67. Il-qawmien mill-imwiet iwettaq perfettament il-persuna

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  09/12/1981.

1. “Fil-qawmien mill-imwiet… ma jiħux mara linqas raġel, imma jkun bħal anġli fis-smewwiet”  (Mt22,30; Mk 12,25). “Ikunu ugwali mal-anġli u billi jkunu ulied il-qawmien mill-imwiet, ikunu ulied Alla” (Lq 20,36).

Infittxu li nifhmu dan il-kliem ta’ Kristu rigward il-qawmien mill-imwiet futur, sabiex niġbdu konklużjoni dwar l-ispiritwalizzazzjoni tal-bniedem, differenti minn dik tal-ħajja terrena. Hawn wieħed jistà jitkellem ukoll minn sistema perfetta ta’ qawwiet fir-rapporti reċipriċi bejn dak li fil-bniedem huwa spiritwali u dak li huwa korporju. Il-bniedem “storiku”, wara d-dnub tan-nisel, jisperimenta imperfezzjoni multipla ta’ din is-sistema ta’ qawwiet, li timmanifesta ruħha fil-kliem magħruf sewwa ta’ San Pawl: “Fil-partijiet ta’ ġismi nara liġi oħra, li tmexxi gwerra mal-liġi ta’ moħħi” (Rm 7,23).

Il-bniedem “eskatoloġiku” jkun ħieles minn dik l-“oppożizzjoni”. Fil-qawmien mill-imwiet il-ġisem jerġà lura għall-unità pefetta u l-armonija mar-ruħ: il-bniedem ma jisperimentax iktar l-oppożizzjoni bejn dak li ġewwa fih huwa spiritwali u dak li huwa korporju. L-“ispiritwalizzazzjoni” tfisser mhux biss li l-ispirtu jiddomina l-ġisem, ikolli ngħid, li hu jimla għal kollox il-ġisem, u li l-qawwiet tal-ispirtu jimlew l-enerġiji tal-ġisem.

2. Fil-ħajja terrena, id-dominju tal-ispirtu fuq il-ġisem – u s-subordinazzjoni simultanja tal-ġisem għall-ispirtu -jistà, bħal frott ta’ xogħol perseveranti fuqu nnifsu, jesprimi personalità spiritwalment matura’ madankollu, il-fatt li l-enerġiji tal-ispirtu jirnexxilhom jiddominaw il-qawwiet tal-ġisem ma jeliminax il-possibiltà stess tal-oppożizzjoni reċiproka tagħhom. L-“ispiritwalizzazzjoni”, li għaliha jalludu il-Vanġeli sinottiċi (Mt 22,30; Mk 12,25; Lq 20,34-35) fit-testi hawn analizzati, tinsab diġa barra minn tali possibiltà. Hija mela spiritwalizzazzjoni perfetta, li fiha tiġi eliminata kompletament il-possibiltà  li “liġi oħra ġdida tqanqal gwerra kontra l-liġi tal-… moħħ” (cf. Rm 7,23). Dan l-istat li – kif inhu evidenti – jiddifferenzja essenzjalment (u mhux biss fir-rigward ta’ grad) minn dak li nisperimentaw fil-ħajja terrena, ma jfissirx madankollu xi “diżinkarnazzjoni” tal-ġisem, linqas, bħala konsegwenza, “diżumanizzazzjoni” tal-bniedem. Anzi għall-kuntrarju, tfisser ir-“realiżazzjoni” perfetta tiegħu. Infatti, fl-esseri kompost, psikosomatiku, li huwa l-bniedem, il-perfezzjoni ma tistax tikkonsisti f’oppożizzjoni reċiproka tal-ispirtu u tal-ġisem, imma f’armonija profonda bejniethom, fil-protezzjoni tal-primat tal-ispirtu.  Fid-“dinja l-oħra”, tali primat jiġi realizzat u jimmanifesta ruħu fi spontanjetà perfetta, nieqsa minn kull oppożizzjoni da parti tal-ġisem. Madankollu dan ma jinftiehemx bħala “rebħa” definittiva tal-ispirtu fuq il-ġisem. Il-qawmien mill-imwiet jikkonsisti fil-parteċipazzjoni ta’ dak kollu li fil-bniedem huwa korporju għal dak li fih huwa spiritwali. Fl-istess ħin jikkonsisti fir-realizzazzjoni ta’ dak li fil-bniedem huwa personali.

3. Il-kliem tas-Sinottiċi jixhed li l-istat tal-bniedem fid-“dinja l-oħra ikun mhux biss stat ta’ spiritwalizzazzjoni perfetta, imma wkoll ta’ “diviniżazzjoni” fondamentali tal-umanità tiegħu. “Ulied il-qawmien mill-imwiet” – bħal ma naqraw f’Luqa 20,36 – mhux biss “huma daqs l-anġli”, imma wkoll “ulied Alla”. Nistgħu naslu għall-konklużjoni li l-grad tal-ispiritwalizzazzjoni, propju tal-bniedem “eskatoloġiku”, ikollu s-sors tagħha fil-grad tad-“divinizzazzjoni” tiegħu, inkomparabilment superjuri għal dik li tistà tintlaħaq f’din il-ħajja terrena Hemm bżonn inżidu li hawn m’aħniex nitkellmu biss minn grad differenti, imma f’ċertu sens dwar ġeneru ieħor ta’ “divinizzazzjoni”. Il-parteċipazzjoni fin-natura divina, il-parteċipazzjoni fil-ħajja nterna ta’ Alla stess, penetrazzjoni u permeazzjoni ta’ dak li hu essenzjalment uman minn naħa ta’ dak li huwa essenzjalment divin, tilħaq allura l-quċċata tagħha, li għaliha l-ħajja tal-ispirtu uman tasal għal tali pjenezza, li qabel kienet assolutament inaċċessibbli.  Din l-ispirtwalizzazzjoni ġdida tkun mela frott tal-grazzja, jiġifieri tal-komunikazzjoni ta’ Alla, fid-divinità nnifisha tiegħu, mhux biss għar-ruħ, imma għas-soġġettività psikosomatika kollha tal-bniedem. Hawn qegħdin nitkellmu dwar is-“soġġettività” (u mhux biss tan-“natura”), għaliex dik id-divinizzazzjoni tiġi mifhuma mhux biss bħala “stat intern” tal-bniedem (jiġifieri tas-soġġett), kapaċi li jara lil Alla “wiċċ ‘imb wiċċ”, imma wkoll bħala formazzjoni ġdida tas-soġġettività personali kollha tal-bniedem bħala miżura tal-għaqda ma’ Alla  fil-misteru trinitarju tiegħu u tal-intimità miegħu fil-komunjoni perfetta tal-persuni. Din l-intimità – bl-intensità soġġettiva kollha tagħha – ma tassorbix is-soġġettività personali tal-bniedem, anzi, bil-maqlub, iġġegħlha tispikka b’daqs inkomparabilment ikbar u iktar mimlija.

4. Id-“divinizzazzjoni” fid-“dinja l-oħra”, indikata mill-kliem ta’ Kristu, iġġib lill-ispirtu uman tali “firxa ta’ espeerjenza” tal-verità u tal-imħabba li l-bniedem qatt ma kien ikun kapaċi jilħaq fil-ħajja terrena. Meta Kristu jitkellem dwar il-qawmien mill-imwiet, juri fl-istess ħin li ma’ din l-esperjenza eskatoloġika tal-verità u tal-imħabba,  magħquda mal-viżjoni ta’ Alla “wiċc ‘imb wiċċ, jieħu sehem ukoll, kif jistà hu, il-ġisem uman. Meta Kristu jgħid li dawk li jieħdu sehem fil-qawmien mill-imwiet futur “ma jiħdux mara u raġel” (Mk 12,25), kliemu – kif diġa kien osservat qabel – jiddikjara mhux biss it-tmiem tal-istorja terrena, marbuta maż-żwieġ u mal-prokrejazzjoni, imma donnu wkoll jispjega is-sinifikat il-ġdid tal-ġisem. Huwa forsi possibbli, f’dan il-każ, li wieħed jaħseb – f’livell ta’ eskatoloġija bibblika – għall-iskoperta tas-sinifikat “sponsali” tal-ġisem, speċjalment bħala sinifikat “verġinali” li jkun, in kwantu għall-ġisem, maskju u femmina? Biex inwieġbu għal din id-domanda, li toħroġ mill-kliem irrapportat mis-Sinittiċi, ikun tajjeb li nippenetraw iktar fil-fond fl-essenza stess ta’ dik li tkun il-viżjoni bejatifika tal-Esseri Divin, viżjoni ta’ Alla” wiċc ‘imb wiċċ” fil-ħajja futura. Hemm bżonn ukoll li nħallu lilna nfusna niġi ggwidati minn dik “il-firxa ta’ esperjenza” tal-verità u tal-imħabba, li taqbeż il-limiti tal-possibiltajiet konoxxittivi u spiritwali tal-bniedem fit-temporalità, u li tagħha huwa jsir parteċipi fid-“dinja l-oħra”.

5. Din l-“esperjenza eskatoloġika” tal-Alla l-Ħaj tikkonċentra fiha nfisha mhux biss l-enerġiji kollha spiritwali tal-bniedem, imma, fl-istess ħin, tiżvelalu, b’mod ħaj u sperimentali, il-“komunikazzjoni” ta’ Alla lill-ħolqien kollu u, b’mod partikolari, lill-bniedem; liema hu id-“donazzjoni” personali ta’ Alla, fl-istess divinità tiegħu, lill-bniedem: lil dak l-esseri, li sa mill-bidu jġorr fih l-immaġni u x-xebħ tieghU. Hekk, mela, fid-“dinja l-oħra” l-oġġett tal-“viżjoni” jkun dak il-misteru moħbi tal-eternità fil-Missier, misteru li fiż-żmien kien irrivelat fi Kristu biex jitwettaq bla ma’ jaqtà bl-opra tal-Ispirtu Santu; dak il-misteru jsir, jekk hekk jistà wieħed jesprimi ruħu, il-kontenut tal-esperjenza eskatoloġika u l-“forma” tal-eżistenza umana kollha fid-dimensjoni tad-“dinja l-oħra”.  Il-ħajja eterna tinftiehem f’sens eskatoloġiku, jiġifieri bħala esperjenza sħiha u perfetta ta’ dik il-grazzja (= charis) ta’ Alla, li tagħha l-bniedem isir parteċipi permezz tal-fidi matul il-ħajja terrena, u li minflok trid tkun irrivelata mhux biss lil dawk li se jipparteċipaw mid-“dinja l-oħra” fil-profondità penetranti tagħha, imma tkun ukoll sperimentata fir-rejaltà bejatifikanti tagħha.

Hawn nissospendu r-riflessjoni tagħna ċċentrata fuq il-kliem ta’ Kristu relattiv għall-qawmien futur mill-imwiet tal-iġsma. F’din l-“ispiritwalizzazzjoni” u “divinizzazzjoni”, li fiha l-bniedem se jipparteċipa fil-qawmien mill-imwiet, niskopru – f’dimensjoni eskatoloġika – l-istess karatteristiċi li kkwalifikaw is-sinifikat “sponsali” tal-ġisem; niskopruhom fil-laqgħa mal-misteru tal-Alla l-Ħaj, li jiżvela lilu nnifsu permezz tal-viżjoni tiegħu nnifsu “wiċċ ‘imb wiċċ”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: