-Mons. Gauci kien ġie magħżul mis-Santa Sede biex isir Isqof titulari ta’ Ida fil-Mauretania. Huwa għażel li jiġi Malta biex ikun ikkonsagrat Isqof. Iċ-ċeremonja tal-konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof saret fit-30 ta’ April fill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Hija tmexxiet mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi mgħejun mill-Isqof Vigarju ġenerali Mons. Emanuel Galea u minn Mons. D. Raymond Lamont O.Carm Isqof ta’ Umtali fir-Rhodesia.

Wara ħidma sfieqa ta’ iktar minn 28 sena huwa reġa lura Malta minħabba saħħtu. Huwa miet fil-Isptar Blue Sisters fl-10 ta’Frar 1978 fl-età ta’ 58 sena. Dakinhar huwa kellu jagħmel il-Paneġierku tal-Apostlu Missierna San Pawl fil-Belt Valletta. Il-funeral tiegħu sar fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu l-Belt u tmexxa mill-Pirjol Provinċjali P. Ewġenju Tonna, fejn għalih ikkonċelebraw madwar 100 saċerdot. Assistew għal dan il-funeral l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Ġużeppi Mercieca u l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Nikol Cauchi flimkien man-Nunzju Appostoliku. Fl-aħħar tal-quddiesa l-Arċisqof Mercieca qal it-talba ta’ l-aħħar u bierek u nċensa l-katavru tiegħu. Wara huwa ndifen fil-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fil-qabar tal-familja.

Huwa xieraq li nitolbu għall-ruħu u għall-missjoni li tant kienet għall-qalbu. J’Alla jkollna rgħajja bħalu li jirgħu l-merħla b’tant dedikazzjoni u ħerqa.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm

%d bloggers like this: