100. L-Indissolubiltà tas-Sagrament taż-Żwieġ fil-Misteru tar-Redenzjoni tal-Ġisem

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  27/10/1982.

1. It-test tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-33) jitkellem dwar is-sagramenti tal-Knisja – b’mod partikolari dwar il-Magħmudija u dwar l-Ewkaristija – imma biss b’mod indirett u f’ċertu sens suġġestiv, waqt li jiżviluppa l-analoġija taż-żwieg b’referenza għall-Kristu u l-Knisja.

U hekk naqraw minn qabel li Kristu, li “ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25),  għamel dan “biex jirrendiha qaddisa waqt li jippurifikaha permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma” (Ef 5, 26). Hawn bla ebda dubju ta’ xejn għandu x’jaqsam is-sagrament tal-Magħmudija, li, bl-istituzzjoni ta’ Kristu jiġi sa mill-bidu mogħti lil dawk li jikkonvertu. Il-kliem ikkwotat juri bi plastiċità kbira b’liema mod il-Magħmudija tikseb is-sinifikat essenzjali tagħha u l-qawwa sagramentali tagħha minn dik l-imħabba sponsali tad-Redentur, permezz ta’ liema tikkostitwixxi ruħha speċjalment is-sagramentalità tal-Knisja nnifisha, “sacramentum magnum”. L-istess forsi nistgħu ngħidu wkoll dwar l-Ewkaristija  li donnha tidher indikata mill-kliem li ġej fuq iż-żwieġ tal-propju ġisem, li appuntu kull bniedem jitma u jikkura “bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għaliex aħna membri ta’ ġismu” (Ef5, 29-30). Infatti, Kristu jitma l-Knisja b’ġismu appuntu fl-Ewkaristija.

2. Madankollu wieħed jistà jara li la fl-ewwel u linqas fit-tieni każ ma nistgħu nitkellmu dwar sagramentarja żviluppata b’mod wiesà. Lanqas ma nistgħu nitkellmu meta jkollu x’jaqsam is-sagrament taż-żwieġ bħala wieħed mis-sagramenti tal-Knisja. L-ittra lill-Efesin, waqt li tesprimi ir-rapport sponsali ta’ Kristu mal-Knisja, tippermetti li nifhmu li, a bażi ta’ dan ir-rapport, il-Knisja nfisha hija s-“sagrament il-kbir”, is-sinjal il-ġdid tal-allejanza u tal-grazzja, li jiksbu l-għeruq tagħhom mill-profondità tas-sagrament tar-Redenzjoni, hekk bħalma mill-profondità tas-sagrament tal-ħolqien ħareġ iż-żwieġ, sinjal primordjali tal-allejanza u tal-grazzja.  L-Awtur tal-ittra lill-Efesin jpproklama li dak is-sagrament primordjali jitwettaq b’mod ġdid fis-“sagrament” ta’ Kristu u tal-Knisja. Ukoll għal din ir-raġuni l-Appostlu, fl-istess test “klassiku” lill-Efesin 5, 21-33, idur fuq il-miżżewġin, sabiex ikunu “sottomessi lejn xulxin fil-biżà ta’ Kristu (Ef 5, 21) u jfasslu ħajjithom miżżewġa billi jibnuha fuq is-sagrament istitwit fil-“bidu” mill-Ħallieq: sagrament, li sab il-kobor u l-qdusija definittiva tiegħu fl-allejanza sponsali ta’ grazzja bejn Kristu u l-Knisja.

3. Għalkemm l-ittra lill-Efesin, ma titkellimx b’mod dirett u immedjat dwar iż-żwieġ  bħala wieħed mis-sagramenti tal-Knisja, madankollu is-sagramentalità taż-żwieġ tiġi fiha b’mod partikolari ikkonfermata u approfondita.  Fis-“sagrament il-kbir” ta’ Kristu u l-Knisja l-miżżewġin insara huma msejħa biex ifasslu l-vokazzjoni tagħhom fuq is-sies sagramentali.

4. Wara l-analiżi tat-test klassiku ta’ Efesin 5, 21-33, indirizzat lill-miżżewġin insara, li fih Pawlu jħabbrilhom il-“misteru l-kbir” (“sacramentum magnum”) tal-imħabba sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja,  ikun opportun li nerġgħu lura għal dak il-kliem sinifikattiv tal-Vanġelu, li diġa qabel issottomettejna għal analiżi, waqt li rajna fih l-espressjonijiet-ewlenin għat-tejoloġija tal-ġisem. Kristu jippronunzja dan il-kliem, biex ngħidu hekk, mill-profondità divina tal-“fidwa tal-ġisem” (Rm 8, 23). Dan il-kliem kollu għandu sinifikat fondamentali għall-bniedem appuntu minħabba li huwa huwa ġisem – minħabba li huwa maskju jew femmina. Huwa għandu sinifikat għaż-żwieġ, li fih ir-raġel u l-mara jingħaqdu hekk li jsiru “ġisem wieħed”, skont l-espressjoni tal-ktieb tal- Ġenesi (Ġen 2, 24), għalkemm, fl-istess ħin, il-kliem ta’ Kristu jindika wkoll il-vokazzjoni għar-rażan “għas-saltna tas-smewwiet” (Mt 19, 12).

5. F’kull waħda minn dawn it-toroq “il-fidwa tal-ġisem” mhix biss stennija kbira ta’ dawk li jippossiedu “il-frott bikri tal-Ispirtu” (Rm 8, 23), imma wkoll sors permanenti ta’ tama li l-ħolqien se jkun “meħlus mill-iskjavitù tal-korruzzjoni, biex jidħol fil-libertà tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rm 8, 21). Il-kliem ta’ Kristu ppronunzjat mill-profondita divina tal-misteru tar-Redenzjoni, u tal-“fidwa tal-ġisem”, iħossu fihom il-ħmira ta’ din it-tama: jiftħulha l-prospettiva kemm fid-dimensjoni eskatoloġika kif ukoll fid-dimensjoni tal-ħajja ta’ kuljum. Infatti, il-kliem indirizzat lis-semmiegħa mmedjati huwa ndirizzat fl-istess ħin lill-bniedem “storiku” taż-żminijiet u postijiet differenti. Dak il-bniedem, appuntu, li jippossiedi “il-frott bikri tal-Ispirtu . . . jokrob . . . waqt li jistenna l-fidwa tal-. . . ġisem” (Rm 8, 23). Fih tinġemgħa wkoll t-tama “kożmika” tal-ħolqien kollu, li fih, fil-bniedem, “tistenna bla sabar ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rm 8, 19).

6. Kristu jiddjaloga mal-Fariżej, li jistaqsuh: “Huwa leċitu li raġel jiċħad lil martu propja għall-kwalunkwè raġuni?” (Mt 19, 3); Huma jistaqsuh b’tali mod, appuntu għaliex il-liġi attribwita lil Mosè kienet tammetti l-hekk imsejħa “ittra tar-ripudju” (Dt 24, 1). It-tweġiba ta’ Kristu hija din: “Ma qrajtux li l-Ħallieq sa mill-bidu ħalaqhom maskju u femmina u qal: Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed? Hekk li ma jibqgħux tnejn, imma ġisem wieħed. Dak mela li Alla għaqqad, il-bniedem m’għandux jisseparah” (Mt 19, 4-6). Jekk imbagħad għandha x’taqsam l-“ittra tar-ripudju”, Kristu jwieġeb hekk: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom Mosè ppermettilkom li tiċħdu lin-nisa tagħkom, imma fil-bidu ma kienx hekk. Għalhekk jiena ngħidilkom: kull min jiċħad lil martu propja, jekk mhux fil-każ ta’ konkubinaġġ, u jiżżewweġ oħra, jikkummetti adulterju” (Mt19, 8-9). “Min jiżżewweġ mara miċħuda minn żewġha, jikkummetti adulterju” (Lc 16, 28).

7. L-orizzont tal-“fidwa tal-ġisem” jiftaħ b’dawn il-kelmiet, li jikkostitwixxu t-tweġiba għal domanda konkreta ta’ karattru ġuridiku-morali: jiftaħ, qabel kollox, minħabba l-fatt li Kristu jqiegħed lilu nnifsu fuq il-pjan ta’ dak is-sagrament primordjali,  li l-interlokoturi tiegħu jirtu b’mod singolari, minħabba li jirtu wkoll r-rivelazzjoni tal-misteru tal-ħolqien, miġbur fl-ewwel kapitoli tal-ktieb tal-Ġenesi..

Dawn il-kliem fihom fl-istess ħin tweġiba universali, indirizzata lill-bniedem “storiku” taż-żmenijiet u l-postijiet kollha, għaliex huma deċiżivi għaż-żwieġ u għall-indissolubiltà tiegħu; infatti huma jfakkru dak li huwa l-bniedem, maskju u femmina, dak li sar b’mod irriversibbli minħabba l-fatt li sar “bi xbiha u xebħ ta’ Alla”:  il-bniedem, li ma jiqafx ikun hekk ukoll wara d-dnub tan-nisel, għalkemm dan ċaħħdu mill-innoċenza oriġinarja u mill-ġustizzja.  Kristu li fit-tweġiba għad-domanda tal-Fariżej jagħmel referenza għall-“bidu”, donnu b’tali mod jenfasizza b’mod partikolari il-fatt li huwa jitkellem dwar il-profondità tal-misteru tar-Redenzjoni, u tal-fidwa tal-ġisem. Ir-Redenzjoni infatti, tfisser kważi ħolqien ġdid” – tfisser l-assunzjoni ta’ dak kollu li huwa maħluq:  biex tesprimi fil-ħolqien il-milja ta’ ġustizzja, ta’ ugwaljanza u ta’ qdusija,  ippjanata minn Alla, u biex tesprimi dik il-milja speċjalment fil-bniedem, maħluq bħala maskju u femmina “xbiha ta’ Alla”.

Fil-prospettiva tal-kliem ta’ Kristu ndirizzat lill-Fariżej dwar dak li kien iż-żwieġ “sa mill-bidu”, nerġgħu naqraw ukoll it-test klassiku tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-23) bħala xhieda tas-sagramentalità taż-żwieġ, ibbażatha fuq il-“misteru l-kbir” ta’ Kristu u tal-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb