61. L-opra tal-arti għandha tosserva dejjem ir-regolarità tar-rigal u tal-għotja reċiproka

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 22/04/1981.

Għeżież ħuti,

Il-ferħ tal-Għid huwa dejjem ħaj u preżenti fina matul din l-Ottava sollenni, u l-liturġija ġġegħlna nirrepetu b’fervur: “Il-Mulej qam, kif kien ħabbar, nifirħu lkoll u nieħdu pjaċir, għaliex Hu jsaltan għal dejjem, alleluia”.

Niddisponu, mela, qlubna għall-grazzja u għall-ferħ; ngħollu s-sagrifiċċju tagħna ta’ tifħir lill-vittma paskwali, għaliex il-Ħaruf feda l-merħla tiegħu u l-Innoċenti għamilna, lilna midimbin,  paċi mill-ġdid, mal-Missier.

Kristu, l-Għid tagħna qam u aħna qomna miegħu, għal dan irridu nfittxu l-affarijiet tas-sema, fejn Kristu joqgħod bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla, u allura rridu wkoll niggustaw l-affarijiet t’hemm fuq, skont l-istedina tal-Appostlu Pawlu (cf. Kol 3,1-2).

Waqt li Alla, jgħaddina, fi Kristu, mill-mewt għall-ħajja, mid-dlamijiet għad-dawl, waqt li jħejjijna għall-ġid ċelesti, aħna hemm bżonn li nippruvaw għal skopijiet ta’ opri mdawla, fil-ġustizzja u l-verità. Din hija mixja twila li rridu ngħaddu minnha, imma Alla jiffortifika u jżomm t-tama tagħna nkrollabbli ta’ rebħa: il-meditazzjoni tal-misteru paskwali takkumpanjana b’mod partikulari f’dawn il-jiem.

1. Issa nirriflettu – b’relazzjoni mal-kliem ta’ Kristu ppronunzjat fid-Diskors tal-Muntanja – dwar il-problema tal-ethos tal-ġisem uman fl-opri tal-kultura artistika. Din il-problema għandha għeruq ferm profondi. Ikun tajjeb li hawn niftakru s-serje ta’ analiżi esegwiti b’relazzjoni għat-tifkira ta’ Kristu tal-“bidu”, u suċċessivament għat-tifkira tiegħu magħmula għall-“qalb” umana, fid-Diskors tal-Muntanja. Il-ġisem uman – il-ġisem uman għeri fil-verità kollha tiegħu tal-maskulinità u l-femminilità – għandu sinifikat ta’ rigal tal-persuna lill-persuna. L-ethos tal-ġisem, jiġifieri r-regolarità etika  tal-għera tiegħu, minħabba d-dinjità tas-suġġett personali, hija marbuta b’mod strett ma’ dik is-sistema ta’ referenza, mifhuma bħala sistema sponsali, li fiha l-għoti tal-parti l-waħda tiltaqà mar-risposta propja u adegwata tal-oħra għar-rigal. Tali tweġiba tiddeċiedi r-reċiproċità tar-rigal. L-oġġettivazzjoni artistika tal-ġisem uman fl-għera tiegħu maskili u femminili, bi skop li jagħmel minnu l-ewwel mudell u, mbagħad, tema tal-opra tal-arti, hija dejjem ċertu trasferiment ‘il barra minn din oriġinarja u jispeċifika għalih konfigurazzjoni tad-donazzjoni interpersonali.  Dan jikkostitwixxi, f’ċertu sens, qerda minn għeruqu tal-ġisem uman minn din il-konfigurazzjoni u trasferiment tiegħu fid-dimensjoni tal-oġġettivazzjoni artistika: dimensjoni speċifika għall-opra tal-arti jew inkella għar-riproduzzjoni tipika tat-tekniki cinematografiċi u fotografiċi ta’ żmienna.

F’kull waħda minn dawn id-dimensjonijiet – u f’kull waħda b’mod differenti – il-ġisem uman jitlef dak is-sinifikat profondament suġgettiv tar-rigal, u jsir oġġett destinat għal għarfien multiplu, permezz ta’ liema dawk li jħarsu, jassimilaw jew saħansitra, f’ċertu sens, jaħtfu dak li evidentement jeżisti, anzi għandu jeżisti essenzjalment f’livell ta’ rigal, magħmul minn persuna lill-persuna, mhux iktar diġa fix-xbiha imma fil-bniedem ħaj. Biex ngħidu s-sewwa, dak il-“ħtif”  ġa jseħħ f’livell ieħor, jiġifieri fil-livell tal-oġġett tat-trasfigurazzjoni jew riproduzzjoni artistika; madankollu huwa mpossibbli li wieħed ma jintebaħx li mill-punt di vista tal-ethos tal-ġisem,  mifhum profondament, tqum hawn  problema. Problema ferm delikata, li għandha l-livelli ta’ intensità skont id-diversi mottivi u ċirkustanzi kemm min-naħa tal-attività artistika, kif ukoll min-naħa tal-għarfien tal-opra tal-arti jew tar-riproduzzjoni tagħha. Mill-fatt li din il-problema timponi ma jirriżulta xejn affattu li l-ġisem uman, fl-għera tiegħu, ma jistax isir tema tal-opra tal-arti, imma biss li din il-problema mhix purament estetika, lanqas moralment indifferenti.

2. Fl-analiżi tagħna preċedenti (speċjalment fir-rigward tal-allużjoni ta’ Kristu għall-“bidu”), iddedikajna bosta spazju għas-sinifikat tal-mistħija, waqt li fittixna li nifhmu d-differenza bejn is-sitwazzjoni – u l-istat – tal-innoċenza oriġinarja, li fiha “t-tnejn li huma kienu mneżżgħin… imma ma kienu iħossu ebda mistħija” (Ġen 2,25) u, suċċessivament, bejn is-sitwazzjoni – u l-istat – tal-pekkaminożità, li fih bejn ir-raġel u l-mara tnissel, flimkien mal-mistħija, l-ispeċifiku bżonn tal-intimità lejn il-propju ġisem. Fil-qalb tal-bniedem suġgett għall-konkupixxenza dan il-bżonn iservi, wkoll b’mod indirett, biex jassikura r-rigal u l-possibiltà tal-għotja reċiproka. Tali bżonn jifforma wkoll il-mod tal-aġir tal-bniedem bħala “oġġett tal-kultura”, fis-sinifikat l-iktar wiesà tat-terminu. Jekk il-kultura turi tendenza espliċita li tgħatti l-għera tal-ġisem uman, bla dubju dan ma tagħmlux biss minħabba mottivi klimatiċi, imma wkoll b’relazzjoni mal-proċess ta’ tkabbir ta’ sensibiltà personali tal-bniedem. L-anonima għera tal-bniedem-oġġett tikkontrasta mal-progress tal-kultura awtentikament umana tad-drawwiet. Huwa probabilment possibbli li wieħed jikkonferma dan ukoll fil-ħajja tal-popolazzjonijiet hekk imsejħa primittivi. Il-proċess ta’ raffinament tas-sensibiltà umana personali  huwa bla ebda dubju ta’ xejn fattur u frott tal-kultura.

Wara l-bżonn tal-mistħija, jiġifieri tal-intimità tal-ġisem propju (dwar liema jinfurmawna b’tant preċiżjoni il-fonti bibbliċi fil-Ġenesi, 3), tinħeba norma iktar profonda: dik tar-rigal orjentat lejn il-profonditajiet stess tas-suġgett personali jew lejn il-persuna l-oħra, speċjalment fir-relazzjoni raġel-mara skont ir-regolarità perenni tal-għotja reċiproka. F’tali mod, fil-proċessi tal-kultura umana, mifhuma f’sens wiesà, nosservaw – ukoll fl-istat tal-pekkaminożità ereditarja tal-bniedem – kontinwità espliċita biżzejjed tas-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu. Dik il-mistħija oriġinarja, diġa nnutata fl-ewwel kapitoli tal-Bibbja, hija element permanenti tal-kultura u tad-drawwiet. Dan jappartjeni għall-ġenesi tal-ethos tal-ġisem uman.

3. Il-bniedem ta’ sensibiltà żviluppata jissupera, b’diffikultà u b’reżistenza interna, il-limitu ta’ dik il-mistħija. Din tenfasizza ruħha saħansitra fis-sitwazzjonijiet, li mill-banda l-oħra jiġgustifikaw il-bżonn tat-tneżzih tal-ġisem, bħal per eżempju fil-każ tal-eżamijiet u tal-interventi mediċi.

Singolarment wieħed jeħtieg jiftakar ukoll ċirkustanzi oħra, bħal per eżempju dawk tal-kampijiet tal-konċentrament jew ta’ postijiet ta’ qerda, fejn il-vjolazzjoni tal-pudur korporju huwa mod konsapevolment użat biex tinqered is-sensibiltà personali u s-sens tad-dinjità umana. Kulfejn – alavolja b’modi differenti – tirrikonferma ruħha l-istess linja ta’ regolarità. Waqt li jsegwi s-sensibiltà personali, il-bniedem ma jridx isir oġgett għall-oħrajn permezz tal-propja għera anonima, lanqas ma jrid li l-ieħor isir għalih oġġett bl-istess mod. Evidentement f’waqt “ma jridx” daqs kemm iħalli lilu nnifsu jiġi mmexxi mis-sens tad-dinjità tal-ġisem uman. Diversi,infatti, huma l-mottivi li jistgħu iwasslu, jinċitaw, saħansitra jimbuttaw il-bniedem biex jaġixxi kuntrarjament għal dak li tesiġi d-dinjità tal-ġisem uman magħquda mas-sensibiltà personali. Ma nistgħux ninsew li s-“sitwazzjoni” fundamentali interna tal-bniedem “storiku” huwa l-istat tal-konkupixxenza tripla (cf. 1Ġw 2,16). Dan l-istat – u speċjalment, il-konkupixxenza tal-ġisem – jinħass b’diversi modi, kemm fl-impulsi interni tal-qalb umana kemm fil-klima kollha tar-rapporti interumani u fid-drawwiet soċjali.

4. Ma nistgħux ninsew dan, lanqas meta jkollha x’taqsam l-isfera wiesgħa tal-kultura artistika, speċjalment dik ta’ karattru viżiv u spettakolari, bħal ukoll meta jkollha x’taqsam il-kultura tal-“massa”, hekk sinifikattiva għal żminijietna u marbuta mal-użu tat-tekniki populari tal-komunikazzjoni awdjoviżiva. Dan iqanqlilna mistoqsija: meta u f’liema każ din l-isfera ta’ attività tal-bniedem – mill-punt di vista tal-ethos tal-ġisem – titqiegħed taħt akkuża ta’ “pornoviżjoni”, hekk bħall-attività letterarja li spiss ġiet u tiġi akkużata bil-“pornografija” (dan it-tieni terminu huwa iktar antik). Il-wieħed u l-ieħor jivverifika ruħu meta jiġi maqbuż il-limitu tal-mistħija, jew aħjar tas-sensibiltà personali rigward dak li jgħaqqad mal-ġisem uman, bil-għera tiegħu, meta fl-opra artistika jew permezz tat-tekniki ta’ riproduzzjoni awdjoviżiva jiġi vjolat id-dritt għall-intimità tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu – u f’analiżi tal-aħħar – meta tiġi vjolata dik il-profonda regolarità tar-rigal u tal-għotja reċiproka, li hija miktuba f’dik il-femminilità u l-maskulinità permezz tal-istruttura sħiħa ta’ li tkun bniedem. Din il-profonda iskrizzjoni – anzi inċiżjoni – tiddeċiedi s-sinifikat sponsali tal-ġisem uman, jiġifieri s-sejħa fondamentali li huwa jirċievi biex jifforma l-“komunjoni tal-persuni” u biex jieħu sehem fiha.

Waqt li ninterrompu f’dan il-punt il-konsiderazzjoni tagħna, li feħsiebna nkomplu l-Erbgħa li ġej, tajjeb ninnutaw li l-osservanza jew in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din ir-regolarità, hekk profondament marbuta mas-sensibiltà personali tal-bniedem, ma tistax tkun indifferenti għall-problema li “toħloq klima favorevoli għall-kastità” fil-ħajja tal-edukazzjoni soċjali.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >