87. Analoġija tal-imħabba sponsali bejn Alla u l-poplu magħżul tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  28/07/1982.

1. Illum nibdew kapitolu ġdid dwar it-tema taż-żwieġ, waqt li naqraw il-kliem ta’ San Pawl lill-Efesin:

“In-nisa għandhom ikunu sottomessi għal żwieġhom bħal għall-Mulej; ir-raġel infatti huwa kap tal-mara, bħalma wkoll Kristu huwa kap tal-Knisja, huwa li huwa is-salvatur ta’ ġismu. U bħalma l-Knisja hija sottomessa għal Kristu, hekk ukoll in-nisa jkunu soġġetti għal żwieġhom f’kollox.

U intom, irġiel, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħal ma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa, waqt li ppurifikaha permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma, sabiex jippreżentaha lilu nnifsu kollha glorjuża, mingħajr tebgħa lanqas tikmixa jew xi ħaġa simili, imma qaddisa u mmakulata. Hekk ukoll l-irġiel għandhom id-dmir li jħobbu lin-nisa tagħhom bħal ġisimhom stess, għaliex min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu. Ħadd qatt ma wasal li jobgħod lil ġismu stess; għall-kuntrarju iżoqqu u jieħu ħsiebu, bħalma Kristu mal-Knisja, għaliex aħna membri ta’ ġismu. Minħabba f’hekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Dan il-misteru huwa kbir; qed ngħid dan b’referenza għal Kristu u għall-Knisja! Mela intom ukoll, kull wieħed min-naħa tiegħu, iħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha tkun rispettuża lejn żewġha” (Ef 5, 22-33).

2. Ikun aħjar li nissottomettu għal analiżi profonda t-test ikkwotat, kontenut f’dan il-kapitolu ħamsa tal-ittra lill-Efesin, hekk bħalma, qabel, analizzajna kull kelma ta’ Kristu li jidhru li għandhom sinifikat-ewlieni għat-tejoloġija tal-ġisem. Dan kellu x’jaqsam mal-kliem, li fih Kristu jalludi għall-“bidu” (Mt 19, 4; Mk 10, 6), għall-“qalb” umana, fid-Diskors tal-Muntanja (Mt 5, 28) u għall-qawmien mill-imwiet futur (cf. Mt 22, 30; Mk 12, 25; Lq 20, 35). Inkwantu għal dak li hemm kontenut fil-pass tal-ittra lill-Efesin jikkostitwixxi kważi l-“kurunament” ta’ dawk il-kelmiet-ewlenin sintetiċi l-oħra. Jekk minnhom ħarġet it-tejoloġija tal-ġisem fil-linjamenti evanġeliċi, sempliċi u fl-istess ħin fondamentali , hemm bżonn, f’ċertu sens, nippresupponu din it-tejoloġija fl-interpretazzjoni tal-imsemmi pass tal-ittra lill-Efesin. U allura, jekk irridu ninterpretaw dak il-pass, hemm bżonn li nagħmluh fid-dawl ta’ dak li Kristu jgħidilna dwar il-ġisem uman. Huwa tkellem mhux biss billi alluda għall-bniedem “storiku” u allura l-istess għall-bniedem, dejjem “kontemporanju”, dwar il-konkupixxenza (għall-“qalbu”), imma wkoll waqt li osserva, minn banda, il-prospettivi tal-“bidu” jew aħjar tal-innoċenza oriġinarja u tal-ġustizzja u, mill-banda l-oħra, il-prospettivi eskatoloġiċi tal-qawmien mill-imwiet tal-iġsma, meta “la jieħdu mara u linqas raġel” (cf. Lq 20, 35). Dan kollu jagħmel sehem mill-ottika tejoloġika tal-“fidwa ta’ ġisimna” (Rm 8, 23).

3. Ukoll il-kliem tal-awtur tal-ittra lill-Efesin (Il-problema tal-paternità pawlina tal-ittra lill-Efesin, magħrufa minn diversi eseġeti u miċħuda minn oħrajn, tistà tkun riżolta permezz ta’ suppożizzjoni medjana, li hawn naċċettawha bħala ipotesi ta’ xogħol: jew aħjar, li San Pawl fada diversi kunċetti lis-segretarju tiegħu, li mbagħad żviluppahom u rraffinahom. Hija din is-soluzzjoni proviżorja tal-problema li għandna f’moħħna waqt li nitkellmu dwar l-“Awtur tal-ittra lill-Efesin”, dwar l-“Appostlu” u dwar “San Pawl”.) huwa ċċentrat fuq il-ġisem; u dan kemm fis-sinifikat  metaforiku, jiġifieri dwar il-ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja, kif ukoll fis-sinifikat konkret, jiġifieri dwar il-ġisem uman fil-maskulinità u l-femminilità perenni tiegħu, fid-destin perenni għall-għaqda fiż-żwieġ, bħalma jgħid il-ktieb tal-Ġenesi: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).

B’liema mod  dawn iż-żewġ sinifikati tal-ġisem jidhru u jiltaqgħu fis-silta tal-ittra lill-Efesin? U għaliex jidhru u jiltaqgħu hemm? Hekku l-interrogattivi li hemm bżonn nagħmlu, waqt li nistennew xi tweġibiet mhux  tant immedjati u diretti, daqskemm possibilment profondi u “bi skadenza twila”, għal-liema konna mħejjijin mill-analiżi preċedenti. Infatti, dik is-silta mill-ittra lill-Efesin ma tistax tkun korrettement mifhumha, jekk mhux biss fil-kuntest bibbliku wiesà, waqt li nikkunsidrawha bħala “koronament” tat-temi tal-verità li permezz tal-Kelma ta’ Alla rivelata fl-Iskrittura Mqaddsa, jidħlu u joħorġu bħala mewġ twil. Huma temi ċentrali u veritajiet essenzjali. U allura it-test ikkwotat tal-ittra lill-Efesin huwa wkoll test-ewlieni u “klassiku”.

4. Huwa test magħruf sewwa lil-liturġija, li fih jidher dejjem in konnessjoni mas-sagrament taż-Żwieġ. Il-“lex orandi” tal-Knisja tara fih referenza espliċita għal dan is-sagrament: u l-“lex orandi” tippermetti u fl-istess ħin tesprimi dejjem il-“lex credendi”. Waqt li nammettu tali premessa, irridu minnufih nistaqsu lilna nfusna: f’dan it-test “klassiku” tal-ittra lill-Efesin, kif toħroġ il-verità dwar is-sagramentalità taż-żwieg? B’liema mod tiġi espressa jew inkella kkonfermata fih? Isir ċar li t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet ma tistax tkun immedjata u diretta, imma gradwali u “tieħu fit-tul”. Dan jiġi kkomfermat saħansitra minn l-ewwel daqqa t’għajn lil dan it-test, li jeħodna lura għall-ktieb tal-Ġenesi u allura “għall-bidu”, u li, fid-deskrizzjoni tar-rapport bejn Kristu u l-Knisja, jieħu mill-kitbiet tal-profeti tat-Testment il-Qadim l-analoġija ferm magħrufa tal-imħabba sponsali bejn Alla u l-poplu magħżul. Bla ma neżaminaw dawn ir-rapporti, ikun diffiċli li nwieġbu għad-domandi dwar il-mod, li fih l-ittra lill-Efesin tittrata dwar is-sagramentalità taż-żwieġ. Naraw ukoll kif t-tweġiba ppreveduta trid tgħaddi minn l-ambjent kollu tal-problemi analiżżati qabel, jiġifieri mit-tejoloġija tal-ġisem.

5. Is-sagrament jew is-sagramentalità – fis-sens l-iktar ġenerali ta’ dan it-terminu – jiltaqà mal-ġisem u jippresupponi it-“tejoloġija tal-ġisem”. Is-sagrament, infatti, skont is-sinifikat ġeneralment magħruf, huwa “sinjal viżibbli”. Il-“ġisem” ukoll ifisser dak li huwa viżibbli, ifisser il-“viżibiltà” tad-dinja u tal-bniedem. Mela, b’xi mod, – ukoll jekk l-iktar wieħed ġenerali – il-ġisem jidħol fid-definizzjoni tas-sagrament, billi huwa “sinjal viżibbli ta’ realtà inviżibbli”, jiġifieri tar-realtà spiritwali, traxxendenti, divina. F’dan is-sinjal – u permezz ta’ dan is-sinjal – Alla jirregala lill-bniedem fil-verità traxxendenti tiegħu u f’imħabbtu. Is-sagrament huwa sinjal tal-grazzja u  huwa sinjal effikaċi. Mhux biss jindikaha  u jesprimiha b’mod viżibbli, b’mod ta’ sinjal, imma jipproduċiha,  u jikkontribwixxi b’mod effikaċi biex jara iva li l-grazzja ssir parti mill-bniedem, u li fih titwettaq u twettaq l-opra tal-fidwa, l-opra prestabbilita minn Alla sa mill-eternità u rrivelata b’mod sħiħ minn Ġesù Kristu.

6. Ikolli ngħid li diġa minn din l-ewwel daqqa t’għajn mitfugħa fuq it-test klassiku tal-ittra lill-Efesin jindika d-direzzjoni li permezz tagħha rridu niżviluppaw l-analiżi ulterjuri tagħna. Huwa meħtieġ li dawn l-analiżi jibdew mill- fehim preliminari tat-test fih innfsu; madankollu, wara rridu mmexxu lilna nfusna, biex ngħidu hekk, ‘il hemm mill-fruntieri tiegħu, biex possibilment nifhmu “sal-qiegħ nett” kemm għana ta’ verità rivelata minn Alla hemm miġbura fl-ambitu ta’ dik il-paġna stupenda. Waqt li ninqdew bl-espressjoni magħrufa tal-kostituzzjoni Gaudium et Spes, wieħed jistà jgħid li s-silta minna magħżula fl-ittra lill-Efesin “tiżvela – b’mod partikulari – il-bniedem għall-bniedem u tgħarrfu l-vokazzjoni għolja tiegħu (Gaudium et Spes, 22): ġaladarba huwa jieħu sehem fl-esperjenza tal-persuna nkarnata. Infatti Alla, waqt li ħalqu xbiha tiegħu, sa mill-bidu ħalqu “maskju u femmina” (Ġen 1, 27).

Waqt l-analiżi suċċessivi se nfittxu – speċjalment fid-dawl tat-test ikkwotat mill-ittra lill-Efesin – li nifhmu b’mod iktar profond is-sagrament (b’mod partikulari, iż-żwieġ bħala sagrament): l-ewwel, fid-dimensjoni tal-allejanza u tal-grazzja, u, wara, fid-dimensjoni tas-sinjal sagramentali.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: