85. Mhux id-“dinja” hija d-destin etern tal-bniedem, imma s-Saltna ta’ Alla

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  14/07/1982.

1. Matul l-konsiderazzjonijiet tagħna preċedenti, waqt li analizzajna s-sebà kapitolu tal-ewwel ittra lill-Korintin, fittixna li nilqgħu u nifhmu t-tagħlim u l-pariri, li San Pawl jagħti lid-desrtinatarji tal-Ittra tiegħu dwar il-kwestjonijiet li jirrigwardaw iż-żwieġ u r-rażan volontarju (jew aħjar l-astensjoni miż-żwieġ).

Waqt li ddikkjara li min jagħżel iż-żwieġ “jagħmel sewwa” u li min jagħżel il-verġinità “jagħmel aħjar”, l-Appostlu jagħmel referenza għall-għabex tad-dinja – jew aħjar għal dak kollu li huwa temporali.

Huwa faċli li tirrejalizza li l-mottiv tal-għabex u tat-tendenza ta’ dak li huwa temporali, jitkellem f’dan il-każ, b’qawwa ferm ikbar u  milli r-referenza għar-rejaltà tad-“dinja l-oħra”. Għalkemm l-Appostlu hawn jesprimi ruħu mhux bla diffikultà, nistgħu madankollu, naqblu li fis-sies tal-interpretazzjoni pawlina tat-tema “żwieġ- verġinità” tinsab mhux tant l-istess metafiżika tal-esseri aċcidentali, (mela passiġġier), daqskemm pjuttost it-tejoloġija ta’ stennija kbira, li tagħha Pawlu kien kampjun ferventi. Mhux id-“dinja” hija d-destin etern tal-bniedem, imma s-Saltna ta’Alla. Il-bniedem ma jistax jintrabat iżżejjed mal-ġid li jaqbel mad-dinja li tgħaddi.

2. Ukoll iż-żwieġ huwa marbut max-“xena ta’ din id-dinja”, li tgħaddi; u hawn ninsabu, f’ċertu sens, ferm qrib għall-prospettiva miftuħa ta’ Kristu fl-espressjoni tiegħu dwar il-qawmien mill-imwiet futur  (cf. Mt 22, 23-32; Mk 12, 18-27; Lq 20, 27-40). Għalhekk in-nisrani, skont it-tagħlim ta’ Pawlu, għandu jgħix iż-żwieġ mill-punt di vista tal-vokazzjoni definittiva tiegħu. U waqt li ż-żwieġ huwa marbut max-xena ta’ din id-dinja li tgħaddi u allura jimponi, f’ċertu sens, il-bżonn li “jingħalaq” f’dan il-għabex, l-astensjoni miż-żwieġ, għall-kuntrarju, nistgħu ngħidu tehles minn tali bżonn.  Propju minħabba f’dan l-Appostlu jiddikjara li “jagħmelaħjar” dak li jagħżel ir-rażan. Għalkemm l-argumentazzjoni tiegħu tkompli fuq tali triq, madankollu huwa jqiegħed b’mod deċiż fuq quddiem nett (bħal ma diġa rajna) speċjalment il-problema  ta’ li “togħġob lill-Mulej” u tal-“preokkupazzjoni tal-ħwejjeġ tal-Mulej”.

3. Nistgħu nammettu li l-istess raġunijiet jitkellmu favur dak li l-Appostlu jirrakkomanda lin-nisa li sfaw romol: “Il-mara miżżewġa hija marbuta għaż-żmien kollu li fih jgħix żewġha: imma jekk żewġha jmut tkun libera li tiżżewweġ lil min trid, basta dan isir fil-Mulej. Imma jekk tibqà hekk skont il-parir tiegħi, ikun aħjar; infatti nemmen li wkoll jien għandi l-Ispirtu ta’ Alla” (1 Kor 7, 39-40). Mela: ibqà fir-romol tiegħek pjuttost milli tintrabat fi żwieġ ġdid.

4. Permezz ta’ dan li niskopru b’qari għaqli tal-ewwel ittra lill-Korintin (speċjalment tas-sebà kapitolu), jiżvela ruħu r-rejaliżmu kollu tat-tejoloġija pawlina tal-ġisem. Jekk l-Appostlu fl-ittra jipproklama li “il-ġisem tiegħek huwa tempju tal-Ispirtu Santu li jinsab fik (1 Kor 6, 19), fl-istess ħin huwa huwa konxju għal kollox tad-debbollezza u tal-pekkaminożità għal-liema l-bniedem huwa soġġett, propju minħabba l-konkupixxenza tal-ġisem.

Madankollu, tali koxjenza ma’ ċċajpar bl-ebda mod r-rejaltà tar-rigal ta’ Alla, li jiġi pparteċipat sija minn dawk li jastjenu miż-żwieġ, kif ukoll minn dawk li jieħdu mara jew raġel. Fis-sebà kapitolu tal-ewwel ittra lill-Korintin insibu nkuraġġiment ċar għall-astensjoni miż-żwieġ, il-konvinzjoni li “jagħmel aħjar” dak li jiddeċiedi favurha; imma bdanakollu, ma nsibu ebda bażi biex nikkunsidraw lil dawk li jgħixu fiż-żwieġ bħala “karnali”, u għal-kuntrarju dawk li, minħabba mottivi reliġjużi, jagħżlu r-rażan bħala “spiritwali”. Infatti, fil-mod u fl-ieħor li tgħix – ngħidu llum fil-vokazzjoni l-waħda u fl-oħra – jaħdem dak ir-“rigal” li kull wieħed jirċievi mingħand Alla, jiġifieri l-grazzja, li tagħmel iva li l-ġisem ikun “tempju tal-Ispirtu Santu” u hekk jibqà, hekk fil-verġinità (fir-rażan) kif ukoll fiż-żwieġ, jekk il-bniedem jibqà fidil lejn id-don propju u skont l-istat tiegħu, jew aħjar għall-vokazzjoni tiegħu, ma “jiddiżonerax” dan “it-tempju tal-Ispirtu Santu”, li  huwa ġismu.

5. Fit-tagħlim ta’ Pawlu, miġbur speċjalment fis-7 kapitolu tal-ewwel ittra lill-Korintin, ma nsibu ebda premessa għal dak li iktar tard jiġi msejjah “manikeiżmu”. L-Appostlu huwa konxju għal kollox li – għalkemm ir-rażan għas-Saltna ta’ Alla jibqà dejjem dehen ta’ rakkomandazzjoni – fl-istess ħin il-grazzja, jiġifieri “il-propju don ta’ Alla”, tgħin ukoll lill-għarajjes f’dik il-konvivenza, li fiha (skont il-kliem tal-Ġenesi 2, 24) huma huma hekk strettament magħqudin li jsiru “ġisem wieħed”.  Din il-konvivenza karnali  hija mela sottomessa għall-qawwa tad-“don propju ta’ Alla” tagħhom. L-Appostlu jikteb bl-istess rejaliżmu, li jikkaratterizza r-raġunament kollu tiegħu fir-7 kapitolu ta’ din l-ittra: “Ir-raġel iwettaq dmiru lejn martu; ugwalment ukoll il-mara lejn żewġha. Il-mara mhijiex arbitru ta’ ġisimha, imma ta’ dan huwa żewġha: bl-istess mod ukoll ir-raġel mhux arbitru ta’ ġismu, imma ta’ dan hija martu” (1 Kor 3-4).

6. Wieħed jistà jgħid li dawn il-formulazzjonijiet huma kumment ċar, da parti tat-Testment il-Ġdid, għall-kliem li għadna kemm semmejna rrikordjat fil-ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 24). Madankollu, il-kliem hawn użat, b’mod partikulari l-espressjonijiet “dmir” u “mhux arbitru (arbitra)”, ma jistgħux ikunu spjegati billi toħroġhom mid-dimensjoni ġusta tal-allejanza matrimonjali, hekk bħal ma fittixna li niċcarawh waqt li għamilna l-analiżi tat-testi tal-ktieb tal-Ġenesi; infittxu li nagħmluh mill-ġdid b’mod iktar komplet, meta nitkellmu dwar is-sagramentalità taż-żwieġ a bażi tal-ittra lill-Efesin (cf. Ef 5, 22-33). Meta jkun il-waqt, ikollna nerġgħu lura għal dawn l-espressjonijiet sinifikattivi, li mill-vokabularju ta’ San Pawl għaddew fit-tejoloġija kollha taż-żwieġ.

7. Għalissa nkomplu nitfgħu l-attenzjoni tagħna għas-sentenzi l-oħra tal-istess silta tas-7 kapitolu tal-ewwel ittra lill-Korintin, li fiha l-Appostlu jindirizza lill-għarajjes il-kliem li ġej: “La tastjenux minn xulxin jekk mhux bi ftehim komuni u temporanjament, biex tiddedikaw ruħkom għat-talb, u mbagħad erġgħu lura biex tkunu flimkien, għaliex satana ma jittentakomx fil-waqtiet tal-passjoni. Dan però ngħidulkom b’konċessjoni, mhux bi kmand (1 Kor 7, 5-6). Hija silta tassew sinifikattiva, għal-liema forsi jkollna nerġgħu nagħmlu referenza fil-kuntest tal-meditazzjonijiet fuq it-temi l-oħra. 

Huwa tassew sinifikattiv il-fatt li l-Appostlu li, tul l-argumentazzjoni kollha tiegħu dwar iż-żwieġ u r-rażan, jagħmel, bħal Kristu, distinzjoni ċara bejn il-kmandament u l-parir evanġeliku, iħoss il-bżonn li jirreferi wkoll għall-“konċessjoni”, bħallikieku għar-regola supplimentari u dan propju speċjalment b’riferiment għall-miżżewġin u għall-konvivenza reċiproka tagħhom. San Pawl jgħid ċarament li kemm il-konvivenza konjugali, kif ukoll l-astensjoni voluntarja u perjodika tal-miżżewġin trid tkun frott ta’ dan “id-don ta’ Alla” li huwa “propju” tagħhom, u li, waqt li jikkoperaw konxjament miegħu, l-istess miżżewġin jistgħu jżommu u jqawwu dik ir-rabta reċiproka personali u magħha dik id-dinjità li l-fatt li jkunu “tempju tal-Ispirtu Santu li jinsab fihom”  (cf.1 Cor 6, 19) jagħti lil ġisimhom.

8.Donnu li r-regola pawlina ta’ “koċessjoni” tindika l-bżonn li nikkonsidraw dak kollu li, b’xi mod, jikkorrispondi mas-soġġettività, hekk differenzjata tar-raġel u tal-mara. Dak kollu li, f’din is-soġġettività, huwa minn qaddisu mhux biss spiritwali imma wkoll psiko-somatiku, l-għana kollha soġġettiva tal-bniedem, li, bejn l-esseri spiritwali tiegħu u dak korporali, jesprimi ruħu fis-sensibiltà speċifika kemm għar-raġel kif ukoll għall-mara – dan kollu jrid jibqà taħt l-influss tar-rigal li kull wieħed minna jirċievi mingħand Alla, rigal li huwa propju tiegħu.

Kif wieħed jara, San Pawl fil-kapitolu 7 tal-ewwel ittra lill-Korintin jinterpreta t-tagħlim ta’ Kristu dwar ir-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet b’dak il-mod, pastorali ħafna, li huwa propju tiegħu, waqt li f’din l-okkażjoni ma jħallix barra aċcenti għal kollox personali. Huwa jinterpreta t-tagħlim dwar ir-rażan, dwar il-verġinità, b’mod parallelu mad-duttrina dwar iż-żwieġ, waqt li jikkonserva r-realiżmu propju ta’ ragħaj u, fl-istess ħin, il-proporzjonijiet li nsibu fil-Vanġelu, fil-kliem ta’ Kristu nnifsu.

9. Fl-espressjoni ta’ Pawlu tistà ssib dik l-istruttura fondamentali sinsla tad-duttrina rivelata dwar il-bniedem, li wkoll b’ġismu huwa ddestinat għall-“ħajja futura”. Din l-istruttura sinsla tinsab fil-bażi tat-tagħlim kollu evanġeliku dwar ir-rażan għas-Saltna ta’ Alla (cf. Mt 19, 12) – imma fl-istess ħin tqiegħed fuqha wkoll il-twettiq (eskatoloġiku) definittiv tad-duttrina evanġelika rigward iż-żwieġ (cf. Mt 22, 30; Mk12, 25; Lq 20, 36). Dawn iż-żewġ dimensjonijiet tal-vokazzjoni umana ma jopponux lil xulxin, imma huma komplimentari. It-tnejn li huma jfornu tweġiba sħiħa għall-waħda mid-domandi fundamentali tal-bniedem: għad-domanda dwar is-sinifikat li “tkun ġisem”, u allura dwar is-sinifikat tal-maskulinità u tal-femminilità, li tkun “fil-ġisem” raġel jew mara.

10. Dan li hawn is-soltu niddefenixxu bħala tejoloġija tal-ġisem tidher bħal xi ħaġa tassew fundamentali u kostituttiva għall-ermenewtika antropoloġika kollha – u fl-istess ħin ugwalment fundamentali għall-etika u għat-tejoloġija tal-ethos uman. F’kull wieħed minn dawn l-oqsma hemm bżonn nisimgħu b’attenzjoni mhux biss il-kliem ta’ Kristu, li fihom huwa jfakkar “il-bidu” (Mt 19, 4) jew il-“qalb” bħala post intern u fl-istess ħin “storiku” tal-laqgħa mal-konkupixxenza(cf. Mt 5, 28) tal-ġisem – imma jinħtieġ li nisimgħu b’attenzjoni wkoll il-kliem, permezz ta’ liema Kristu fakkar il-qawmien mill-imwiet sabiex jiżra fl-istess qalb xejn kwieta tal-bniedem l-ewwel żerriegħa tat-tweġiba għad-domanda dwar is-sinifikat li tkun “ġisen” fil-prospettiva tad-“dinja l-oħra”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >