Teologu tat-triq! Teologu tal-qalb!


Aktar mal-Mulej qiegħed jagħtini l-grazzja nikber fiż-żmien, u nittama fil-qdusija, għalkemm fuq dan il-punt aħjar li nħalli f’idejh jekk ma rridx li nispiċċa b’xi kanna għall-bqija tal-eternità tiegħi għax naħseb li wasalt meta, u fil-verità, inkun għadni lanqas bdejt, dan l-aħħar qed jagħtini mħabba kbira u mill-qalb għat-teoloġi tat-triq!

U min jaħbtu dawn it-teologi tat-triq? Le! Mhumiex dawk li ssibhom maqfula f’xi uffiċċju fl-università. Dejjem bil-kotba u bil-papers jiġru quddiemhom u li jridu jew ma jridux, ikollhom jippreżentaw ‘l hawn u ‘l hemm. Malta u lil hinn minnha! Inkella, bħalma ngħidu bil-Ingliż, publish or perish! Jiġifieri jew tippubblika inkella ma tibqax teżiżti aktar! Le le! It-teoloġi tat-triq ma ssibhomx f’dawk li jiflu kull kelma li kiteb bniedem ieħor bħalhom. Li mhux dejjem jaf jinterpreta ż-żminijiet. U li ġieli, miskin, hu wkoll jaf jitfixkel l-għaliex in-nar jaħsbu ilma inkella l-ilma jaħsbu n-nar. Min jaf, forsi dik il-biċċa kitba, hi kemm hi twila, u mżejna kemm hi mżejna bi kliem ivvintat, jaf kitibha fl-eqqel ta’ dagħdiegħa ta’ ġenn, disperazzjoni, frustrazzjoni jew anki l-għaliex ġietu l-muża wara raqda tajba tajba u ikla tajba wkoll. Le ħbieb!

It-teoloġi tat-triq m’humiex lanqas dawk li jekk ix-xitwa żgur se issibilhom il-heater fil-kamra u jekk fis-sajf l-aircondition li dejjem jagħti. U hekk ikollhom magħhom l-aktar elementi meħtieġa biex jirriflettu bir-reqqa dak li ġew mitluba jirriflettu. Għax dejjem fuqhom għandhom il-mannara tal-publish or perish! U allura dejjem imsieken se ssibhom fis-suq, fil-villaġġ u fid-dinja tal-kotba, tal-footnotes u l-papers! Jaħasra! Kieku l-vera akkademiċità hi biss dik! Kieku aqta’ kemm għandna akkademiċi! U kieku kemm hi faċli li tkun akkademiku! U, pjuttost, irħisa wkoll!

Dan ma jfissirx li m’hawnx min hu teologu, fil-veru sens tal-kelma tafux, u għandu naqra minn din id-dinja li għadna kemm semmejna. Biss, l-esperjenza mal-Poplu tal-Mulej, il-ħin kollu tgħallimni li l-veru teologu mhuwiex le dak taċ-ċertifikati! Lanqas m’huwa dak li jaf jikteb paper u jagħmel il-footnotes eżatti skont xi sistema ta’ footnotes li ivvintaw xi talin u issa saret standard. It-teologu m’huwiex dak li jaf ħafna x’qalu teologi oħra. U kemm kotba kitbu. U x’paġni u paragrafi wieħed għandu jiftakar minnhom! Li kieku kien hekk veru t-teoloġija Nisranija falluta! Għax, u din irridu ngħiduha b’idejna fuq qalbna, għax, quddiem il-beraħ tas-sema li naraw quddiemna diġà għandna togħma tal-infinità bla tarf ta’ għerf il-Mulej, min minna tassew li għandu l-lussu li jqatta’ ħajtu jistudja u tistudja? U dan ma tridx tkun xi raġel jew mara tal-familja biss tafux biex dan ma tweqqtux jew inkella ma jħallukx twettqu? L-esperjenza l-ħin kollu tgħallimni li dan kapaċi tkun patri, soru jew qassis li tant kemm ikollok qalbek taħraq għall-Mulej fil-poplu tiegħu, u tkun ġeneruż u ġeneruża miegħU, li qalbek ma ttikx le tħalli l-poplu tiegħu jitlaq għal rieħu biex int tfittex titpaxxa minn fuq dahru! U, għax qalbek tassew toħroġ għall-Mulej fil-poplu tiegħu, int tagħżel, li tħobb lil Sidek fin-nies mhux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa (1 Ġw 3:18). Għalhekk mela tagħżel, b’kuxjenza ċerta, li tindukrah, takkumpanjah, u, fuq kollox, li titgħallem miegħu u tħallih jgħallmek!

U hawn, personalment, inneħħi bl-akbar qima u rispett il-kappell ta’ min hu veru teologu mhux għax ħasel illawrja għax tawh opportunità li jispeċjalizza b’lawrja (u ġieli għas-skapitu ta’ ħaddieħor li kien kapaċi xorta waħda) imma l-għaliex miftuħ għall-qalb tal-Mulej! Għax, u minkejja x-xogħol tal-kotba u l-papers, għandu l-umiltà li jsib il-ħin li jitgħallem mill-poplu ta’ Alla. Ħalli jikber miegħu kif imiss! U kif inhu xieraq! U Hawn nara l-ġmiel veru ta’ xi jfisser tkun teologu, it-teologu tat-triq! U t-teologu tal-qalb!
Għax min hu tassew teologu u teologa? Żgur mhux min sempliċiment jikkuntrasta xi sistema ta’ ħsieb fuq il-Mulej ta’ awtur ma’ ieħor. Jew inkella li jseħħlu joħroġ għad-dawl id-diversi saffi ta’ żvilupp ta’ ħsieb li seħħu fil-ħajja ta’ dak it-teologu tal-kotba. Wara kollox, kull teologu, il-veru teologu, għandu bagalja xi jġorr: dik tal-esperjenza tiegħu tal-Mulej f’ħajtu. Iva! F’ħajtu, nerġa’ ngħidlek. U ħajtu mqallba! Hi kif inhi! Ħajtu, li ġieli, bħalma jkollha ħajti u ħajtek, jaf ikollha l-burduri griżi. Ħajtu jaf ma ssibx le dak is-serħan li abbli għandek int! Li m’għandekx lawrja. U li dan is-serħan hu jew hi seħħlu u seħħilha jiksbu u tiksbu tassew meta ltaqa’ u iltaqgħet mal-Għerf! L-Għerf fih innifsu! L-Għerf li sar bniedem bħalna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu!

Mela, it-teologi li qed nitħaddet fuqhom hi l-mara tad-dar, ir-raġel tal-familja, iż-żgħażugħ u ż-żgħażugħa li qed jaħdmu jew jistudjaw, ix-xiħ u x-xiħa waħedhom jew imdawra bil-familja, il-qassis li ma jieqafx jaqdi lin-nies tal-parroċċa tiegħu anki meta jiġuhx fil-ħin tal-uffiċċju, il-patri li dejjem issibu hemm ħa jaqdi u mhux biex jaqduh u hekk jispiċċa kemm se jitpaxxa, u, fl-aħħar nett, is-soru li tissallab u aqta’ kemm tigdem ilsienha basta iġġib l-għaqda fi ħdan il-komunità tagħha li mejta biex tinfired. Kos hux! Jafu dawn ma jgawdux mill-benefiċċji tat-teoloġi tal-karta inkella taċ-ċertifikat. U lanqas ma dawn it-teoloġi xi darba se tarahom jxiddu t-toga u l-berettin fiċ-ċerimonji. Iżda, dawn it-teoloġi qalbiena, li ma jafux il-kelma le imma l-IVA tas-servizz, għamlu tagħhom sentenza ferm tajba u li qal Ġesù. Jiġifieri dik is-sentenza li tifred u tagħmel għażla perfetta, mingħajr l-ebda ċans ta’ appell għad-deċiżjoni li tkun ħadet hi stess la hi l-verità, bejn min hu tabilħaqq teologu u min jistudja t-teoloġija.

U hawn hi s-sentenza tas-sentenzi ħbieb: Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma (Ġw 9:39). Issa, din is-sentenza, ma ħarġitx minn fomm bħall-oħrajn tafux. Minn xi fomm ċarlatan li jara kemm se jimpressjona aktar kemm għandu cameras tat-televiżjoni iċċentrati fuqu! Le ħbieb! Din is-sentenza ħarġet minn fomm Dak li qal: Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja (Ġw 8:12). U x’qed jifhem meta qed jgħid li hu d-dawl? Hekk jfissrilna San Ġwann fil-ftuħ tal-Vanġelu tiegħu: Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux (Ġw 1:3-5).

Mela, id-dawl li qed nitħaddtu dwaru mhuwiex id-dawl elettriku. Inkella dak ta’ xi torċ jew dawl tal-mobile. Le ħbieb! Dan id-dawl mhuwiex bħal kull dawl ieħor li jġagħlek tirregolah. Dan ID-DAWL huwa hu: Ġesù Kristu! Li, mingħajru, wieħed jagħma! Għax, dan ID-DAWL huwa l-Verità! Għalhekk, quddiem Pilatu, Hu qal: Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni (Ġw 18:37). Għax leħnU hu l-verità. Dik il-verità li għaliha, fil-vanġelu skont San Ġwann, insibu miktub hekk: U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità (Ġw 1:14). U, aktar ‘l isfel, fl-istess introduzzjoni tal-istess vanġelu, li hi meħuda minn innu qadim li kienu jkantaw l-Insara tal-bidu, nsibu hekk: Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier (Ġw 1:17-18).

Sabiħa nkun teologu tat-triq! Teologu tal-qalb! Anzi! Għandi nitolbu jagħmilni teologu tat-triq u teologu tal-qalb! Għax, meta nemmnU, meta nafdaH, meta ma nirraġunax miegħU imma nintelaq f’idejH, jien veru teologu u teologa! Mhux li kien jaħasra li, ibda’ minn dan ir-Randan, nagħmel eżattament bħal Samuel: Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn (1 Sam 3:19).
U biex tridni nikber? Billi ngħidlu, minn qalbi, mal-appostli: Kattar fina l-fidi (Lq 17:5). Għax aħjar ma nafx x’jiġrili milli tiġi applikata fuqi l-kelma ta’ Ġesù: Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma (Ġw 9:39). U dan kollu biex ma numiljax ruħi li anki tifel żgħir jista’ jiftaħli għajnejja u bih il-Mulej jikkonvertini!

Kemm hu sabiħ hu li tkun teologu tal-qalb! Teologu tat-triq!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.