Ċertifikat fil‑Ħarsien (Safeguarding) tat‑Tfal u ż‑Żgħażagħ

Print Friendly, PDF & Email

Il‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, flimkien mal‑Fakultà għat‑Tisħiħ tas‑Soċjetà u s‑Safeguarding Commission tal-Knisja f’Malta, qed tniedi Ċertifikat fil‑Ħarsien (Safeguarding) tat‑Tfal u ż‑Żgħażagħ li se jiftaħ f’Ottubru 2020. L‑applikazzjonijiet miftuħin.

Capture.PNGa

Iċ‑Ċertifikat hu fuq bażi part‑time (filgħaxija) u mifrux fuq żewġ semestri. Hu maħsub l‑aktar għal dawk involuti f’ħidma jew attività mat‑tfal u ż‑żgħażagħ, speċjalment fl‑oqsma tal‑volontarjat, edukazzjoni, pastorali, ħidma soċjali, katekeżi, sport u rikreazzjoni. Il-lectures se jsiru l-Università u online. L‑għanijiet tal‑kors huma:

  • li jintroduċi l‑parteċipanti għat‑temi prinċipali u l‑istandards dwar il‑ħarsien tat‑tfal u ż‑żgħażagħ;
  • li jagħti lill‑kandidati għarfien u ħiliet bażiċi biex jagħrfu u jirrispondu b’mod effettiv għas‑sinjali ta’ abbuż, u jifhmu l‑konsegwenzi koroh tal‑abbuż;
  • li jippreżenta lill‑parteċipanti l‑prinċipji fundamentali ta’ kura personali, kif ukoll l‑obbligi etiċi u legali relatati mal‑ħidma tat‑tfal u ż‑żgħażagħ.

Għal aktar informazzjoni jew biex tapplika, ċempel fuq 23402767 jew żur: www.um.edu.mt/courses/overview/UCSCUPTE‑2020‑1‑O.

Iċ‑Ċertifikat hu wieħed mill‑korsijiet li jikkwalifika għall‑iskema ta’ boroż ta’ studju offruti mill‑Fondazzjoni għall‑Istudji Teoloġiċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta lil min jixtieq ikompli l‑istudji tat‑teoloġija u l‑oqsma pastorali fil‑Fakultà tat‑Teoloġija.

Għas‑sena akkademika 2020‑2021, il‑Fondazzjoni qed toffri għaxar boroż, li se jitqassmu skont dawn il-kriterji:

  • boroż ta’ €300 għal min japplika għaċ-Ċertifikat fil‑Ħarsien tat‑Tfal u Żgħażagħ
  • boroż ta’ €800 għal min japplika għad-Diploma fl‑Istudji Reliġjużi
  • boroż ta’ €2,000 għal min japplika għall-Baċellerat fl‑Arti (bl‑Unuri) fit‑Teoloġija (part‑time), M.A. fl‑Istudji Reliġjużi, M.A. fit‑Teoloġija, M.A. fl‑Ispiritwalità jew M.A. fl‑Akkumpanjament Spirtwali.

L‑applikazzjonijiet għall‑boroż ta’ studju jagħlqu fl‑1 ta’ Ottubru 2020. Aktar dettalji dwar l‑iskema u l‑applikazzjoni jistgħu jinkisbu minn hawn.

%d bloggers like this: