93. L-Imħabba Feddejja ta’ Kristu għandha Natura Sponsali

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  08/09/1982.

1. L-awtur tal-ittra lill-Efesin jikteb: “Ħadd qatt . . . ma wasal li jobgħoad lil ġismu; għall-kuntrarju jieħu ħsiebu u jikkurah, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, minħabba li aħna membri ta’ ġismu” (Ef 5, 29-30).

Wara dan il-vers, l-Awtur iqis opportun li jikkwota dak li fil-ibbja kollha kemm hi jistà jitqies bħala t-test fundamentali dwar iż-żwieġ, test inkluż fil-Ġenesi, kapitolu 2, 24: “Għal dan ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (Ef 5, 31; Gen 2, 24). Huwa possibbli li niddeduċu mill-kuntest immedjat tal-ittra lill-Efesin li l-kwotazzjoni mill-Ktieb tal-Ġenesi (Ġ en 2, 24) hija hawn meħtieġa mhux tant biex tfakkar l-għaqda tal-miżżewġin, iddefinita sa “mill-bidu” fl-opra tal-ħolqien, daqskemm biex tippreżenta il-misteru ta’ Kristu mal-Knisja, minn liema l-Awtur jiddeduċi l-verità dwar l-għaqda tal-miżżewġin. Dan huwa l-punt l-iktar importanti tat-test kollu, f’ċertu sens, il-prinċipju ċentrali. L-Awtur tal-ittra lill-Efesin jiġbor f’dan il-kliem dak kollu li qal qabel, waqt li jfittex l-analoġija u jippreżenta x-xebħ bejn l-għaqda tal-miżżewġin u l-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja. Waqt li jerġà jġib il-kliem tal-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 24), l-Awtur jisħaq li l-bażi ta’ tali analoġija għandha titfittex fil-linja li, fil-pjan feddej ta’ Alla, jgħaqqad iż-żwieġ, bħala l-iktar rivelazzjoni antika (u “manifestazzjoni”) ta’ dak il-pjan fid-dinja maħluqa, bir-rivelazzjoni u “manifestazzjoni” definittiva, jiġifieri r-rivelazzjoni li “Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25), waqt li jagħti lil imħabbtu redentriċi karattru u sens sponsali.

2. Hekk mela din l-analoġija li timla t-test tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-23) għandha l-aħħar bażi fil-pjan feddej ta’ Alla. Dan se jsir iktar ċar u evidenti meta nqiegħdu is-silta tat-test minna analizzata fil-kuntest kumplessiv tal-ittra lill-Efesin. Allura wieħed ikun jistà jifhem iktar faċilment ir-raġuni li għaliha l-Awtur, wara li jikkwota l-kliem tal-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 24) jikteb: “Dan il-misteru huwa kbir; qed ngħidu b’referenza għal Kristu u għall-Knisja” (Ef 5, 32).

Fil-kuntest globali tal-ittra lill-Efesin u barra minn hekk fil-kuntest iktar wiesà tal-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa li jirrivelaw il-pjan feddej ta’ Alla “mill-bidu”, ikollna nammettu li t-terminu “mysterion” hawn ifisser il-misteru, l-ewwel moħbi fil-ħsieb divin, u wara rrivelat fl-istorja tal-bniedem. Infatti hawn qegħdin nitkellmu minn misteru “kbir”, meta titqies l-importanza tiegħu: dak il-misteru, bħala pjan feddej ta’ Alla fir-rigward tal-umanità, u f’ċertu sens, it-tema ċentrali tar- rivelazzjoni kollha, ir-realtà ċentrali tiegħu. Huwa dan li Alla, bħala Ħallieq u Missier, jixtieq speċjalment jittrażmetti lill-bnedmin fil-Kelma tiegħu.

3. Kienet kwistjoni li tittrasmetti mhux biss il-“bxara t-tajba” dwar il-fidwa, imma li fl-istess ħin tibda l-opra tal-fidwa, bħala frott tal-grazzja li tqaddes il-bniedem għall-ħajja eterna fl-għaqda ma’ Alla. Appuntu fuq  it-triq ta’ din ir-rivelazzjoni-attwazzjoni, San Pawl jenfasizza l-kontinwità bejn l-allejanza l-qadima, li Alla stabilixxa billi  kkostitwixxa ż-żwieġ diġa fl-opra tal-ħolqien, u l-allejanza definittiva li fiha Kristu, wara li ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, ingħaqad magħha b’mod sponsali, jiġifieri korrispondenti għall-immaġni tal-miżżewġin. Din il-kontinwità tal-inizjattiva feddejja ta’ Alla tikkostitwixxi l-bażi essenzjali tal-analoġija l-kbira miġbura fl-ittra lill-Efesin. Il-kontinwità tal-inizjattiva feddejja ta’ Alla tfisser il-kontinwità u saħansitra l-identità tal-“misteru l-kbir”, fil-fażijiet differenti tar-rivelazzjoni tiegħu – mela f’ċertu sens tal-“manifestazzjoni” tiegħu – u fl-istess ħin tal-attwazzjoni; fil-fażi “l-iktar antika” mill-punt di vista tal-istorja tal-bniedem u tal-fidwa u fil-fażi “tal-milja taż-żmien”  (Gal 4, 4).

4.Huwa possibbli tifhem dak il-“misteru kbir” bħala “sagrament”? L-Awtur tal-ittra lill-Efesin jitkellem forsi, fit-test minna kkwotat, dwar is-sagrament taż-żwieġ? Jekk ma jitkellimx b’mod dirett u f’sens strett – hawn hemm bżonn li naqblu mal-opinjoni mifruxa biżżejjed tal-bibblisti u t-tejoloġi – madankollu donnu li f’dan it-test jitkellem dwar il-bażijiet tas-sagramentalità tal-ħajja kollha nisranija, u b’mod partikolari, dwar il-bażi tas-sagramentalità taż-żwieġ. Jitkellem mela dwar is-sagramentalità tal-eżistenza kollha nisranija fil-Knisja u b’mod partikolari dwar iż-żwieġ b’mod indirett, bdanakollu bil-mod l-iktar fundamentali possibbli. 

5. “Sagrament” mhuwiex sinonimu ta’ “misteru” (1). Il-misteru infatti jibqà “okkult” – moħbi f’Alla stess – tant li wkoll wara l-proklamazzjoni (jew aħjar rivelazzjoni) tiegħu ma jiqafx milli jissejjaħ “misteru”, u jiġi wkoll ippridkat bħala misteru. Is- sagrament jassumi r-rivelazzjoni tal-misteru u jassumi wkoll l-aċċettazzjoni tiegħu permezz tal-fidi, min-naħa tal-bniedem. Madankollu huwa fl-istess ħin xi ħaġa iktar mill-proklamazzjoni tal-misteru u l-aċcettazzjoni tiegħu permezz tal-fidi. Is-sagrament jikkonsisti fil-“manifestazzjoni” ta’ dak il-misteru f’sinjal li jservi mhux biss biex tipproklama l-misteru, imma wkoll li tattwah fil-bniedem.  Is-sagrament huwa sinjal viżibbli u effikaċi tal-grazzja. Permezz tiegħu jiġi attwat fil-bniedem dak il-misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla, li dwaru titkellem, immedjatament fil-bidu l-ittra lill-Efesin (cf. Ef 1, 9) – misteru tas-sejħa għall-qdusija, min-naħa ta’ Alla, tal-bniedem fi Kristu, u misteru tal-predestinazzjoni tiegħu li jsir iben addottiv. Huwa jattwa ruħu b’mod misterjuż, taħt il-velu ta’ sinjal; xejn inqas dak is-sinjal huwa dejjem li “jirrendi viżibbli” dak il-misteru soprannaturali li jaġixxi fil-bniedem taħt il-velu tiegħu.

6. Waqt li nikkunsidraw il-pass tal-ittra lill-Efesin hawn analizzat, u b’mod partikolari l-kliem: “Dan il-misteru huwa kbir; qed ngħid b’referenza għal Kristu u għall-Knisja”, hemm bżonn nosservaw li l-Awtur tal-ittra jikteb mhux biss dwar il-misteru l-kbir moħbi f’Alla, imma wkoll – u b’mod speċjali – dwar il-misteru li jitwettaq minħabba l-fatt li Kristu, li b’att ta’ mħabba redentriċi ħabb lill-Knisja u ta ħajtu għaliha, bl-istess att ingħaqad mal-Knisja b’mod sponsali, hekk bħalma jingħaqdu b’mod reċiproku raġel u martu fiż-żwieġ imwaqqaf mill-Ħallieq. Donnu li l-kliem tal-ittra lill-Efesin jimmotiva suffiċjentement dak li naqraw fil-bidu stess tal-kostituzzjoni Lumen Gentium: “. . . il-Knisja hija fi Kristu bħal sagrament jew sinjal jew strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-ġeneru uman kollu” (Lumen Gentium, 1). Dan it-test tal-Vatikan II ma jgħidx: “Il-Knisja hija sagrament”, imma “hija bħal sagrament”, waqt li jindika b’dan li s-sagramentalità tal-Knisja trid titkellem b’mod analoġiku u mhux rispett identiku għal dak li nifhmu meta nirreferu għas-sebà sagramenti amministrati mill-Knisja bi stituzzjoni ta’ Kristu. Jekk jeżistu l-bażijiet biex nitkellmu dwar il-Knisja bħal ma nitkellmu dwar  sagrament, tali bażijiet ġew il-biċċa l-kbira indikati appuntu fl-ittra lill-Efesin.

7. Nistgħu ngħidu li tali sagramentalità tal-Knisja hija magħmula mis-sagramenti kollha permezz ta’ liema hija twettaq il-missjoni santifikatriċi tagħha. Nistgħu ngħidu wkoll li s-sagramentalità tal-Knisja hija sors tas-sagramenti, u b’mod partikulari tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija, kif jirriżulta mis-silta, ġa analizzata, mill-ittra lill-Efesin (cf. Ef 5, 25-30). Fl-aħħar hemm bżonn ngħidu li s-sagramentalità tal-Knisja tibqà f’rapport partikolari maż-żwieġ: is-sagrament l-iktar antik.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >