96. L-Analoġija tal-imħabba sponsali tindika il-Karattru Radikali tal-Grazzja

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  29/09/1982.

1. Fl-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-33) – bħalma fil-profeti tat-Testment il-Qadim (per eżempju Iżaija) – insibu l-analoġija l-kbira dwar iż-żwieġ jew dwar l-imħabba sponsali bejn Kristu u l-Knisja.

X’funzjoni twettaq din l-analoġija fir-rigward tal-misteru rivelat fl-Allejanza l-Qadima u l-Ġdida? Għal din id-domanda hemm bżonn li nwieġbu gradwalment. L-ewwelnett, l-analoġija tal-imħabba konjugali jew sponsali tgħin biex nippenetraw fl-essenza stess tal-misteru. Tgħin biex nifhmuh sa ċertu punt, sintendi, b’mod analoġiku. Huwa ovvju li l-analoġija tal-imħabba terrena, umana, tar-raġel miżżewweġ lejn martu, tal-imħabba umana sponsali, ma tistax toffrilna fehim adegwat u komplet ta’ dik ir-Realtà assolutament traxxendenti, li hu l-misteru divin, kemm fil-ħabi għal sekoli f’Alla, kif ukoll fit-twettiq tiegħu “storiku” fiż-żmien, meta “Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25). Il-misteru jibqà traxxendenti fir-rigward ta’ din l-analoġija bħal fir-rigward ta’ kwalunkwè analoġija oħra, li biha nfittxu li nesprimu fil-lingwaġġ uman. Kontemporanjament, madankollu, tali analoġija toffri l-possibiltà ta’ ċerta “penetrazzjoni” konoxxittiva fl-assenza stess tal-misteru.

2. L-analoġija tal-imħabba sponsali tippermettilna li nifhmu b’ċertu mod il-misteru li għal sekoli huwa moħbi, u li fiż-żmien jiġi mwettaq minn Kristu bħala mħabba propja ta’ rigal totali u rrevokabbli tiegħu innifsu da parti ta’ Alla lill-bniedem fi Kristu. Dan huwa l-“bniedem” fid-dimensjoni personali u fl-istess ħin komunitarja (din id-dimensjoni komunitarja tiġi espressa fil-ktieb ta’ Iżaija u fil-profeti bħala “Iżrael”, fl-ittra lill-Efesin bħala “Knisja”; nistgħu ngħidu: Poplu ta’ Alla tal-Allejanza l-Qadima u tal-Ġdida). Inżidu li fiż-żewġ ideat, id-dimensjoni komunitarja hija mqiegħda, f’ċertu sens, quddiemnett, imma mhux tant biex tgħatti għal kollox lid-dimensjoni personali, li mill-banda l-oħra tappartjeni b’mod sempliċi għall-essenza stess tal-imħabba sponsali. Fiż-żewġ każi għandna pjuttost x’naqsmu ma’ “riduzzjoni”  sinifikattiva “tal-komunità lill-persuna” (Din mhix biss il-personifikazzjoni tas-soċjetà umana, li tikkostitwixxi fenomenu komuni biżżejjed fil-letteratura mondjali, imma ta’ “personalità korporattiva” speċifika tal-Bibbja, immarkata minn rapport reċiproku kontinwu tal-individwu mal-grupp [cf. H. Wheeler Robinson, The Hebrew Conception of Corporate PersonalityBZAW 66 [1936] 49-62; cf. anche J. L. McKenzie, Aspects of Old Testament Thought, in “The Jerome Biblical Commentary”, vol. 2, London 1970, p. 748]): Iżrael u l-Knisja huma meqjusa bħala għarusa-persuna da parti tal-għarus-persuna (“Jahwe” u “Kristu”). Kull “jien” konkret irid isib lilu nnifsu f’dak il-bibbliku “aħna”.

3. Hekk mela l-analoġija li dwarha qed nitkellmu tippermetti li nifhmu, f’ċertu grad, il-misteru rivelat tal-Alla l-ħaj, li huwa Ħallieq u Feddej (u in kwantu tali huwa, fl-istess ħin, Alla tal-allejanza); tippermettilna li nifhmu tali misteru għall-mod ta’ mħabba sponsali, hekk bħalma tippermetti li nifhmuh ukoll għall-mod ta’ mħabba “ħanina” (skont it-test tal-ktieb ta’ Iżaia) jew inkella għall-mod  ta’ mħabba “paterna” (skont l-ittra lill-Efesin, prinċipalment fil-Kapitolu 1). Il-modi msemmija fuq ta’ fehim tal-misteru huma wkoll bla dubju analoġiċi. L-analoġija tal-imħabba sponsali fiha karatteristika tal-misteru, li ma tiġix imqiegħda b’mod dirett enfasizzata la fl-analoġija tal-imħabba ħanina lanqas fl-analoġija tal-imħabba paterna (jew minn kwalunkwè analoġija oħra wżatha fil-Bibbja, li għaliha stajna rreferejna).

4. L-analoġija tal-imħabba tal-għarajjes (jew imħabba sponsali) donnha tenfasizza b’mod speċjali il-waqt tad-don tiegħu nnifsu da parti ta’ Alla lill-bniedem, “minn sekoli” magħżul fi Kristu (letteralmnent: lill-“Iżrael”, lill-“Knisja”); don totali (jew pjuttost “radikali”) u irrevokabbli;  fil-karattru essenzjali tiegħu, jew aħjar bħala don. Dan id-don huwa bla dubju “radikali” u għalhekk “totali”. Ma nistgħux hawn nitkellmu dwar dik it-“totalità” f’sens metafiżiku. Il-bniedem, infatti, bħala kreatura mhuwiex kapaċi li “jilqà” id-don ta’ Alla fil-milja traxxendentali tad-divinità tiegħu. Tali “don totali” (mhux maħluq) jiġi biss ipparteċipat minn Alla nnifsu fil-“komunità trinitarja tal-Persuni”. Iżda, id-don tiegħu nnifsu min-naħa ta’ Alla lill-bniedem, li dwaru titkellem l-analoġija tal-imħabba sponsali, jistà jkollu biss il-forma tal-parteċipazzjoni fin-natura divina (cf. 2 Pt 1, 4), bħalma kien iċċarat bi preċiżjoni kbira mit-tejoloġija. Xejn inqas, skont tali miżura, id-don magħmul lill-bniedem da parti ta’ Alla fi Kristu huwa don “totali” jew aħjar “radikali”, bħal ma tindika appuntu l-analoġija tal-imħabba sponsali: huwa, f’ċertu sens, dak “kollu” li Alla “setà” jagħti minnu nnifsu lill-bniedem, meqjusin il-fakultajiet limitati tal-bniedem-kreatura. F’tali mod, l-analoġija tal-imħabba sponsali tindika l-karattru “radikali” tal-grazzja: tal-ordni kollu tal-grazzja maħluqa.

5. Dan ta’ fuq donnu li wieħed jistà jgħid b’referenza għall-ewwel funzjoni tal-analoġija l-kbira tagħna, li din għaddiet mill-kitbiet tal-profeti tat-Testment il-Qadim għall-ittra lill-Efesin, fejn, bħalma diġa nnutata, ġarrbet trasformazzjoni sinifikattiva. L-analoġija taż-żwieġ, bħala realtà umana, li fiha tiġi nkarnata l-imħabba sponsali, tgħin f’ċertu grad u f’ċertu mod biex jinftiehem il-misteru tal-grazzja bħala realtà eterna f’Alla u bħala frott “storiku” tal-fidwa tal-umanità fi Kristu. Madankollu, għidna qabel li din l-analoġija bibblika mhux biss “tispjega” l-misteru, imma li, min-naħa l-oħra, il-misteru jiddefenixxi u jiddeċiedi l-mod adegwat tal-fehim tal-analoġija, u preċiżament dan il-komponent tiegħu, li fih l-awturi bibbliċi jaraw “l-immaġni u x-xebħ” tal-misteru divin. Hekk, mela, it-taqbil taż-żwieġ (minħabba l-imħabba sponsali) mar-rapport ta’ “Jahwe-Iżrael” fl-Allejanza l-Qadima u ta’ “Kristu-Knisja” fl-Allejanza l-Ġdida jiddeċiedi fl-istess ħin dwar il-mod tal-fehim taż-żwieġ innifsu u jiddetermina dan il-mod.

6. Din hija t-tieni funzjoni tal-analoġija l-kbira tagħna. U, fil-prospettiva ta’ din il-funzjoni noqorbu bil-fatti għall-problema tas-“sagrament u misteru”, jew aħjar, f’sens ġenerali u fundamentali, għall-problema tas-sagramentalità taż-żwieġ. Dan jidher partikolarment motivat fid-dawl tal-analiżi tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-33). Infatti waqt li jippreżenta r-rapport ta’ Kristu mal-Knisja f’xebħ mal-għaqda sponsali tar-raġel miżżewweġ u  ta’martu, l-Awtur ta’ din l-ittra jitkellem bil-mod  iktar ġenerali u fl-istess ħin fundamentali mhux biss dwar it-twettiq tal-misteru divin etern, imma wkoll dwar il-mod li bih dak il-misteru kien espress fl-ordni viżibbli, tal-mod li fih huwa sar viżibbli, u minħabba f’dan daħal fl-isfera tas-Sinjal.

7. Bit- terminu “sinjal” hawn nifhmu sempliċement il-“viżibiltà tal-inviżibbli”. Il-misteru minn sekoli moħbi f’Alla – jew aħjar inviżibbli – sar viżibbli qabel xejn fl-istess ġrajja storika  ta’ Kristu. U ir-rapport ta’ Kristu mal-Knisja, li fl-ittra lill-Efesin jiġi ddefinit “mysterium magnum”, jikkostitwixxi t-twettiq u l-konċentrazzjoni tal-viżibiltà tal-istess misteru.  Barra minn dan, il-fatt li l-Awtur tal-ittra lill-Efesin iqabbel ir-rapport indissolibbli ta’ Kristu mal-Knisja mar-rapport bejn ir-raġel miżżewweġ u martu, jiġifieri maż-żwieġ – waqt li fl-istess ħin jagħmel referenza għall-kliem tal-Ġenesi (Ġen 2, 24), li bl-att ħallieqi ta’ Alla oriġinarjament jikkostitwixxu ż-żwieġ -, idawwar ir-riflessjoni tagħna lejn dak li kien ippreżentat diġa qabel – fil-kuntest tal-misteru stess tal-ħolqien – bħala “viżibiltà tal-inviżibbli”, lejn l-“oriġni” stess tal-istorja tejoloġika tal-bniedem..

Nistgħu ngħidu li s-sinjal viżibbli taż-żwieġ “fil-bidu”, inkwantu marbut mas-sinjal viżibbli ta’ Kristu u tal-Knisja fil-quċċata tal-ekonomija feddejja ta’ Alla, jittrasferixxi il-pjan etern ta’ mħabba fid-dimensjoni “storika” u jagħmlu is-sies tal-ordni sagramentali kollha, Mertu partikolari tal-Awtur tal-ittra lill-Efesin jinsab fli rnexxielu jqarrab dawn iż-żewġ sinjali, waqt li għamel l-uniku signal kbir, jiġifieri  sagrament kbir (“sacramentum magnum”).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: