68. Il-kliem ta’ Kristu dwar il-qawmien mill-imwiet itemmu r-rivelazzjoni tal-ġisem

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  16/12/1981.

1. “Fil-qawmien mill-imwiet… la jieħu mara u linqas raġel, imma jkun bħall-anġli fis-Sema” (Mt22,30; Mk 12,25). “…Ikunu daqs l-anġli u billi jkunu ulied il-qawmien mill-imwiet, ikunu wlied Alla” (Lq 20,36).

Il-komunjoni (“communio”) eskatoloġika tal-bniedem ma’ Alla, kostitwita grazzi għall-imħabba ta’ għaqda perfetta, tkun alimentata mill-viżjoni, “wiċċ ‘imb wiċċ”, tal-kontemplazzjoni ta’ dik il-komunjoni l-iktar perfetta, li hija l-komunjoni trinitarja tal-Persuni divini fl-unità tal-istess divinità.

2. Il-kliem ta’ Kristu rappurtat mill-Vanġeli sinottiċi, jippermettulna niddeduċu li l-pateċipanti tad-“dinja l-oħra” iżommu – f’din l-għaqda mal-Alla l-ħaj, li tirriżulta mill-viżjoni bejatifika tal-għaqda u l-komunjoni trinitarja tagħha – mhux biss is-soġġettività awtentika tagħhom, imma jakkwistawha f’miżura ferm iktar perfetta milli fil-ħajja terrena. F’dan tiġi wkoll konfermata l-liġi tal-ordni ntegrali tal-persuna, skont liema l-perfezzjoni tal-komunjoni mhux biss hija kkondizzjonata mill-perfezzjoni jew maturità spiritwali tas-suġġett, imma wkoll, meta jkun il-waqt, tiddeterminaha. Dawk li jieħdu sehem fid-“dinja futura”, jiġifieri fil-komunjoni perfetta mal-Alla l-ħaj, igawdu minn soġġettività perfettament matura. Jekk f’din is-soġġettività perfetta, minkejja li jżommu f’ġisimhom irxuxtat, jiġifieri glorjuż, il-maskulinità u l-femminilità, “ma jiħdux la mara u linqas raġel”, dan jispjega ruħu mhux biss bit-tmiem tal-istorja, imma wkoll – u speċjalment – bl-“awtentiċità  eskatoloġika” tat-tweġiba għal dik “il-komunikazzjoni” tas-Suġġett Divin, li jikkostitwixxi l-esperjenza bejatifikanti tar-rigal tiegħu nnifsu da parti ta’ Alla, assolutament superjuri għal kull esperjenza propja tal-ħajja terrena.

3. Ir-rigal reċiproku tiegħu nnifsu lil Alla – rigal li fih il-bniedem jikkonċentra biex jesprimi l-enerġiji kollha tal-propja soġġettività personali u fl-istess ħin psikosomatika – tkun it-tweġiba għar-rigal tiegħu nnifsu min-naħa ta’ Alla lill-bniedem (1). F’dan ir-rigal reċiproku tiegħu min-naħa tal-bniedem, rigal li jsir, sal-qiegħ nett u b’mod definittiv, bejatifikanti, bħala tweġiba denja ta’ suġġett personali għar-rigal tiegħu da parti ta’ Alla, il-“verġinità” jew pjuttost l-istat personali tal-ġisem, jimmanifesta ruħu għal kollox bħala twettiq eskatoloġiku tas-sinifikat “sponsali” tal-ġisem, bħala s-sinjal speċifiku u l-espressjoni awtentika tas-soġġettivita personali kollha. Hekk, mela, dik is-sitwazzjoni eskatoloġika, li fiha “la jieħdu mara u linqas raġel , għandha s-sies solidu fl-istat futur tas-soġġett personali, meta, wara l-viżjoni ta’ Alla “wiċċ ‘imb wiċċ”, titnissel fih imħabba ta’ tali profondità u qawwa ta’ konċentrazzjoni fuq Alla stess, li tasal li tassorbixxi kompletament is-soġġettività psikosomatika tiegħu kollha kemm hi.

4. Din il-konċentrazzjoni tal-għarfien (“viżjoni”) u tal-imħabba fuq Alla nnifsu – konċentrazzjoni li ma tistax tkun ħaġ’oħra għajr il-parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja nterna ta’ Alla, jiġifieri l-istess realtà Trinitarja – tkun fl-istess ħin l-iskoperta, f’Alla, tad-“dinja” kollha tar-relazzjonijiet, kostituttivi tal-ordni (“Kosmu”) perenni tiegħu. Tali konċentrazzjoni tkun b’mod speċjali ir-riskoperta tiegħu nnifsu da parti tal-bniedem, mhux biss fil-profondità tal-propja persuna, imma wkoll f’dik l-għaqda li hija propja tad-dinja tal-persuni fil-kostituzzjoni psikosomtika tagħhom Bla ebda dubju din hija għaqda ta’ komunjoni. Il-konċentrazzjoni tal-għarfien u tal-imħabba fuq Alla nnifsu fil-komunjoni trinitarja tal-Persuni tistà ssib tweġiba bejatifikanti f’dawk li se jsiru perteċipi tad-“dinja l-oħra”, biss permezz tat-twettiq tal-komunjoni reċiproka proporzjunata lil persuni maħluqa. U għal dan nipprofessaw il-fidi fil-“komunjoni tal-Qaddisin” (“communio sanctorum”) u nipprofessawha b’konnessjoni organika mal-fidi fil-“qawmien mill-imwiet tal-mejtin”. Il-kliem li bih Kristu jiddikjara li fid-“dinja l-oħra… ma nieħdu la mara u linqas raġel”, jinsab fil-bażi ta’ dawn il-kontenuti tal-fidi tagħna, u, fl-istess ħin, jinħtieġ interpretazzjoni adegwata appuntu fid-dawl tiegħu. Hemm bżonn naħsbu fir-realtà tad-“dinja l-oħra” fil-kategoriji tar-riskoperta ta’ soġgettivita perfetta ġdida ta’ kulħadd, u flimkien magħha tar-riskoperta  ta’  intersoġgettività perfetta ġdida tagħna lkoll. F’talimod, din ir-realtà tfisser it-tmiem veru u definittiv tas-soġġettività umana, u, fuq din il-bażi, it-tmiem definittiv tas-sinifikat “sponsali” tal-ġisem. Il-konċentrazzjoni totali tas-soġġettività maħluqa, mifdija u gglorifikata, fuq Alla nnifsu ma twarrabx lill-bniedem minn dan it-tmiem, anzi – għall-kuntrarju – tintroduċih u tikkonsolidah. Wieħed jistà jgħid, fl-aħħar, li hekk ir-realtà eskatoloġika ssir sors tal-attwazzjoni perfetta tal-“ordni trinitarju” fid-dinja maħluqa tal-persuni.

5. Il-kliem li bih Kristu jalludi għall-qawmien mill-imwiet futur – kliem ikkonfermat b’mod singulari bil-qawmien mill-imwiet tiegħu – itemmu dak li fir-riflessjonijiet preżenti is-soltu nsejħu “rivelazzjoni tal-ġisem”. Tali rivelazzjoni tippenetra f’ċertu sens fil-qalb stess tar-tealtà li nisperimentaw, u din ir-realtà hija b’mod speċjali l-bniedem, ġismu, il-ġisem tal-bniedem “storiku”. Fl-istess ħin, din ir-rivelazzjoni tippermettilna li ngħaddu l-isfera ta’ din l-esperjenza f’żewġ direzzjonijiet. L-ewwelnett, fid-direzzjoni ta’ dak il-“bidu”, li għalih Kristu jirreferi fid-djalogu tiegħu mal-Fariżej fir-rigward tal-indissolubiltà taż-żwieġ (cf. Mt 19,3-9); u fit-tieni post, fid-direzzjoni tad-“dinja l-oħra”, għal-liema l-Imgħallem jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu fil-preżenza tas-Saduċej, li “jiddikjaraw li mhemmx qawmien mill-imwiet” (Mt 22,23). Dawn iż-żewġ “estensjonijiet tal-isfera” tal-esperjenza tal-ġisem “jekk wieħed jistà jgħid hekk) mhux biss huma għal kollox irraġġjunġibli għall-fehim tagħna (ovvjament tejoloġiku) tal-ġisem. Dak li l-ġisem uman huwa fl-ambitu tal-esperjenza storika tal-bniedem, ma jiġix għal kollox maqtugħ minn dawk iż-żewġ dimensjonijiet tal-eżistenza tagħha, rivelati permezz tal-kelma ta’ Kristu.

6. Hija ħaġa ċara li hawn għandu x’jaqsam mhux tant il-“ġisem” fl-astratt, imma l-bniedem li huwa spiritwali u korporju flimkien. Waqt li nkomplu fiż-żewġ direzzjonijiet, indikati mill-kelma ta’ Kristu, u waqt li nerġgħu nintrabtu mal-esperjenza tal-ġisem fid-dimensjoni tal-eżistenza terrena tagħna (mela fid-dimensjoni storika), nistgħu nagħmlu ċerta rikostruzzjoni tejoloġika ta’ dak li setgħet kienet l-esperjenza tal-ġisem a bażi tal-“bidu” rivelat mill-bniedem, kif ukoll ta’ dak li huwa se jkun fid-dimensjoni tad-“dinja l-oħra”.  Il-possibiltà ta’ tali rikostruzzjoni, li twessà l-esperjenza tagħna tal-bniedem-ġisem, tindika almenu b’mod indirett, il-konsistenza tal-immaġni tejoloġika tal-bniedem f’dawn it-tliet dimensjonijiet, li flimkien jikkontribwixxu għall-kostituzzjoni tat-tejoloġija tal-ġisem.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >