88. Agħmlu mela lilkom infuskom imitaturi ta’ Alla, bħala wlied għeżież u imxu fil-karità

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  04/08/1982.

1. Fit-taħdita tagħna tal-Erbgħa li għadda ikkwotajt il-ħames kapitolu tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-23). Issa, wara l-ħarsa introduttiva fuq dak it-test “klassiku”, ikun aħjar li neżaminaw il-mod li fih tali silta – hekk importanti kemm għall-misteru tal-Knisja, kif ukoll għas-sagramentalità taż-żwieġ – hija nkwadrata fil-kuntest immedjat tal-ittra kollha.

Għalkemm nafu li teżisti serje ta’ problemi diskussi fost il-Bibblisti rigward id-destinatarji, għall-paternità u wkoll dwar id-data tal-kompożizzjoni tagħha, hemm bżonn ninnotaw li l-ittra lill-Efesin għandha struttura ferm sinifikattiva. L-Awtur jibda din l-ittra billi jippreżenta l-pjan etern tal-fidwa tal-bniedem f’Ġesù Kristu.

“. . . Alla, Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu / . . . Fih għażilna . . . / biex inkunu qaddisin u immakulati quddiemu fil-karità, / waqt li ppredestinana biex inkunu uliedu addottivi / bl-opra ta’ Ġesù Kristu, / skont l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu. / U dan b’tifħir u glorja tal-grazzja tiegħu, / li tana fil-għażiż Ibnu; / li fih għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, / il-maħfra tad-dnubiet / skont l-għana tal-grazzja tiegħu. / . . . biex nirrejalizzawh fil-milja taż-żmenijiet: / il-pjan jiġifieri li niġbru fi Kristu l-affarijiet kollha . . .” (Ef 1, 3.4-7.10).

L-Awtur tal-ittra lill-Efesin, wara li kien ippreżenta bi kliem mimli gratitudni il-pjan li, sa mill-eternità huwa f’Alla u li xi darba kellu jitwettaq diġa fil-ħajja tal-umanità, jitlob lill-Mulej, sabiex il-bnedmin (u direttament id-destinatarji tal-ittra) jagħrfu lil Kristu bħala kap: “. . . Ħatru fuq il-ħwejjeġ kollha bħala kap tal-Knisja, / li tagħha huwa l-ġisem, / il-milja ta’ dak li jitwettaq għal kollox fil-ħwejjeġ kollha” (Ef 1, 22-23). L-umanità midimba hija msejħa għal ħajja ġdida fi Kristu, li fih il-pagani u l-Lhud iridu jingħaqdu bħallikieku ġewwa tempju (cf. Ef 2, 11-21). L-Appostlu huwa ambaxxatur tal-ministeru ta’ Kristu fost il-pagani, li lejhom idur b’mod speċjali fl-ittra tiegħu, waqt li jilwi “rkupptejh quddiem il-Missier” u waqt li jitolbu jikkonċedilhom, “skont l-għana tal-glorja tieghu, li jkunu b’qawwa kbira msaħħa mill-Ispirtu tiegħu fil-bniedem intern” (Ef 3, 14.16).

2. Wara dan l-iżvelament hekk profond u suġgestiv tal-misteru ta’ Kristu fil-Knisja, l-Awtur jgħaddi, fit-tieni parti tal-ittra tiegħu, għal direttivi iktar partikolariġġati, li jimmiraw li jiddefenixxu l-ħajja nisranija bħala vokazzjoni li tirriżulta mill-pjan divin, li dwaru tkellimna qabel, jiġifieri tal-misteru ta’ Kristu fil-Knisja. Ukoll hawn l-Awtur imiss diversi kwestjonijiet dejjem iktar validi għall-ħajja nisranija. Iħeġġeġ biex jikkonservaw l-għaqda, waqt li jenfasizza fl-istess ħin li tali għaqda tinbena fuq il-multepliċità u d-diversità tad-doni ta’ Kristu. Lil kull wieħed jingħata don differenti, imma lkoll, bħala nsara, irridu nerġgħu nilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u s-saħħa vera” (Ef 4, 24). Ma’ dan hija marbuta sejħa kategorika biex jingħelbu l-vizzji u biex ikunu akkwistati l-virtujiet korrispondenti għall- vokazzjoni li lkoll ksibna fi Kristu (cf. Ef 4, 25-32). L-Awtur jikteb: “Agħmlu lilkom infuskom mela imitaturi ta’ Alla, bħala ulied għeżież, u imxu fil-karità, fil-mod li wkoll Kristu bih ħabbkom u ta lilu nnifsu għalina . . . b’sagrifiċċju” (Ef 5, 1-2).

3. Fil-ħames kapitolu tal-ittra lill-Efesin dawn is-sejħiet isiru ferm iktar partikolareġġati. L-awtur jikkundanna severament l-abbużi pagani, meta jikteb: “Jekk xi żmien kontu fid-dlam, issa intom fid-dawl tal-Mulej, Għalhekk ġibu ruħkom t’ulied id-dawl” (Ef 5, 8). U mbagħad: “M’intomx . . . bla moħħ, imma tafu tifhmu r-rieda ta’ Alla. U la tiskrux bl-imbid (referenza għall-ktieb tal-Proverbji 23, 31) . . . imma kunu mfawra mill-Ispirtu, ilqgħu lil xulxin bis-salmi, innijiet u kant spiritwali, waqt li tkantaw u tfaħħru lill-Mulej b’qalbkom kollha” (Ef 5, 17-19). L-Awtur tal-ittra jrid juri b’dan il-kliem il-klima ta’ ħajja spiritwali, li hemm bżonn tanima lil kull komunità nisranija. Hawnhekk, huwa jgħaddi għall-komunità domestika, jiġifieri għall-familja. Infatti jikteb: “Kunu mimlija bl-Ispirtu . . . Waqt li kontinwament tirrendu grazzi għal kull ħaġa li Alla l-Missier, f’isem Sidna Ġesù Kristu. Kunu sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 18.20-21). U hekk nidħlu f’dik is-silta tal-ittra li se tkun tema tal-analiżi partikolari tagħna. Nistgħu faċilment ninnotaw li l-kontenut essenzjali ta’ dan it-test “klassiku” jaqbel mat-tislib bejn iż-żewġ fili prinċipali ewlenin tal-ittra kollha lill-Efesin: l-ewwel, dak tal-misteru ta’ Kristu li, bħala espressjoni tal-pjan divin għall-fidwa tal-bniedem, jirrejalizza ruħu fil-Knisja; it-tieni, dak tal-vokazzjoni nisranija bħala mudell ta’ ħajja tas-singuli mgħammda u tal-komunitajiet singuli, korrispondenti tal-misteru ta’ Kristu, jew aħjar tal-pjan divin għall-fidwa tal-bniedem.

4. Fil-kuntest immedjat tas-silta kkwotata, l-Awtur tal-ittra jfittex li jispjega b’liema mod il-vokazzjoni nisranija hekk ikkonċepita trid tirrejalizza u timmanifesta ruħha fir-rapporti bejn il-membri kollha ta’ familja;  mela, mhux biss bejn il-mara u żewġha (dwar min preċiżament tittratta s-silta tal-kapitolu 5, 22-23 minna magħżula) imma wkoll bejn il-ġenituri u l-ulied. L-Awtur jikteb: “Ulied, obdu l-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għaliex dan huwa ġust. Qimu lil missierkom u lil ommkom: huwa dan l-ewwel kmandament assoċjat ma’ wegħda: sabiex int tkun kuntent u tgawdi minn ħajja twila fuq l-art. U intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, imma tellgħuhom fl-edukazzjoni u d-dixxiplina tal-Mulej”  (Ef 6, 1-4). Wara, huwa jitkellem dwar id-dmirijiet tal-qaddejja fir-rigward tas-sidien u, viċi-versa, tas-sidien fir-rigward tal-qaddejja, jiġifieri tal-ilsiera (cf. Ef 6, 5-9), li jiġi riferut ukoll għad-direttivi li jikkonċernaw lill-familja fl-iktar sens wiesà. Infatti, hija kienet kostitwita mhux biss mill-ġenituri u mill-ulied (skont is-suċċessjoni tal-ġenerazzjonijiet), imma jagħmlu parti minnha fis-sens l-iktar wiesà wkoll il-qaddejja taż-żewġ sessi, l-iskjavi rġiel u l-iskjavi nisa.

5. Hekk mela, it-test tal-ittra lill-Efesin, li nipproponu li nagħmlu tema ta’ analiżi profonda, jinsab fil-kuntest immedjat ta’ tagħlimiet dwar l-obbligi morali tas-soċjetà familjari (l-hekk imsejħin “Hausteflen” jew kodiċi domestiċi, skont id-definizzjoni ta’ Luteru). Istruzzjonijiet analogi insibuhom ukoll f’ittri oħra (cf. ex. gr.,Kol 3, 18; 1 Pt 2, 13-3, 7). Barra minn hekk, tali kuntest immedjat jagħmel parti mis-silta tagħna, in kwantu wkoll li t-test “klassiku” minna magħżul jittratta dwar id-dmirijiet tal-irġiel u tan-nisa miżżewġa. Madankollu hemm bżonn ninnutaw li s-silta 5, 22-33 tal-ittra lill-Efesin hija ċċentrata minnha nfiha b’mod esklussiv dwar il-miżżewġin u dwar iż-żwieġ,  u dwar dak li jolqot il-familja ukoll fis-sens l-iktar wiesà jinsab jinsab fil-kuntest. Iżda, qabel ma nidħlu għal analiżi profonda dwar it-test, ikun aħjar li nżidu li l-ittra kollha tispiċċa b’inkoraġġiment stupend għall-battalja spiritwali (cf. Ef 6, 10-20), b’rakkomandazzjonijiet qosra (cf. Ef 6, 21-22) u  awgurju finali (cf. Ef 6, 23-24). Dak l-appell għall-battalja spiritwali donnu li huwa mibni b’mod loġiku fuq l-argumentazzjoni tal-ittra kollha. Huwa huwa, biex ngħidu hekk, it-tmiem espliċitu tal-fili prinċipali ewlenin tagħha.

Waqt li hekk għandna quddiem għajnejna l-istruttura komplessiva tal-ittra kollha lill-Efesin, se nfittxu fl-ewwel analiżi li niċċaraw is-sinifikat tal-kliem: “Kunu sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21), indirizzati għall-irġiel u n-nisa miżżewġa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >