94. Aspetti Morali tal-Vokazzjoni Nisranija

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  15/09/1982.

1. Għandna quddiemna t-test tal-ittra lill-Efesin 5, 22-33, li diġa ilna għal xi żmien nanalizzaw minħabba l-importanza tiegħu għall-problema taż-żwieġ u tas-sagrament.

Fit-totalità tal-kontenut tiegħu, biex nibdew minn l-ewwel kapitolu, l-ittra titkellem b’mod speċjali dwar il-misteru “minn sekoli” “moħbi f’Alla”, bħala don destinat eternament għall-bniedem. “Imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, / li berikna b’kull barka spiritwali fis-smewwiet, fi Kristu. / Fih għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja, / biex inkunu qaddisin u mmakulati quddiemu fil-karità, / waqt li ppredestinana biex inkunu wliedu addottivi / bl-opra ta’ Ġesù Kristu, / skont il-għan tar-rieda tiegħu. / U dan b’tifħir u glorja tal-grazzja tiegħu, / li tana f’ibnu l-għażiż” (Ef 1, 3-6).

2. S’issa tkellimna dwar il- misteru moħbi “minn sekoli”f’Alla (Ef 3, 9). Is-sentenzi suċċessivi, jintroduċu lill-qarrej fil-fażi ta’ attwazzjoni ta’ dak il-misteru fl-istorja tal-bniedem:  id-don, iddestinat għalih “minn sekoli” fi Kristu, isir parti rejali tal-bniedem fl-istess Kristu: “. . . li fih kellna l-fidwa permezz ta’ demmu, / il-maħdra tad-dnubiet / l-għana tal-grazzja tiegħu. / Huwa ferrixha fuqna b’mod abbondanti / b’kull għerf u ntelliġenza, / sabiex għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, / skont kemm, fit-tieba tiegħu, kellu prestabbilit fih / biex iwettqu fil-milja taż-żmien: / il-pjan jiġifieri li jerġà jiġbor fi Kristu l-ħwejjeġ kollha, / dawk tas-sema u dawk tal-art” (Ef 1, 7-10).

3. Hekk il-misteru etern għadda mill-istat tal-“moħba f’Alla” għall-fażi ta’ rivelazzjoni u attwazzjoni. Kristu, li fih l-umanità kienet “minn sekoli” magħżula u mbierka “b’kull barka spiritwali” tal-Missier-Kristu, iddestinat, skont il-“pjan” etern ta’ Alla, sabiex fih, bħalma fir-Ras “ikunu  miġbura l-ħwejjeġ kollha, dawk tas-sema kif ukoll dawk tal-art” fil-prospettiva eskatoloġika – jirrivela l-misteru etern u jattwah fost il-bnedmin. Għalhekk l-Awtur tal-ittra lill-Efesin, fil-kumplament tal-ittra nfisha, iħeġġeġ lil dawk li lilhom waslet din ir-rivelazzjoni, u lil dawk li laqgħuha fil-fidi, biex jimmudellaw ħajjithom fl-ispirtu tal-verità magħrufa. Għall-istess ħaġa iħeġġeġ b’mod partikulari lill-miżżewġin, irġiel u nisa.

4. Fil-parti l-kbira tal-kuntest, l-ittra ssir istruzzjoni, jew aħjar parenesi. L-wtur donnu jitkellem speċjalment dwar l-aspetti morali tal-vokazzjoni tal-insara, madankollu waqt li jagħmel referenza kontinwa għall-misteru, li diġa jaħdem fihom minħabba l-fidwa ta’ Kristu, u jaħdem b’effett minħabba l-magħmudija. Infatti huwa jikteb: “Fih ukoll intom, / wara li tkunu smajtu l-kelma tal-verità, / il-Vanġelu tas-salvazzjoni tagħkom, / u tkunu emmintu fihom, / tkunu rċevejtu s-siġill tal-Ispirtu Santu, / li kien ġie mwiegħed” (Ef 1, 13). Hekk mela l-aspetti morali tal-vokazzjoni nisranija jibqgħu marbutin mhux biss mar-rivelazzjoni tal-misteru etern divin fi Kristu u bl-aċċettazzjoni tiegħu fil-fidi, imma wkoll bl-ordni sagramentali, li, għalkemm ma tqiegħedx lilha nfisha fuq quddiem nett fl-ittra kollha, donnha madankollu hija preżenti b’mod diskret. Mill-bqija ma jistax ikun xort’oħra minħabba li l-Appostlu jikteb lill-insara li, permezz tal-magħmudija, kienu saru membri tal-komunita ekkleżjali. Minn dan il-punt di vista, is-silta mill-ittra lill-Efesin 5, 22-33, s’issa analizzata, donnha għandha importanza partikolari. Infatti hija titfà dawl speċjali  fuq ir-rapport essenzjali tal-misteru bis-sagrament u speċjalment fuq is-sagramentalità taż-żwieġ.

5. Fiċ-ċentru tal-misteru hemm Kristu. Fih – propju fih –  l-umanità kienet eternament imbierka “b’kull barka spiritwali”. Fih – fi Kristu – l-umanità kienet magħżula “qabel il-ħolqien tad-dinja”, magħżula “fil-karità u ppredestinata għall-adozzjoni ta’ wlied. Meta wara, mal-“milja taż-żminijiet”, dan il-misteru etern twettaq fiż-żmien, dan jattwa wkoll fih u għalih; fi Kristu u għal Kristu. Permezz ta’ Kristu jiġi rivelat il-misteru tal-Imħabba divina. Għalih u fih, dan jiġi mwettaq: fih “għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, / il-maħfra tad-dnubiet . . .” (Ef 1, 7). B’tali mod il-bnedmin li jaċċettaw permezz tal-fidi d-don offrut lilhom fi Kristu, isiru rejalment parteċipi tal-misteru etern, għalkemm huwa jaħdem fihom taħt il-veli tal-fidi. Din il-kontribuzzjoni soprannaturali tal-frott tal-fidwa mwettqa minn Kristu tikseb, skont l-ittra lill-Efesin 5, 22-33, il-karattru ta’ għoti sponsali ta’ Kristu stess lill-Knisja b’xebħ tar-rapport sponsali bejn ir-raġel u martu. Mela mhux biss il-frott tal-fidwa huwa don, imma speċjalment huwa l-Kristu: huwa jagħti lilu nnifsu għall-Knisja, bħala l-għarusa tiegħu  .

6. Hemm bżonn nagħmlu l-mistoqsija, jekk f’dan il-punt tali analoġija tippermettilniex li nippenetraw b’mod iktar profond u b’ikbar preċiżjoni fil-kontenut essenzjali tal-misteru. Jeħtieġ nagħmlu lilna nfusna tali mistoqsija, speċjalment li dak il-pass “klassiku” tal-ittra lill-Efesin (cf. Ef 5, 22-33) ma jidhirx astratt u iżolat, imma jikkostitwixxi kontinwità, f’ċertu sens sekwenza tal-espressjonijiet tat-Testment il-Qadim, li kienu ppreżentawlna l-imħabba ta’ Alla-Jahwe lejn il-poplu Iżraelit minnu magħżul skont l-istess analoġija. Dan jgħodd primarjament għal xi testi tal-Profeti li fid-diskorsi tagħhom introduċew ix-xebħ tal-imħabba sponsali biex jikkaratterizzaw b’mod partikolari l-imħabba li Jahwe għandu għall-Iżrael, l-imħabba li min-naħa tal-poplu magħżul ma ssibx fehim u tpattija; anzi, issib infedeltà u tradiment. L-espressjoni ta’ nfedeltà u tradiment kienet  l-ewwelnett l-idolatrija, kult magħmul lill-allat barranin.

7. Biex ngħidu s-sew, fil-parti l-kbira tal-każi l-biċċa kienet li jkun innotat b’mod drammatiku propju dak it-tradiment u dik l-infedeltà  speċifika “adulterju” ta’ Iżrael; madankollu fil-bażi ta’ dawn l-espressjonijiet kollha tal-profeti tinsab il-konvinzjoni espliċita li l-imħabba ta’ Jahwe lejn il-poplu maħbub tistà u trid tkun ipparagonata mal-imħabba li tgħaqqad l-għarus mal-għarusa, l-imħabba li għandha tgħaqqad lill-miżżewġin. Ikun xieraq li hawn nikkwotaw passi numerużi tat-testi ta’ Iżaija, Osea, Eżekjel (biċċa minnhom diġa ġew miġjuba qabel meta kien analizzat il-konċett tal-“adulterju” fl-isfond tal-klien ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja). Ma nistgħux ninsew li għall-patrimonju tat-Testment il-Qadim jappartjeni wkoll il-“Kantiku tal-Kantiki” li fih l-immaġni tal-imħabba sponsali kienet deskritta – huwa veru – mingħajr l-analoġija tipika tat-testi profetiċi, li kienu jippreżentaw f’dik l-imħabba l-immaġni tal-imħabba ta’ Jahwe lejn Iżrael, imma wkoll mingħajr dak l-element negattiv li fit-testi l-oħra jikkostitwixxi l-mottiv ta “adulterju” jew aħjar infedeltà. Hekk mela l-analoġija tal-għarus u tal-għarusa, li ppermettiet lill-Awtur tal-ittra lill-Efesin li jiddefenixxi r-rapport ta’ Kristu mal-Knisja, tippossiedi tradizzjoni għanja fil-kotba tal-Allejanza l-Qadima. Waqt li nanalizzaw din l-analoġija fit-test “klassiku” tal-ittra lill-Efesin, ma nistgħux ma naslux għal dik it-tradizzjoni.

8. Biex  nispjegaw tali tradizzjoni għal issa nillimitaw ruħna biex nikkwotaw silta mit-test ta’ Iżaija. Il-profeta jgħid: “La tibżax, għaliex m’għandekx tistħi aktar; / anzi, tinsa l-mistħija ta’ żgħożitek / u ma tiftakarx aktar id-diżunur tar-romol tiegħek. / Għaliex l-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek, / Mulej tal-eżerċti huwa ismu; / il-feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael, / huwa msejjaħ Alla tal-art kollha. / Bħal mara mitluqa / u b’qalbha maqsuma, il-Mulej reġà sejjaħlek / Tiġi forsi rrifjutata l-mara miżżewġa f’żgħożitha? / Jgħid Alla tiegħek. / Għal waqt wieħed telqek, / imma jerġà jieħdok b’imħabba immensa, / . . . / ma titbiegħedx minnek imħabbti, / lanqas ma titriegħed l-allejanza ta’ paċi tiegħi; / jgħid il-Mulej li jkollu ħniena minnek” (Is 54, 4-7.10).

Matul il-laqgħa tagħna li jmiss se nibdew l-analiżi tat-test ikkwotat ta’ Iżaija.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: