92. Il-qdusija tal-Ġisem Uman u ż-Żwieġ

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  01/09/1982.

1. L-Awtur tal-ittra lill-Efesin, waqt li jipproklama l-analoġija bejn ir-rabta sponsali li tgħaqqad lil Kristu u l-Knisja, u dik li tgħaqqad ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ, jikteb hekk:

“U intom irġiel miżżewġa, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa, waqt li ppurifikaha permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma, bl-iskop li jagħmilha tidher quddiem il-Knisja kollha glorjuża, mingħajr tebgħa u tikmixa jew xi ħaġa simili, imma qaddisa u mmakulata” (Ef 5, 25-27).

2. Huwa sinifikattiv li l-immaġni tal-Knisja glorjuża tiġi ppreżentata, fit-test ikkwotat, bħala għarusa kollha sabiħa f’ġisimha. Bla dubju, din hija metafora; imma hija elokwenti u tixhed kemm profondament jinfluwenza l-waqt tal-ġisem fl-analoġija tal-imħabba sponsali. Il-Knisja “glorjuża” hija dik “bla tebgħa jew tikmixa””. “Tebgħa” tistà tkun mifhumha bħala sinjal ta’ kruha, “tikmixa” bħala sinjal ta’ xjuħija u ta’senilità. Fis-sens metaforiku kemm l-espressjoni l-waħda u kemm l-oħra jindikaw id-difetti morali, id-dnub. Nistgħu nżidu li f’San Pawl il-“bniedem xiħ” ifisser il-bniedem tad-dnub (cf. Rm 6, 6). Kristu mela bl-imħabba redentriċi u sponsali tiegħu jagħmel iva li l-Knisja mhux biss issir mingħajr dnub, imma tibqà “eternament żagħżugħa”.

3. L-ambitu tal-metafora huwa, kif wieħed jistà jara, tassew vast. L-espressjonijiet li jirreferu b’mod dirett u immedjat għall-ġisem uman, waqt li jikkaretterizzawh fir-rapporti reċiproċi bejn l-għarus u l-għarusa, bejn ir-raġel u l-mara miżżewġa, jindikaw fl-istess ħin attributi u kwalitajiet ta’ ordni morali, spiritwali u soprannaturali. Dan huwa essenzjali għal tali analoġija. Għalhekk l-Awtur tal-ittra jistà jiddefenixxi l-istat “glorjuż” tal-Knisja f’relazzjoni mal-istat tal-ġisem tal-għarusa, ħieles minn sinjali ta’ kruha jew ta’ xjuħija (“jew kwalunkwè ħaga simili”), sempliċement bħala qdusija u nuqqas tad-dnub: hekk hija l-Knisja “qaddisa u mmakulata”.  Huwa mela ovvju liema sbuħija tal-għarusa hemm fin-nofs, f’liema sens il-Knisja hija l-ġisem ta’ Kristu u f’liema sens dak il-Ġisem-Għarusa jilqà d-don tal-Għarus li “ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha”. Xejn inqas huwa sinifikattiv li San Pawl jispjega li din hija realtà, li  min-natura tagħha hija spiritwali u soprannaturali, permezz tax-xebħ tal-ġisem u tal-imħabba għal-liema l-miżzewġin, raġel u mara, isiru “ġisem wieħed”. 

4. Fil-pass tat-test ikkwotat kollu kemm hu huwa osservat ferm ċar il-prinċipju tal- bi-soġġettività: Kristu-Għarusa, Għarus-Għarusa (raġel-martu). L-Awtur jippreżenta l-imħabba ta’ Kristu lejn il-Knisja – dik l-imħabba li tagħmel mill-Knisja il-ġisem ta’ Kristu, li tagħha huwa ir-ras – bħala mudell tal-imħabba tal-għarajjes u bħala mudell taż-żwieġ tal-għarus u tal-għarusa. L-imħabba tobbliga lill-għarus-raġel miżżewweġ li jkun pront għall-ġid tal-għarusa-martu, timpenjah biex jixtieq is-sbuħija u magħha li jħoss din is-sbuħija u jieħu ħsiebha. Hawn tidħol ukoll is-sbuħija viżibbli, is-sbuħija fiżika. L-għarus ifittex b’attenzjoni l-għarusa tiegħu kważi fl-ansjetà amoruża, krejattiva li jsib dak kollu li hu sabiħ u tajjeb hemm fiha u li għaliha huwa jixtieq. Dak it-tajjeb li min iħobb joħloq, b’imħabbtu, f’min huwa maħbub, huwa bħal verifika tal-istess imħabba u l-qies tagħha. Waqt li jirregala lilu nnifsu bil-mod l-iżjed diżinteressat, dak li jħobb ma jagħmlux barra minn dan il-qies u minn din il-verifika.

5. Meta l-Awtur tal-ittra lill-Efesin – fil-vrus siċċessivi tat-test (Ef 5, 28-29) – idawwar il-moħħ b’mod esklussiv fuq l-istess miżżewġin, l-analoġija tar-rapport ta’ Kristu mal-Knisja tirbombja mill-ġdid iktar profonda u timbuttah biex jesprimi ruħu hekk: “l-irġiel miżzewġa għandhom id-dmir li jħobbu n-nisa tagħhom bħalma jħobbu ġisimhom stess”  (Ef 5, 28). Hawn mela jergà lura l-mottiv tal-“ġisem wieħed”, li fis-settenza kkwotata u fis-sentenzi suċċessivi jerġà  mhux biss jinqabad, imma wkoll jiġi ċċarat. Jekk l-irġiel miżżewġa għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom bħal ġisimhom stess, dan ifisser li dik l-uni-soġġettività tinbena fuq il-bażi tal-bi-soġgettività u m’għandhiex karattru reali, imma intenzjonali: il-ġisem tal-mara miżżewġa mhuwiex il-ġisem propju tar-raġel, imma għandu jkun maħbub bħala l-propju ġisem. Hawn mela qegħdin nitkellmu dwar l-unità, mhux fis-sens ontoloġiku, imma morali: dwar l-unità għall-imħabba.

6. “Min iħobb lil martu iħobb lilu nnifsu” (Ef 5, 28). Din is-sentenza tkompli tikkonferma iktar dak il-karattru ta’ għaqda. F’ċertu sens, l-imħabba tagħmel mill-“jien” ta’ ħadd ieħor il-propju “jien”: il-“jien” tal-mara miżżewġa, ikolli ngħid, isir għall-imħabba il-“jien” tar-raġel. Il-ġisem huwa l-espressjoni ta’ dak il-“jien” u l-fundament tal-identità tiegħu. L-għaqda tar-raġel u tal-mara fl-imħabba tesprimi ruħha wkoll permezz tal-ġisem. Tesprimi ruħha fir-rapport reċiproku, għalkemm l-Awtur tal-ittra lill-Efesin jindika dan fuq kollox da parti tar-raġel. Dan jirriżulta mill-istruttura tal-immaġni totali. Għalkemm il-miżżewġin għandhom ikunu “sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (dan ġie emfasizzat diġa fl-ewwel vers tat-test ikkwotat)) (Ef 5, 22-23), madankollu wara r-raġel huwa partikolarment dak li jħobb u l-mara minflok dik li tinħabb. Nistgħu saħansitra nażżardaw l-idea li s-“sottomissjoni” tal-mara lejn żewġha, mifhumha fil-kuntest tas-silta kollha kemm hi (Ef 5, 22-23) tal-ittra lill-Efesin, tfisser fuq kollox il-“prova tal-imħabba”. Speċjalment li din is-“sottomissjoni” tirreferixxi għax-xbiha tas-sottomissjoni tal-Knisja għal-Kristu, li bla dubju ta’ xejn tikkonsisti fil-prova tal-imħabba tiegħu. Il-Knisja bħala għarusa, billi hija oġġett tal-imħabba redentriċi ta’ Kristu-għarus, issir ġismu. Il-mara miżżewġa, billi hija oġġett tal-imħabba  sponsali ta’ żewġha, issir “ġisem wieħed” miegħu: f’ċertu sens, il-“propja” ġismu. L-Awtur jirrepeti mill-ġdid din l-idea darb’oħra fl-aħħar sentenza tas-silta hawn analizzata. “Mela intom ukoll, kull wieħed il-parti tiegħu, ħobbu lin-nisa tagħkom bħalkom infuskom” (Ef 5, 33).

7. Din hija l-għaqda morali, kondizzjonata u kostitwita tal-imħabba. L-imħabba mhux biss tgħaqqad iż-żewġ soġġetti, imma tippermettilhom li jinterpenetraw lil xulxin, waqt li spiritwalment jappartjenu għal xulxin, għat-tali punt li l-Awtur tal-ittra jistà jiddikjara: “Min iħobb lil martu iħobb lilu nnifsu” (Ef 5, 28). Il-“jien” isir f’ċertu sens l-“int” u l-“int” il-“jien” (s’intendi, fis-sens morali) U għalhekk il-kumplament tat-test minna analizzat jinstemà hekk: “Ħadd qatt ma wasal li jobgħod lil ġismu; għall-kuntrarju, jieħu ħsiebu u jikkurah, bħalma jagħmel Kristu, minħabba li aħna membri ta’ ġismu”  (Ef 5, 29-30). Is-sentenza li inizjalment tirreferi mill-ġdid għar-rapporti tal-miżżewġin, f’fażi suċċessiva terġà lura b’mod espliċitu għar-rapport Kristu-Knisja, u hekk fid-dawl ta’ dak ir-rapport, tipperswadina biex niddefenixxu s-sens tas-sentenza kollha kemm hi. L-Awtur, wara li jkun spjega il-karattru tar-rapport tar-raġel mal-propja martu waqt li jiffurmaw “ġisem wieħed”, irid mill-ġdid iqawwi l-istqarrija (“min iħobb lil martu, iħobb lilu nnifsu”) u, f’ċertu sens, isostniha bin-negazzjoni u l-esklużjoni tal-possibiltà opposta (“ħadd infatti qatt ma wasal li jobgħod lil ġismu”) (Ef 5, 29). Fil-għaqda għall-imħabba, il-ġisem “tal-ieħir” isir “propju” fis-sens li jkollu premura tal-ġid tal-ġisem tal-ieħor daqs dak tiegħu. Il-kliem li għadna kemm għidna, waqt li jikkaratterizza l-imħabba “karnali” li għandha tgħaqqad lill-miżżewġin, jesprimi, nistgħu ngħidu, il-kontenut iktar ġenerali u, fl-istess ħin, l-iktar essenzjali. Hu donnu jitkellem dwar din l-imħabba speċjalment bil-lingwaġġ tal-“agape”.

8. L-espressjoni skont liema r-raġel “jieħu ħsieb u jikkura” lil ġismu – jiġifieri li r-raġel “jieħu ħsieb u jikkura” il-ġisem ta’ martu bħal tiegħu – donnha tindika pjuttost il-premura tal-ġenituri, ir-rapport tutelari, iktar milli t-tenerezza konjugali. Il-motivazzjoni ta’ tali karattru għandha tkun imfittxiha fil-fatt li l-Awtur jgħaddi hawn b’mod distint mir-rapport li jgħaqqad il-miżżewġin għar-rapport bejn Kristu u l-Knisja. L-espressjonijiet li jirreferu għall-kura tal-ġisem, u qabel xejn għan-nutriment tiegħu, għall-alimentazzjoni tiegħu, jissuġgerixxu għal studjużi numerużi tal-Iskrittura Mqaddsa ir-riferiment għall-Ewkaristija li biha Kristu f’imħabbtu sponsali,”jitma” lill-Knisja. Jekk dawn l-espressjonijiet, għalkemm b’ton minuri, jindikaw il-karattru speċifiku tal-imħabba konjugali, speċjalment ta’ dik l-imħabba li għaliha l-miżżewġin isiru “ġisem wieħed”, huma fl-istess ħin, jgħinu biex wieħed jifhem, talinqas b’mod ġenerali, id-dinjità tal-ġisem u l-imperattiv morali li tieħu ħsieb il-ġid tiegħu ta’ dak il-ġid li jikkorrispondi għad-dinjità tiegħu. Il-paragun mal-Knisja  bħala Ġisem ta’ Kristu, Ġisem ta mħabbtu redentriċi u fl-istess ħin sponsali, għandu jħalli fil-kuxjenza tad-destinatarji tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-23) sens profond tas-“sacrum” tal-ġisem uman in ġenerali, u speċjalment fiż-żwieġ, bħala “post” li fih tali sens tas- “sacrum” jiddeċiedi  b’mod partikolarment profond ir-rapporti reċiproċi tal-persuni, u fuq kollox dawk tar-raġel mal-mara, in kwantu martu u omm ta’ wliedhom.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >