89. Il-koxjenza profonda tal-misteru ta’ Kristu, trid tikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjonijiet reċiproki bejn il-miżżewġin

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  11/08/1982.

1. Illum se nibdew analiżi iktar partikolareġġata tas-silta mill-ittra lill-Efesin 5, 21-33. L-Awtur, waqt li jindirizza lill-miżżewġin, jirrakkomandalhom li jkunu “sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21).

Dan huwa  rapport tad-dimensjoni doppja jew ta’ grad doppju:reċiproku u komunitarju. Wieħed jippreċiża u jikkaratterizza lill-ieħor. Ir-relazzjonijiet reċiproċi tar-raġel u ta’ martu jridu jiġu mir-relazzjoni komuni tagħhom ma’ Kristu. L-Awtur tal-ittra jitkellem dwar il-“biżà ta’ Kristu” f’sens analogu bħal meta jitkellem dwar “il-biżà ta’ Alla”. F’dan il-każ, m’għandux x’jaqsam ma’ biżà jew twerwir, li huwa atteġjament difensiv quddiem it-theddida ta’ xi deni, imma għandu x’jaqsam ma’ speċjalment rispett għall-qdusija, għas-“sacrum”; għandu x’jaqsam mal-“pietas”, li fil-lingwaġġ tat-Testment il-Qadim kien espress ukoll bit-terminu “biżà ta’ Alla”(cf.,ex. gr., Sal 102 [103], 11; Pr 1, 7; Pr 23, 17; Sir 1, 11-16). Fil-fatt, tali “pietas”, imqanqla mill-koxjenza  profonda tal-misteru ta’ Kristu, għandha tikkostitwixxi il-bażi tar-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-miżżewġin.

2. Bħall-kuntest immedjat, hekk ukoll it-test magħżul minna għandu karattru “paranetiku”, jiġifieri ta’ istruzzjoni morali. L-Awtur tal-ittra jixtieq jindika lill-miżżewġin kif għandhom jistabilixxu r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom u l-imġieba kollha tagħhom. Huwa jassumi l-indikazzjonijiet u d-direttivi propji tal-misteru ta’Kristu ppreżentat fil-bidu tal-ittra. Dan il-misteru għandu jkun spiritwalment preżenti fir-rapport reċiproku tal-miżżewġin. Waqt li jippenetra qalbhom, billi jiġġenera fihom dak il-qaddis “biżà ta’ Kristu” (jiġifieri appuntu il-“pietas”), il-misteru ta’ Kristu għandu jmexxihom biex ikunu “sottomessi għal xulxin”: il-misteru ta’ Kristu, jiġifieri l-misteru tal-għażla, sa mill-eternità, ta’ kull wieħed minnhom fi Kristu “biex ikunu wlied addottivi” ta’ Alla.

3. L-espressjoni li tiftaħ is-silta tagħna tal-Efesin 5, 21-33, għal-liema avviċinajna grazzi għall-analiżi tal-kuntest remot u immedjat, għandha elokwenza kollha kemm hi partikolari. L-Awtur jitkellem dwar is-sottomissjoni mutwa tal-miżżewġin, raġel u martu, u b’dan il-mod ukoll ifiehem kif għandna nifhmu il-kliem li jikteb wara fuq is-sottomissjoni tal-mara lil żewġha. Infatti naqraw: “In-nisa miżżewġin għandhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom bħal ma għall-Mulej” (Ef 5, 22). Waqt li jesprimi ruħu hekk, l-Awtur ma jfissirx li ried jgħid li r-raġel huwa “padrun” ta’ martu, u li l-patt interpersonali propju taż-żwieġ huwa patt ta’ dominju tar-raġel fuq martu. Għall-kuntrarju, jesprimi kunċett ieħor: jiġifieri li l-mara, fir-rapport tagħha ma’ Kristu – li huwa għaż-żewġ miżżewġin Mulej uniku – tistà u jmissha ssib il-motivazzjoni ta’ dak ir-rapport ma’ żewġha, li jirriżulta mill-essenza stess taż-żwieġ u tal-familja. Tali rapport, madankollu, mhuwiex sottomissjoni unilaterali. Iż-żwieġ, skont id-duttrina tal-ittra lill-Efesin, jeskludi dak il-komponent tal-patt li kien jimponi u, kultant ma jiqafx milli jimponi fuq din l-istituzzjoni. Ir-raġel u l-mara miżżewġin huma infatti “sottomessi għal xulxin”,  huma suġġetti b’mod reċiproku. Is-sors ta’ din is-sottomissjoni reċiproka tinsab fil-“pietas” kristjana, u l-espressjoni tagħha hija l-imħabba.

4. L-Awtur tal-ittra jenfasizza b’mod partikolari din l-imħabba, waqt li jdur fuq l-irġiel. Infatti jikteb: “U intom irġiel miżżewġa, ħobbu lil martkom . . .”, u b’dan il-mod ta’ espressjoni jneħħi kwalunkwè biżà, li setà kien qanqal (meta tqis is-sensibiltà kontemporanja) bis-sentenza preċedenti: “In-nisa miżżewġa għandhom ikunu sottomessi għal żwieġhom”. L-imħabba teskludi kull tip ta’ sottomissjoni, minħabba liema il-mara ssir qaddejja jew skjava ta’ żewġha, oġgett ta’ sottomissjoni unilaterali. L-imħabba tagħmel iva li kontemporanjament ukoll ir-raġel huwa sottomess għal martu, u f’dan sottomess għall-Mulej innifsu, l-istess bħall-mara għal żewġha. Il-komunità jew l-unità li huma għandhom jibnu minħabba ż-żwieġ, tirrejalizza ruħha permezz ta’ donazzjoni reċiproka, li hija wkoll sottomissjoni reċiproka. Kristu huwa sors u fl-istess ħin mudell ta’ dik is-sottomissjoni li, billi hija reċiproka “fil-biżà ta’ Kristu”, tagħti lill-għaqda konjugali karattru profond u matur. Fatturi multepliċi ta’ natura psikoloġika jew ta’ drawwa jiġu, f’dan is-sors u quddiem dan il-mudell, talment mibdulin li jħallu toħrog, ikolli ngħid, fużjoni ġdida u prezzjuża tal-imġieba u tar-rapporti bilaterali.

5. L-Awtur tal-ittra lill-Efesin ma jibżax li jiġbor dawk il-kunċetti li kienu propju tal-mentalità u tad-drawwiet ta’ dak iż-żmien; ma jibżax jitkellem dwar is-sottomissjoni tal-mara miżżewġa lejn żewġha; ma jibżax, imbagħad (ukoll fl-aħħar versett tat-test minna kkwotat), li jirrakkomanda lill-mara miżżewġa li “tkun rispettuża lejn żewġha” (Ef 5, 33). Infatti huwa ċert li, meta ir-raġel u l-mara miżżewġin ikunu sottomessi għal xulxin “fil-ħoss ta’ Kristu”, kollox isib ekwilibriju ġust, jiġifieri tali li jikkorrispondi għall-vokazzjoni nisaranija tagħhom fil-misteru ta’ Kristu.

6. Differenti hija bla dubju s-sensibiltà kontemporanja tagħna, differenti huma wkoll il-mentalità u d-drawwiet, u differenti hija l-pożizzjoni soċjali tal-mara fil-konfront tar-raġel. Xejn inqas il-prinċipju parentetiku fondamentali, li nsibu fl-ittra lill-Efesin, jibqà l-istess u jġorr l-istess frott. Is-sottomissjoni reċiproka “fil-biżà ta’ Kristu” – sottomissjoni mnissla fuq is-sies tal- “pietas” nisranija – tifforma dejjem dik l-istruttura profonda u  qawwija  sinsla tal- komunità tal-miżżewġin, li fiha titwettaq il-vera “komunjoni” tal-persuni.

7. L-Awtur tat-test lill-Efesin, li beda l-ittra tiegħu b’viżjoni tal-għaġeb tal-pjan etern ta’ Alla lejn l-umanità, ma jillimitax ruħu li jenfasizza biss l-aspetti tradizjonali tad-drawwa jew dawk etiċi taż-żwieġ, imma jmur ‘il hemm mill-ambitu tat-tagħlim, u, waqt li jikteb dwar ir-rapport reċiproku tal-miżżewġin, jiskopri fih id-dimensjoni tal-istess misteru ta’ Kristu, ta’ liema huwa ħabbar u appostlu. “In-nisa miżżewġin ikunu sottomessi għal żwieġhom bħal ma għall-Mulej; ir-raġel miżżewweġ huwa l-kap ta’ martu, bħal ma Kristu huwa kap tal-Knisja, hu li hu l-feddej ta’ ġismu. U bħal ma l-Knisja hija sottomessa għal Kristu hekk ukoll għandhom ikunu n-nisa miżżewġin lejn żwieġhom f’kollox. U intom irġiel miżżewġin, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħal ma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha . . .”(Ef 5, 22-25). B’dan il-mod, it-tagħlim propju ta’ din il-parti parentetika tal-ittra jiġi, f’ċertu sens, inserit fir-realtà stess tal- misteru  moħbi sa mill-eternità f’Alla u rivelat lill-umanità f’Ġesù Kristu. Fl-ittra lill-Efesin aħna xhieda, ikolli ngħid, ta’ laqgħa partikolari ta’ dak il-misteru mal-essenza stess tal-vokazzjoni għaż-żwieġ. Kif għandna nifhmu din il-laqgħa?

8. Fit-test tal-ittra lill-Efesin hija tippreżenta ruħha qabel xejn bħala analoġija kbira. Hemm naqraw: “In-nisa miżżewġin għandhom ikunu sottomessigħal żwieġhom bħal ma għall-Mulej . . .”: hekk hu l-ewwel komponent tal-analoġija. “Ir-raġel miżżewweġ infatti huwa l-kap ta’ martu, bħal ma wkoll Kristu huwa kap tal-Knisja . . .”: hekk hu t-tieni komponent tal-analoġija, li jikkostitwixxi ċ-ċarezza u l-motivazzjoni tal-ewwel. “U bħal ma l-Knisja hija sottomessa għal Kristu, hekk ukoll in-nisa miżżewġa għandhom ikunu soġġetti għal żwieġhom . . .”: ir-rapport ta’ Kristu mal-Knisja, ippreżentat qabel, jiġi issa espress bħala r-rapport tal-Knisja ma’ Kristu, u hawn hawn inkluż il-komponent suċċessiv tal-analoġija. Fl-aħħarnett: “U intom, irġiel miżżewġa, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħal ma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha . . .”: hekk hu l-aħhar komponent tal-analoġija. Il-kumplament tat-test tal-ittra  jiżviluppa l-ħsieb fundamentali, miġbur fil-pass li għadna kemm ikkwotajna; u t-test sħiħ tal-ittra lill-Efesin sal kapitolu 5 (Ef 5, 21-23) huwa kompletament imżejjen minn l-istess analoġija: jiġifieri: ir-rapport reċiproku bejn il-miżżewġin, raġel u mara,, jinftiehem mill-insara fuq xbiha tar-rapport bejn Kristu u l-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.