95. Relazzjoni ta’ Kristu lill-Knisja marbuta mat-Tradizzjoni tal-Profeti

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  22/09/1982.

1. L-ittra lill-Efesin, permezz tal-paragun tar-rapport bejn Kristu u l-Knisja mar-rapport sponsali tal-miżżewġin, jagħmel referenza għat-tradizzjoni tal-profeti tat-Testment il-Qadim.

Biex nuru dan, se nikkwotaw it-test segwenti ta’ Iżaija: “La tibżax, għaliex m’għandikx tistħi iktar  la tistħix għax ma tkun qatt iktar iddiżonorata;  anzi, tinsa l-mistħija ta’ żgħożitek  u ma tiftakarx iktar id-diżunur ta’ romlok.  Għaliex l-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek,  Mulej tal-eżerċti huwa ismu;  il-feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael, huwa msejjaħ Alla tal-art kollha.  Bħal mara mitluqa u b’qalbha mnikkta,  il-Mulej reġà sejjaħlek.  Tiġi forsi mwarrba l-mara miżżewġa f’żgħożitha?  Jgħid Alla tiegħek.  Għal waqt qasir abbandunajtek  imma nerġà nieħdok b’imħabba mmensa.  F’waqt ta’ rabja  ħbejtlek għal ftit lil wiċċi;   imma b’imħabba dejjiema ġietni ħniena minnek,  jgħid il-feddej tiegħek, il-Mulej.  Issa għalija, huwa bħall-jiem ta’ Noè,  meta ħlift li qatt iktar ma kont se nixħet  l-ilmijiet ta’ Noè fuq l-art;  hekk issa naħlef li qatt iktar ma nirrabja għalik  u li ma nheddikx.  Ukoll jekk il-muntanji jiċċaqilqu  u l-għoljiet jiċċaqilqu,  minnek ma titbighedx imħabbti,  lanqas ma titriegħed l-allejanza ta’ paċi tiegħi;  jgħid il-Mulej li jkollu ħniena minnek” (Is 54, 4-10).

2. It-test ta’ Iżaija  ma fihx f’dan il-każ iċ-ċanfir magħmul lill-Iżrael bħala għarusa nfidila, li jidwi b’tant qawwa fit-testijiet l-oħra, b’mod partikolari ta’ Osea jew ta’ Eżekjel. Grazzi għal dan, isir iktar trasparenti l-kontenut essenzjali tal-analoġija bibblika: l-imħabba ta’ Alla-Jahwe lejn Iżrael-poplu magħżul hija espressa bħall-imħabba tar-raġel-għarus lejn il-mara magħżula biex tkunlu martu permezz tal-patt konjugali. B’tali mod Iżaija jispjega l-ġrajjiet li jikkomponu il-kors tal-istorja ta’ Iżrael, waqt li jmur lura għall-misteru moħbi kważi fil-qalb stess ta’ Alla. F’ċertu sens, huwa jeħodna fl-istess direzzjoni, li fiha jeħodna, wara sekoli sħaħ, l-Awtur tal-ittra lill-Efesin, li – waqt li jibbaża ruħu fuq il-fidwa diġa mwettqa fi Kristu – jiżvela b’mod iktar mimli l-profondità tal-istess misteru.

3. It-test tal- profeta għandu l-kulur tat-tradizzjoni u tal-mentalità tal-bnedmin tat-Testment il-Qadim. Il-profeta, waqt li jitkellem f’isem Alla u kważi bi kliemu, idur lejn Iżrael bħalma għarus idur fuq l-għarusa minnu magħżula. Dan il-kliem ifawwar b’ħeġġa awtentika ta’ mħabba u fl-istess ħin jenfasizza l-ispeċifiċità kollha kemm tas-sitwazzjoni kif ukoll tal-mentalità propja ta’ dik l-epoka. Huwa jenfasizza li l-għażla da parti tal-bniedem tneħħi d-“diżunur” lill-mara, li skont l-opinjoni tas-soċjetà kien qisu marbut mal-istat ta’ xebba kemm oriġinarju (il-verġinità) kif ukoll sekondarju (ir-romol) kif ukoll fl-aħħar  dak derivat mir-ripudju tal-mara miżzewġa mhux maħbuba (cf. Dt 24, 1) jew eventwalment tal-mara miżżewġa infidila. Madankollu, it-test ikkwotat ma jsemmi xejn dwar l-infedeltà; minflok huwa jindika il-mottiv ta’ “mħabba ħanina” (fit-test Ebrajk  għandna l-kliem hesed-rahamim, li jidher flimkien iktar minn darba.), waqt li b’dan jindika mhux biss il-karattru soċjali taż-żwieġ fl-Allejanza l-Qadima, imma wkoll il-karattru stess tad-don, li l-imħabba ta’ Alla lejn Iżrael-għarusa: don li jiġi kollu kemm hu mill-inizjattiva ta’ Alla. Fi kliem ieħor: waqt li jindika d-dimensjoni tal-grazzja, li mill-bidu hija kontenuta f’dik l-imħabba. Din hija forsi l-iktar “dikjarazzjoni ta’ mħabba” qawwija min-naħa ta’ Alla, marbuta mal-ġurament sollenni tal-fedeltà għal dejjem.

4. L-analoġija  tal-imħabba li tgħaqqad il-miżżewġin hija f’din is-silta indikata b’qawwa. Iżaija jgħid:… “l-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek,  Mulej tal-Eżerċti huwa ismu;  feddej tiegħek huwa il-Qaddis ta’ Iżrael,  huwa msejjaħ Alla tal-art kollha” (Is 54, 5).Hekk, mela, f’dak it-test l-istess Alla, fil-majjesta kollha tiegħu ta’ Ħallieq u Mulej tal-ħolqien, jiġi b’mod espliċitu msejjaħ “għarus” tal-poplu magħżul. Dan l-“għarus” jtkellem dwar l-“imħabba” kbira tiegħu, li ma “jitbigħedx” minn-Iżrael-għarusa, imma jibni sies stabbli tal-“allejanza ta’ paċi” miegħu. Hekk il-mottiv tal-imħabba sponsali u taż-żwieġ jiġi marbut mal-mottiv tal- allejanza. Barra minn hekk il-“Mulej tal-eżerċti” isejjaħ lilu nnifsu mhux biss “ħallieq” imma wkoll “feddej”. It-test għandu kontenut tejoloġiku ta’ rikkezza straordinarja.

5. Waqt li nikkonfrontaw it-test ta’ Iżaija mal-ittra lill-Efesin u waqt li nosservaw il-kontinwità rigward l-analoġija tal-imħabba sponsali u taż-żwieġ, irridu fl-istess ħin ninnutaw ċerta differenza ta’ ottika tejoloġika. L-Awtur tal-ittra diġa fl-ewwel kapitolu jitkellem dwar il-misteru tal-imħabba u tal-elezzjoni, li biha “Alla, Missier sidna Ġesù Kristu” iħaddan lill-bnedmin f’Ibnu, speċjalment bħallikieku misteru “moħbi f’moħħ Alla”. Dan huwa l-misteru tal-imħabba paterna, misteru tal-elezzjoni għall-qdusija (“biex inkunu qaddisin u mmakulati”) (Ef 1, 4) u tal-adozzjoni għal ulied fi Kristu (“waqt li ppredestinana biex inkunu wliedu adottivi bl-opra ta’ Ġesù Kristu”) (Ef 1, 5). F’tali kuntest,id-deduzzjoni tal-analoġija dwar iż-żwieġ, li sibna f’Iżaija (“l-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek, Mule tal-eżerċti huwa ismu”) (Is 54, 5), donnha li hija lemħa li tagħmel parti mill-prospettiva tejoloġika. L-ewwel dimensjoni tal-imħabba u tal-elezzjoni, bħala misteru għal sekoli moħbi f’Alla, huwa dimensjoni paterna u mhux konjugali”. Skont l-ittra lill-Efesin, l-ewwel nota karatteristika ta’ dak il-misteru tibqà marbuta mal-paternità stess ta’ Alla, enfasizzata b’mod partikolari mill-profeti  (cf. Os11, 1-4;  63, 8-9; 64, 7; Ml 1, 6).

6. L-analoġija tal-imħabba sponsali u taż-żwieġ tidher biss meta l-“Ħallieq” u l-“Qaddis ta’ Iżrael” tat-test ta’ Iżaija jimmanifesta ruħu bħala “Feddej”. Iżaija jgħid: “L-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek, il-Mulej tal-eżerċti huwa ismu,  il-feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael” (Is54, 5). Diġa f’dan it-test huwa possibbli, f’ċertu sens, li naqraw il-paralelliżmu bejn l-“għarus” u l-“Feddej”. Waqt li ngħaddu għall-ittra lill-Efesin, irridu nosservaw li dan il-ħsieb huwa appuntu żviluppat għal kollox. Il-figura tar-Redentur (għalkemm fil-kotba bibbliċi l-iktar antiki l-“feddej” [ebr. go’el] ifisser il-persuna obbligata minħabba rbit ta’ demm biex tivvendika il-qarib maqtul [cfr., ex. gr., Nm. 35, 19], biex iġib għajnuna lil qarib sfortunat  [cfr., ex. gr., Ru. 4, 6] u speċjalment biex jifdih mill-iskjavitù [cfr., ex. gr., Lv. 25, 48], mal-mixja taż-żmien din l-analoġija tiġi applikata għal Jahwe, “li feda lill-Iżrael mill-kondizzjoni servili, minn id il-farawni, sultan tal-Eġittu” [Dt. 7, 8]. B’mod partikolari fid-Dewtero-Iżaija l-aċċent jispostja ruħu minn fuq l-azzjoni ta’ riskatt għall-persuna tal-Feddej, li personalment salva lill-Iżrael, kważi biss permezz tal-istess preżenza tiegħu, “mingħajr flus u mingħajr rigali” [Is. 45, 13]. Għalhekk il-passaġġ tar-“Redentur” mill-profezija ta’ Iżaija 54 għall-ittra lill-Efesin għandu l-istess motivazzjoni tal-applikazzjoni tal-imsemmiha ittra, mit-testi tal-Kantiku tal-Qaddej ta’ Jahwe, [cfr. Is. 53, 10-12; Ef. 5, 23. 25-26]) joħroġ diġa fl-ewwel kapitolu bħala propju ta’ dak li huwa l-ewwel “Iben maħbub” tal-Missier (Ef 1, 6), maħbub sa mill-eternità: ta dak, li fih aħna lkoll konna “minn sekoli” maħbubin mill-Missier. Huwa l-Iben tal-istess sustanza tal-Missier, “f’liema għandna l-maħfra permezz ta demmu, il-maħfra tad-dnubiet skont l-għana tal-grazzja tiegħu” (Ef 1, 7). L-istess Iben, bħala Kristu (jew aħjar bħala l-Messija), “ħabb lill-Knisja u ta’ ħajtu għaliha” (Ef 5, 25).

Din il-preżentazzjoni brillanti tal-ittra lill-Efesin  tiġbor fiha u fl-istess ħin tenfasizza l-elementi tal-Kantiku tal-Qaddej ta’ Jahwe u tal-Kantiku ta’ Sijon (cf. ex. gr. Is 42, 1; 53, 8-12; 54, 8).

U hekk id-donazzjoni tiegħu nnifsu għall-Knisja tammonta għat-twettiq tal-opra tal-fidwa. B’tali mod, il-ħallieq, Mulej tal-eżerċti” tat-test ta’ Iżaija jsir il-“Qaddis ta’ Iżrael”, tal-“Iżrael il-ġdid”, bħala Feddej. Fl-ittra lill-Efesin il-prospettiva tejoloġika tat-test profetiku hija kkonservata u fl-istess ħin ittrasformata u ddettaljata. Jidħlu hemm mumenti rivelati ġodda: il-mument trinitarju, Kristoloġiku (Minflok ir-relazzjoni “Alla-Iżrael”, Pawlu jintroduċi r-rapport “Kristu-Knisja”, waqt li japplika għal Kristu dak kollu li t-Testment il-Qadim jirreferixxi għal Jahwe [Adonai – Kyrios]. Kristu huwa Alla, imma Pawlu japplikalu wkoll dak kollu li jirreferixxi għall-Qaddej ta’ Jahwe fl-erbà Kantiċi [Is. 42; 49; 50; 52-53], interpretati fil-perijodu intertestimentarju f’sens messjaniku. Il-mottiv tar-“Ras” u tal-“Ġisem” mhuwiex ta’ tnissil bibbliku, imma probabilment ellenistiku [stojku?]. Fl-ittra lill-Efesin din it-tema tal-“Ġisem” isservi biex turi l-ordni li jsaltan fis-soċjetà]. Mill-punt di vista bibbliku l-introduzzjoni ta’ dan il-mottiv hija novità assoluta) u fl-aħħar eskatoloġika.

7. Hekk mela San Pawl, waqt li jikteb l-ittra Lill-Poplu ta’ Alla tal-Allejanza l-Ġdida u b’mod preċiż għall-Knisja ta’ Efesu, ma jirripetix iktar: “L-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek”, imma juri b’liema mod ir-“Redentur”, li huwa l-Iben il-kbir u mis-sekoli kollha “maħbub tal-Missier”, jirrivela fl-istess ħin l-imħabba feddejja tiegħu, li tikkonsisti fid-donazzjoni tiegħu nnifsu għall-Knisja, bħala mħabba sponsali b’liema huwa jiżżewweġ lill-Knisja u jagħmilha Ġismu propju. Hekk l-analoġija tat-testi profetiċi tat-Testment il-Qadim (fil-każ, speċjalment tal-ktieb ta’ Iżaija) tibqà kkonservata fl-ittra lill-Efesin u fl-istess ħin tiġi b’mod evidenti ttrasformata. Għall-analoġija jikkorrispondi l-misteru, li permezz tagħha jiġi espress u f’ċertu sens spjegat. Fit-test ta’ Iżaija dan il-misteru huwa biss deskritt, kważi “mbexxaq”; fl-ittra lill-Efesin, iżda, huwa żvelat għal kollox (sintendi, mingħajr ma waqaf ikun misteru). Fl-ittra lill-Efesin hija distinta b’mod espliċitu d-dimensjoni eterna tal-misteru inkwantu moħbi f’Alla (“Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu”) u d-dimensjoni tar-rejalizzazzjoni storika tiegħu, skont id-dimensjoni kristoloġika u fl-istess ħin ekklesjoloġika tiegħu. L-analoġija taż-żwieġ tirreferi b’mod dirett għal dimensjoni storika: kienet marbuta mal-istorja tal-poplu magħżul tal-Allejanza l-Qadima, mal-istorja ta’ Iżrael: iżda d-dimensjoni kristoloġika u ekklesjoloġika, fl-attwazzjoni veterotestamentarja tal-misteru, kienet tinsab biss bħala embrijun, kienet biss imħabbra minn qabel.

Xejn inqas huwa ċar li t-test ta’ Iżaija jġħinna biex nifhmu aħjar l-ittra lill-Efesin u l-analoġija l-kbira tal-imħabba sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading