86. Il-misteru tal-fidwa tal-ġisem

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  21/07/1982.

1. “Ukoll aħna ma nippossedux il-frott bikri tal-Ispirtu, nokorbu internament, waqt li nistennew . . . “il-fidwa ta’ ġisimna” (Rm 8, 23). San Pawl fl-ittra lir-Rumani jara din “il-fidwa tal-Gisem” f’dimensjoni antropoloġika u fl-istess ħin kożmika . . . Il-ħolqien “infatti kien sottomess għall-mortalità” (Rm 8, 20).

Il-ħolqien kollu viżibbli, l-univers kollu jġorr fuqu nnifsu l-effetti tad-dnub tal-bniedem. “Il-ħolqien kollu jokrob u jbati sal-lum fl-uġigħ tal-ħlas” (Rm 8, 22). U fl-istess ħin il-“ħolqien kollu”. . . jistenna bla sabar ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” u “jsostni t-tama li jkun hu wkoll meħlus mill-iskjavitù tal-korruzzjoni, sabiex jidħol fil-libertà tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rm 8, 19.20-21).

2. Il-fidwa tal-ġisem hija, skont San Pawl, oġġett tat-tama. Din it-tama kienet imlaqqma f’qalb il-bniedem f’ċertu sens minnufih wara l-ewwel dnub. Biżżejjed niftakru fil-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi, li jiġi definit tradizzjonalment bħala il-“proto-vanġelu” (cf. Gen 3, 15) u allura, nistgħu ngħidu, bħala il-bidu tal-Bxara t-Tajba, l-eweel tħabbira tal-fidwa. Il-fidwa tal-ġisem tintrabat, skont il-kliem tal-ittra lir-Rumani, propju ma’ din it-tama, li fiha – bħal ma naqraw – “aħna ġejna mifdijin” (Rm 8, 24). Permezz tat-tama, li tmur lura għall-bidu stess tal-bniedem, il-fidwa tal-ġisem għandha d-dimensjoni antropoloġika tagħha: hija s-salvazzjoni tal-bniedem. Fl-istess ħin hija titfà raġġi, f’ċertu sens, fuq il-ħolqien kollu, li sa mill-bidunett kienet marbuta b’mod partikolari mal-bniedem u subordinata għalih (cf. Ġen 1, 28-30). Il-fidwa tal-ġisem hija, mela, il-fidwa tad-dinja: għandha dimensjoni kożmika.

3. Waqt li fl-ittra lir-Rumani jippreżenta l-immaġni “kożmika” tal-fidwa, Pawlu ta’ Tarsu jqiegħed fiċ-ċentru tagħha stess il-bniedem, hekk bħalma “fil-bidu” dan kien imqiegħed fiċ-ċentru stess tal-immaġni tal-ħolqien. Huwa propju l-bniedem, huma l-bnedmin, dawk li jippossiedu “l-frott bikri tal-Ispirtu”, li jokorbu internament, waqt li jistennew il-fidwa ta’ ġisimhom (cf. Rm 8, 23). Kristu li ġie biex jiżvela b’mod sħiħ il-bniedem lill-bniedem waqt li jġegħlu jinnota l-vokazzjoni tassew għolja tiegħu (cf. Gaudium et Spes, 22), jitkellem fil-Vanġelu tal- istess profondità tal-misteru tal-fidwa, li propju fih isib is-soġġett “storiku” speċifiku tiegħu. Kristu, mela, jitkellem f’isem dik it-tama, li kienet imlaqqma fil-qalb tal-bniedem diġa fil-“proto-vanġelu”. Kristu jagħti twettiq lil din it-tama, mhux biss bil-kliem tat-tagħlim tiegħu, imma b’mod speċjali bix-xhieda ta’ mewtu u tal-qawmien tiegħu mill-mewt. Hekk, mela, il-fidwa tal-ġisem kienet diġa imwettqa fi Kristu. Fih kienet ikkomfermata dik it-tama, li fiha“aħna konna mifdija”. U, fl-istess ħin, dik it-tama infetħet mill-ġdid lejn it-twettiq eskatoloġiku definittiv. “Ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” fi Kristu kienet indirizzata definittivament lejn dik il-“libertà u glorja” li jmisshom ikunu ipparteċipati b’mod definittiv minn “ulied Alla”.

4. Biex nifhmu dak kollu li tinvolvi “il-fidwa tal-ġisem” skont l-ittra ta’ Pawlu lir-Rumani, hemm bżonn tejoloġija awtentika tal-ġisem. Fittixna li nibnuha, billi rreferejna l-ewwelnett għall-kliem ta’ Kristu. L-elementi kostituttivi tat-tejoloġija tal-ġisem huma miġbura f’dak li Kristu jgħid, waqt li jirreferi għall-“bidu”, in konnessjoni mad-domanda dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ  (cf. Mt 19, 8), f’dak li huwa jgħid dwar il-konkupixxenza, waqt li jirreferi għall-qalb umana, fil-Priedka tal-Muntanja (cf.Mt 5, 28), u wkoll f’dak li jgħid waqt li jirreferi għall-qawmien mill-imwiet (cf. Mt 22, 30). Kull waħda minn dawn ir-referenzi taħbi fiha kontenut għani ta’ natura kemm antropoloġiku, kif ukoll etiku. Kristu jkellem lill-bniedem – u jitkellem dwar il-bniedem: dwar il-bniedem li huwa “ġisem”, u li kien maħluq bħala maskju u femmina xbiha u xebħ ta’ Alla; jitkellem dwar il-bniedem il-qalb ta’ liema hija sottomessa għall-konkupixxenza, u fl-aħħar dwar il-bniedem, quddiem liema tinfetaħ il-prospettiva eskatoloġika tal-qawmien mill-imwiet tal-ġisem.

Il-“ġisem” ifisser (skont il-ktieb tal-Ġenesi) l-aspett viżibbli tal-bniedem u l-appartenenza tiegħu għad-dinja viżibbli. Għal San Pawl huwa jfisser mhux biss din l-appartenenza imma kultant ukoll l-aljenazzjoni tal-bniedem mill-influss tal-Ispirtu ta’ Alla. Iż-żewġ sinifikati jibqgħu in konnessjoni mal-“fidwa tal-ġisem”.

5. Billi fit-testi preċedentement analizzati Kristu jitkellem dwar il-profondità divina tal-misteru tal-fidwa, il-kliem tiegħu iservi propju dik it-tama  li dwarha jitkellem fl-ittra lir-Rumani. “Il-fidwa tal-ġisem” skont l-Appostlu hija, finalment, dak li aħna “nistennew”. Hekk nistennew propju ir-rebħa eskatoloġika fuq il-mewt, għal-liema Kristu ta xhieda speċjalment bil-qawmien mill-imwiet tiegħu. Fid-dawl tal-misteru paskwali, kliemu dwar il-qawmien mill-imwiet tal-iġsma u dwar ir-realtà tad-“dinja l-oħra”, irreġistrat mis-Sinottiċi, akkwista l-elokwenza sħiħa tiegħu. Kemm Kristu, kif ukoll Pawlu ta’ Tarsu, ipproklamaw l-appell għall-astensjoni taż-żwieġ “għas-Saltna tas-Smewwiet” propju f’isem din ir-realtà eskatoloġika.

6. Madankollu, il-“fidwa tal-Gisem” tesprimi ruħha mhux biss fil-qawmien mill-imwiet bħala rebħa fuq il-mewt. Hija preżenti wkoll fil-kliem ta’ Kristu, indirizzat lill-bniedem “storiku”, kemm meta hu jikkonferma il-bidu tal-indissolubiltà taż-żwieġ, bħala bidu ġej mill-Hallieq innifsu, kif ukoll meta – fid-Diskors tal-Muntanja – Kristu jistieden biex negħlbu l-konkupixxenza, u dan saħansitra fil-movimenti unikament interni tal-qalb umana. Dwar il-waħda u l-oħra ta’ dawn l-espressjonijiet-ewlenin hemm bżonn ngħidu li jirreferu għall-moralità umana, għandhom sens etiku. Hawn m’għandhiex x’taqsam it-tama eskatoloġika tal-qawmien mill-imwiet, imma it-tama tar-rebħa fuq id-dnub, li tistà tissejjaħ it-tama ta’ kuljum.

7. Fil-ħajja ta’ kuljum il-bniedem irid jikseb mill-misteru tal-fidwa tal-ġisem l-ispirazzjoni u l-qawwa biex jegħleb il-ħażin li hemm inattiv fih taħt il-forma tal-konkupixxenza tripla. Ir-raġel u l-mara, marbutin fiż-żwieġ, iridu kuljum jaċċettaw b’responsabiltà il-kompitu tal-għaqda indissolubli ta’ dik l-allejanza, li huma kkonkludew bejniethom. Imma wkoll ir-raġel u l-mara, li voluntarjament għażlu r-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet, iridu jagħtu ta’ kuljum xhieda ħajja tal-fedeltà għal tali għażla, billi jisimgħu id-direttivi ta’ Kristu mill-Vanġelu u dawk tal-Appostlu Pawlu mill-ewwel ittra lill-Korintin. Hu xinhu hawn għandha x.taqsam it-tama ta’ kuljum, li, b’miżura tal-kompiti normali u tad-diffikultajiet tal-ħajja umana, tgħin biex nirbħu “bit-tajjeb il-ħażin” (Rm12, 21). Infatti, “fit-tama aħna konna mifdija”: it-tama ta’ kuljum timmanifesta il-qawwa tagħha fl-opri umani u saħansitra fl-istess movimenti tal-qalb umana, waqt li tħejji t-triq, f’ċertu sens, għat-tama eskatoloġika l-kbira marbuta mal-fidwa tal-ġisem.

8. Waqt li tippenetra fil-ħajja ta’ kuljum bid-dimensjoni tal-morali umana, il-fidwa tal-ġisem, l-ewwelnett, biex tiskopri dan it-tajjeb, li fih il-bniedem jerġà jikseb ir-rebħa fuq id-dnub u fuq il-konkupixxenza. Il-kliem ta’ Kristu, li joħorġu mill-profondità divina tal-misteru tal-fidwa, jippermetti li niskopru u nqawwu dik ir-rabta, li teżisti bejn id-dinjità tal-esseri uman (tar-raġel jew tal-mara) u s-sinifikat sponsali ta’ ġismu. Jippermettu li jifhmu u jattwaw, a bażi ta’ dak is-sinifikat, il-libertà matura tar-rigal, li b’mod jesprimi ruħu fiż-żwieġ indissolubli, u b’mod ieħor permezz tal-astensjoni miż-żwieġ għas-Saltna ta’ Alla. Fuq dawn it-toroq differenti Kristu jiżvela għal kollox il-bniedem għall-bniedem, waqt li jirrendilu magħrufa il-“vokazzjoni għolja tiegħu”. Din il-vokazzjoni hija miktuba fil-bniedem skont il-“compositum” psikofiżiku kollu tiegħu, propju permezz tal-misteru tal-fidwa tal-ġisem.

Dan kollu li fittixna li nagħmlu fil-kors tal-meditazzjonijiet tagħna, biex nifhmu l-kliem ta’ Kristu, għas-sisien definittivi tiegħu fil-misteru tal-fidwa tal-ġisem.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >