62. Il-limiti etiċi fl-opri tal-arti u fil-produzzjoni awdjoviżiva

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 29/04/1981.

Għeżież ħuti,

L-udjenza tallum taħbat fil-festa ta’ Santa Katerina ta’ Siena, patruna tal-Italja flimkien ma’ San Franġisk ta’ Assisi.

It-tifkira tal-umli u għarfa verġni dumnikana timla r-ruħ tagħna lkoll b’eżultanza spiritwali u ġgagħlna naqbżu bil-ferħ fl-Ispirtu Santu, għaliex il-Mulej tas-sema u l-art irrivela s-sigrieti tiegħu lis-sempliċi  (cf. Lk 10,21). Il-messaġġ ta’ Katerina, animat minn fidi purissima, ta’ mħabba ferventi u ta’ dedika bla rqad għall-Knisja, tinvesti f’kull wieħed u waħda minna u tiġbidna b’mod ħelu għal imitazzjoni ġeneruża. Għalhekk jien kuntent li nindirizza tislima partikulari lit-Taljani hawn preżenti għal din il-laqgħa u għall-għażiż poplu kollu Taljan.

Isimgħu. Għeżież fidili, dan il-kliem ta’ Santa Katerina: “Fid-dawl tal-fidi nakkwista l-għerf; fid-dawl tal-fidi nittama; ma nħalliħx jiġini nieqes fil-mixja. Dan id-dawl jgħallimni t-triq” (S. Katerina ta’ Siena, Dialogo, c. CLXVII).

Bl-interċessjoni tagħha nitolbu fidi dejjem iktar profonda u mħeġġa, sabiex Kristu jkun id-dawl tal-mixja tagħna, ta’ dik tal-familji tagħna u tas-soċjetà kollha tagħna, waqt li hekk jassikura lill-għażiża Italja tagħna il-vera paċi, msejsa fuq il-ġustizzja u speċjalment fuq ir-rispett tal-liġi divina, li ikkostitwiet ix-xewqa vivissima tal-Qaddisa kbira minn Siena.

1. Diġa ddedikajna serje ta’ riflessjonijiet għas-sinifikat tal-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, li fih Hu iħeġġeġ għall-purezza tal-qalb, waqt li ġibed l-attenzjoni saħansitra fuq “il-ħars konkupixxenti”. Ma nistgħux ninsew dan il-kliem ta’ Kristu wkoll meta jkun jitratta l-isfera wiesgħa tal-kultura artistika, speċjalment dik ta’ karattru viżiv u spettakolari, bħal ukoll meta jkollha x’taqsam mal-isfera tal-kultura “tal-massa” – hekk sinifikattiva għal żmenijietna – marbuta mal-użu tat-tekniki popolari tal-komunikazzjoni awdjoviżiva. Dan l-aħħar għidna li l-hawn fuq imsemmiha sfera tal-attività tal-bniedem tiġi kultant akkużata bil-“pornoviżjoni”, hekk bħal ma fil-konfront tal-letteratura titressaq l-akkuża  tal-“pornografija. Kemm il-fatt wieħed u l-ieħor jseħħu meta jinqabeż il-limitu tal-mistħija, jew aħjar tas-sensibiltà personali imqabbel ma’ dak li jgħaqqad il-ġisem uman, mal-għera tiegħu, meta fl-opra artistika permezz ta’ tekniki ta’ produzzjoni awdjoviżiva jiġi vjolat id-dritt għall-intimità tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu u, – f’analiżi aħħarija – meta tiġi vjolata dik l-intima u l-kostanti destinazzjoni għar-rigal u tal-għotja reċiproka, li hija miktuba f’dik il-femminilità u maskulinità permezz tal-istruttura sħiħa tal-esseri-bniedem. Dik l-iskrizzjoni profonda, anzi inċiżjoni, tiddeċiedi mis-sinifikat sponsali tal-ġisem, jiġifieri mis-sejħa fondamentali li huwa rċieva biex jifforma “għaqda ta’ persuni” u biex jieħu sehem fiha.

2. Huwa ovvju li fl-opri tal-arti, jew inkella fil-prodotti tar-riproduzzjoni artistika awdjoviżiva, l-imsemmiha destinazzjoni kostanti għal wara, jiġifieri dik l-iskrizzjoni profonda tas-sinifikat tal-ġisem uman, tkun tistà tiġi vjolata biss fl-ordni intenzjonali tar-riproduzzjoni u tar-rappreżentazzjoni; infatti din tittratta – kif diġa qabel intqal – dwar il-ġisem uman bħala mudell jew tema. Madankollu, jekk is-sens tal-mistħija u s-sensibiltà personali jiġu offiżi f’tali każi, dan iseħħ minħabba t-trasferiment tagħhom fid-dimensjoni tal-“komunikazzjoni soċjali”, mela minħabba l-fatt li jirrendi, biex ngħidu hekk, propjetà pubblika dak  li, fil-ħass ġust tal-bniedem, jappartjeni u għandu b’mod strett jappartjeni għar-rapport interpersonali, dak li huwa marbut – kif diġa kien rivelat qabel – għall-“għaqda nfisha tal-persuni”, u fl-ambitu tiegħu jikkorrispondi mal-verità interna tal-bniedem, mela wkoll mal-verità integrali dwar il-bniedem.

F’dan il-punt mhux possibbli naqblu mar-rappreżentanti tal-hekk imsejjaħ naturaliżmu, li jfakkru d-dritt għal “dak kollu li hu uman”, fl-opri tal-arti u fil-prodotti tar-riproduzzjoni artistika, waqt li jiddikkjaraw li jaġixxu b’tali mod fl-isem tal-verità realistika dwar il-bniedem. U appuntu hija din il-verità dwar il-bniedem – il-verità sħiħa dwar il-bniedem – li tesiġi li tieħu in konsiderazzjoni kemm is-sens tal-intimità tal-ġisem kif ukoll il-koerenza tar-rigal marbuta mal-maskulinità u l-femminilità tal-ġisem stess, li fih jirrifletti lilu nnifsu l-misteru tal-bniedem, propju fl-istruttura interna tal-persuna. Tali verità dwar il-bniedem hemm bżonn tkun ikkunsidrata wkoll fl-ordni artistika jekk irridu nitkellmu minn realiżmu sħiħ.

3. F’dan il-każ jidher li r-regolarità propja tal-“għaqda tal-persuni” taqbel b’mod profond mal-arja vasta u differenzjata tal-“komunikazzjoni”. Il-ġisem uman fl-għera tiegħu – kif iddikkjarajna fl-analiżi preċedenti (li fihom irriferejna ruħna għal Ġenesi 2, 25) – mifhum bħala manifestazzjoni tal-persuna u bħala rigal tagħha, jiġifieri sinjal ta’ assikurazzjoni u ta’ donazzjoni lill-persuna l-oħra,  isir sors ta’ “komunikazzjoni” partikolari interpersonali. Kif diġa intqal, din hija komunikazzjoni partikolari fl-umanità stess. Dik il-komunikazzjoni interpersonali tippenetra profondament fis-sistema tal-għaqda (“communio personarum”), fl-istess ħin tikber minnu u tiżviluppa b’mod korrett fl-ambitu tiegħu. Appuntu minħabba l-valur kbir tal-ġisem f’tali sistema ta’ “għaqda” interpersonali, li tagħmel mill-ġisem fl-għera tiegħu – li appuntu tesprimi “l-element” tar-rigal – l-oġġett-tema tal-opra tal-arti jew tal-produzzjoni awdjoviżiva, hija problema mhux biss ta’ natura estetika, imma, fl-istess ħin, ukoll ta’ natura etika. Infatti, dak l-“element tar-rigal” jiġi, biex ngħidu hekk, sospiż fid-dimensjoni ta’ reċessjoni mhux magħrufa u ta’ tweġiba mhix mistenniha, u b’dan tigi b’xi mod intenzjonalment “mhedda”, fis-sens li tistà ssir oġġett anonimu ta’ “appropjazzjoni bla dritt”, oġġett ta’ abbuż. Propju għalhekk il-verità integrali dwar il-bniedem tikkostitwixxi, f’dan il-każ, il-bażi tan-norma skont liema jimmudella ruħu it-tajjeb jew il-ħażin tal-azzjonijiet deċiżi, tal-imġibiet, tad-drawwiet u tas-sitwazzjonijiet. Il-verità dwar il-bniedem, – dwar dak li fih – appuntu minħabba ġismu u s-sess tiegħu (femminilità – maskulinità) – hija partikolarment personali u interna, u hawn toħloq limiti preċiżi li mhux leċitu li tmur ‘il hemm minnhom.

4. Dawn il-limiti hemm bżonn li jkunu magħrufa u osservati mill-artista li jagħmel mill-ġisem tal-bniedem oġġett, mudell jew tema tal-opra tal-arti jew tar-riproduzzjoni awdjoviżiva. La hu u lanqas responsabbli oħrajn f’dan il-qasam m’għandhom id-dritt li jesiġu, jipproponu jew jagħmlu iva li bnedmin oħrajn mistiedna,  imħeġġa jew imdaħħla biex jaraw, biex jikkuntemplaw ix-xbiha, jiksru dawk il-limiti flimkien magħhom, jew minħabba fihom. Din hija x-xbiha, li fiha dak li minnu nfih jikkostitwixxi l-kontenut u l-valur profondament personali, dak li jappartjeni għall-ordni tar-rigal u tal-għotja  reċiproka tal-persuna lill-persuna, jiġi, bħala tema, eradikat mill-propju substrat awtentiku, biex isir, permezz tal-“komunikazzjoni soċjali” oġġett u barra minn dan, f’ċertu sens, oġġett anonimu.

5. Il-problema kollha tal-“pornoviżjoni” u tal-“pornografija” kif jirriżulta minn dak li għidna fuq, mhix effett ta’ mentalità puritana linqas ta’ moraliżmu dejjaq, kif ukoll mhux prodott ta’ ħsieb mgħobbi ta’ manikeiżmu. Dan fih innifsu huwa ta’ sfera ta’ valuri fondamentali, importantissima quddiem liema l-bniedem ma jistax jibqà ndifferenti minħabba d-dinjità tal-umanità, tal-karattru personali u tal-elokwenza tal-ġisem uman. Dawk il-kontenuti u valuri kollha, permezz tal-opra tal-arti u l-attività ta’ mezzi awdjoviżivi, jistgħu jiġu mmudellati u approfonditi, imma wkoll jistgħu jiġu sformati u meqruda fil-“qalb” tal-bniedem. Kif wieħed jistà jara, ninsabu kontinwament fl-orbita tal-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja. Ukoll il-problemi li qegħdin nitrattaw hawn, għandhom ikunu eżaminati fid-dawl ta’ dak il-kliem, li jqis il-“ħars” imnissel mill-konkupixxenza bħala “adulterju mwettaq fil-qalb”.

U għalhekk donnu li r-riflessjoni dwar dawn il-problemi, importanti biex “tinħoloq klima favorevoli għall-edukazzjoni tal-kastità”, tikkostitwixxi anness indispensabbli għall-analiżi preċedenti kollha, liema, matul il-kors ta’ laqgħat numerużi ta’ nhar t’Erbgħa, iddedikajna għal  din it-tema.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: