99. Iż-Żwieġ Parti Integrali mill-Ekonomija Sagramentali l-Ġdida

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  20/10/1982.

1. L-Erbgħa li għaddew tkellimna dwar l-eredità integrali tal-allejanza ma’ Alla, u dwar il-grazzja magħquda oriġinarjament mal-opra divina tal-ħolqien.

Dwar din l-eredità integrali – bħal jeħtieġ niddeduċu mit-test tal-ittra lill-Efesin 5, 22-33 – kien jagħmel parti ż-żwieġ, bħala sagrament primordjali, imwaqqaf sa mill-“bidu” u marbut mas-sagrament tal-ħolqien fil-globalità tiegħu. Is-sagramentalità taż-żwieġ mhijiex biss mudell u figura tas-sagrament tal-Knisja (ta’ Kristu u l-Knisja), imma tikkostitwixxi wkoll parti essenzjali mill-eredità l-ġdida: dik tas-sagrament tar-Redenzjoni, li bih il-Knisja tiġi ggratifikata fi Kristu. Hemm bżonn li hawn għall-darb’oħra nmorru lura għall-kliem ta’ Kristu f’Mattew 19, 3-9 (cf. etiam Mk 10, 5-9), li fih Kristu, fit-tweġiba għad-domanda tal-Fariżej dwar iż-żwieġ jew il-karattru speċifiku tiegħu, jirreferi biss u b’mod esklussiv għall-istituzzjoni oriġinarja tiegħu da parti tal-Ħallieq fil-“bidu”. Waqt li nirriflettu dwar is-sinifikat ta’ din it-tweġiba fid-dawl tal-ittra lill-Efesin, u b’mod partikolari ta’  Efesin 5, 22-33, nikkonkludu għal rapport, f’ċertu sens, doppju taż-żwieġ mal-ordni sagramentali kollu li, fl-Allejanza l-Ġdida, toħroġ mill-istess sagrament tar-Redenzjoni.

2. Iż-żwieġ bħala sagrament primordjali jikkostitwixxi, minn naħa, il-figura (u allura: ix-xebħ, l-analoġija), skont liema tiġi mibnija l-istruttura fondamentali sinsla tal-ekonomija l-ġdida tal-fidwa u tal-ordni sagramentali, li tieħu l-oriġni tagħha mill-ġustifikazzjoni sponsali li l-Knisja tirċievi minn Kristu, flimkien mal-ġid kollu tar-Redenzjoni (nistgħu ngħidu, billi ninqdew bil-kliem inizjali tal-ittra lill-Efesin: “Ta’ kull barka spiritwali”) (Ef 1, 3). B’tali mod iż-żwieġ, ħalaba sagrament primordjali, jiġi assunt u inserit fl-istruttura ntegrali tal-ekonomija l-ġdida saġramentali, li ħarġet mir-Redenzjoni f’forma, jkolli ngħid, ta’ “prototip”: jiġi assunt u inserit kważi mill-istess sisien tiegħu. Kristu nnifsu, fid-djalogu mal-Fariżej (Mt 19, 3-9),  jsostni l-ewwelnett l-eżistenza tiegħu. Biex nirriflettu sewwa fuq din id-dimensjoni, hemm bżonn nikkonkludu li s-sagramenti kollha tal-Allejanza l-Ġdida jsibu f’ċertu sens fiż-żwieġ bħala sagrament primordjali il-prototip tagħhom. Dan donnu jipprospetta lilu nnifsu fis-silta klassika kkwotata mill-ittra lill-Efesin, bħalma se ngħidu minn hawn u ftit ieħor.

3. Madankollu, ir-rapport taż-żwieġ mal-ordni kollha sagramentali, li ħareġ mill-gratifikazzjoni tal-Knisja bil-ġid kollu tar-Redenzjoni, ma jillimitax ruħu biss għad-dimensjoni ta’ mudell. Kristu, fid-djalogu tiegħu mal-Fariżej (cf. Mt 19), mhux biss jikkonferma l-eżistenza taż-żwieġ imwaqqaf sa mill-“bidu” mill-Ħallieq, imma jiddikkjarah ukoll parti ntegrali tal-ekonomija sagramentali l-ġdida, tal-ordni l-ġdid tas-“sinjali” feddejja, li jieħdu l-oriġni tagħhom mis-sagrament tar-Redenzjoni, hekk bħalma l-ekonomija oriġinarja ħarget mis-sagrament tal-ħolqien; u fir-realtà Kristu jillimita ruħu għall-uniku Sagrament, li kien iż-żwieġ, li kien ġie mwaqqaf  fl-istat tal-innoċenza u tal-ġustizzja oriġinarja tal-bniedem, maħluq bħala maskju u femmina “xbiha u xebħ ta’ Alla”.

4. L-ekonomija l-ġdida sagramentali, li tiġi mwaqqfa fuq il-bażi tas-sagrament tar-Redenzjoni, waqt li joħroġ mill-gratifikazzjoni tal-Knisja da parti ta’ Kristu, jiddifferixxi mill-ekonomija oriġinarja. Infatti, hija hija diretta mhux għall-bniedem tal-ġustizzja u tal-innoċenza oriġinarja, imma għall-bniedem mgħobbi bl-eredità tad-dnub tan-nisel u tal-istat tal-pekkaminożità (“status naturae lapsae”). Hija diretta għall-bniedem tal-konkupixxenza tripla, skont il-kliem klassiku tal-ewwel ittra ta’ San Ġwann (cf. 1 Gv 2, 16), għall-bniedem, f’liema “il-ġisem . . . għandu xewqat opposti għall-Ispirtu u l-Ispirtu għandu xewqat opposti għall-ġisem” (Gal5, 17), skont it-tejoloġija (u l-antropoloġija) pawlina, għal-liema ddedikajna bosta spazju fir-riflessjonijiet preċedenti tagħna.

5. Dawn il-konsiderazzjonijiet,  a bażi ta’ analiżi approfindita tas-sinifikat tal-espressjoni ta’ Kristu fid-Diskors  tal-Muntanja dwar il-“ħarsa konkupixxenti” bħala “adulterju tal-qalb”, iħejju biex nifhmu ż-żwieġ bħala parti ntegranti tal-ordni sagramentali l-ġdida, li tieħu bidu mis-sagrament tar-Redenzjoni, jew aħjar minn dak il-“misteru  kbir” li, bħala misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, jiddeċiedi s-sagramentalità tal-Knisja nfisha. Dawn il-konsiderazzjonijiet, barra minn hekk, iħejju biex jinftiehem iż-żwieġ bħala sagrament tal-Allejanza l-Ġdida, l-opra feddejja ta’ liema tiġi organikament magħquda mal-isfera ta’ dak l-ethos, li fl-analiżi preċedenti ġie ddefinit “ethos tar-redenzjoni”. L-ittra lill-Efesin tesprimi, bil-manjiera tagħha, l-istess verità: infatti, titkellem dwar iż-żwieġ bħala sagrament “kbir” f’kuntest parentiku wiesà, jiġifieri fil-kuntest tal-eżortazzjonijiet ta’ karattru morali, li jikkonċernaw appuntu l-ethos li jmissu jikkwalifika l-ħajja tal-insara, jiġifieri tal-bnedmin konxji mill-elezzjoni li tirrealizza ruħha fi Kristu u fil-Knisja.

6. Fuq dan l-isfond vast tar-riflessjonijiet li joħorġu mill-qari tal-ittra lill-Efesin (cf. speciatim Ef 5, 22-33), wieħed jistà u għandu fl-aħħar imiss mill-ġdid il-problema tas-Sagramenti tal-Knisja. It-test ikkwotat lill-Efesin jitkellem b’mod indirett u, jkolli ngħid, sekondarju, għalkemm suffiċjenti sabiex ukoll din il-problema ssib post fil-konsiderazzjonijiet tagħna. Madankollu ikun sewwa li hawn nippreċiżaw, almenu fil-qosor, is-sens li naddottaw fl-użu tat-terminu “sagrament”, li huwa sinifikattiv għall-konsiderazzjonijiet tagħna

7. Infatti, s’issa nqdejna bit-terminu “sagrament” (mill-banda l-oħra b’mod konformi mat-tradizzjoni bibblika-patristika) (cf. Leone XIII, Acta, vol. II, 1881, p. 22) f’sens iktar wiesà minn dak li huwa propju tat-terminoloġija tejoloġika tradizzjonali u kontemporanja, li mal-kelma “sagrament” tindika s-sinjali stitwiti minn Kristu u amministrati mill-Knisja, liema jesprimu u jagħtu l-grazzja divina lill-persuna li tirċievi s-sagrament relattiv. F’dan is-sens, kull wieħed mis-sebà Sagramenti tal-Knisja huwa kkaratterizzat minn azzjoni liturġika determinata, kostitwita permezz tal-kelma (forma) u l-“materja” sagramentali speċifika – skont it-tejorija ilemorfika mxerrda ġejja minn Tumas D’Aquino u mit-tradizzjoni kollha skolastika.

8.F’relazzjoni ma’ dan is-sinifikat hekk limitat, inqdejna fil-konsiderazzjonijiet tagħna b’sinifikat iktar wiesà u forsi wkoll iktar qadim u iktar fondamentali mit-terminu “sagrament” (cf. Ġwanni Pawlu II, Allocutio in Audientia Generali, die 8 sept. 1982, adnot. 1: vide supra, p. 389). L-ittra lill-Efesin, u speċjalment 5, 22-23, donnha b’mod partikolari tawtorizzana għal dan. Sagrament tfisser hawn il-misteru stess ta’ Alla, li huwa moħbi sa mill-eternità, madankollu mhux f’moħba eterna, imma qabel kollox fl-istess rivelazzjoni u attwazzjoni tiegħu (ukoll: fir-rivelazzjoni permezz tal-attwazzjoni). F’tali sens, tkellimna wkoll dwar is-sagrament tal-ħolqien u tas-sagrament tar-Redenzjoni. A bażi tas-sagrament tal-ħolqien, jew nifhmu s-sagramentalità oriġinarja tas-sagrament taż-żwieġ (sagrament primordjali). Wara, a bażi tas-sagrament tar-Redenzjoni wieħed ikun jistà jifhem is-sagramentalità tal-Knisja, jew pjuttost is-sagramentalità tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja li l-Awtur tal-ittra lill-Efesin jippreżenta fis-similitudni taż-żwieġ, tal-għaqda sponsali tar-raġel miżżewweġ u ta’ martu. Analiżi attenta tat-test turi li f’dan il-każ ma jidħolx biss il-paragun f’sens metaforiku, imma rinnovament reali (jew aħjar “ri-krejazzjoni”, jiġifieri ta’ ħolqien ġdid) ta’ dak li kien jikkostitwixxi l-kontenut feddej (f’ċertu sens is-“sustanza feddejja”) tas-sagrament primordjali. Din l-osservazzjoni għandha sinifikat essenzjali kemm biex tiċċara s-sagramentalità tal-Knisja (u għal dan jirreferu l-kliem tassew sinifikattiv tal-ewwel kapitolu tal-kostituzzjoni Lumen Gentium), kif ukoll biex tifhem is-sagramentalità taż-żwieġ, intenzjonat propju bħala wieħed mis-Sagramenti tal-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

100. ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 27 tsa’ Ottubru 1982

L-Indissolubiltà tas-Sagrament taż-Żwieġ fil-Misteru tar-Redenzjoni tal-Ġisem

1. It-test tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-33) jitkellem dwar is-sagramenti tal-Knisja – b’mod partikolari dwar il-Magħmudija u dwar l-Ewkaristija – imma biss b’mod indirett u f’ċertu sens suġġestiv, waqt li jiżviluppa l-analoġija taż-żwieg b’referenza għall-Kristu u l-Knisja. U hekk naqraw minn qabel li Kristu, li “ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25),  għamel dan “biex jirrendiha qaddisa waqt li jippurifikaha permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma” (Ef 5, 26). Hawn bla ebda dubju ta’ xejn għandu x’jaqsam is-sagrament tal-Magħmudija, li, bl-istituzzjoni ta’ Kristu jiġi sa mill-bidu mogħti lil dawk li jikkonvertu. Il-kliem ikkwotat juri bi plastiċità kbira b’liema mod il-Magħmudija tikseb is-sinifikat essenzjali tagħha u l-qawwa sagramentali tagħha minn dik l-imħabba sponsali tad-Redentur, permezz ta’ liema tikkostitwixxi ruħha speċjalment is-sagramentalità tal-Knisja nnifisha, “sacramentum magnum”. L-istess forsi nistgħu ngħidu wkoll dwar l-Ewkaristija  li donnha tidher indikata mill-kliem li ġej fuq iż-żwieġ tal-propju ġisem, li appuntu kull bniedem jitma u jikkura “bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għaliex aħna membri ta’ ġismu” (Ef5, 29-30). Infatti, Kristu jitma l-Knisja b’ġismu appuntu fl-Ewkaristija.

2. Madankollu wieħed jistà jara li la fl-ewwel u linqas fit-tieni każ ma nistgħu nitkellmu dwar sagramentarja żviluppata b’mod wiesà. Lanqas ma nistgħu nitkellmu meta jkollu x’jaqsam is-sagrament taż-żwieġ bħala wieħed mis-sagramenti tal-Knisja. L-ittra lill-Efesin, waqt li tesprimi ir-rapport sponsali ta’ Kristu mal-Knisja, tippermetti li nifhmu li, a bażi ta’ dan ir-rapport, il-Knisja nfisha hija s-“sagrament il-kbir”, is-sinjal il-ġdid tal-allejanza u tal-grazzja, li jiksbu l-għeruq tagħhom mill-profondità tas-sagrament tar-Redenzjoni, hekk bħalma mill-profondità tas-sagrament tal-ħolqien ħareġ iż-żwieġ, sinjal primordjali tal-allejanza u tal-grazzja.  L-Awtur tal-ittra lill-Efesin jpproklama li dak is-sagrament primordjali jitwettaq b’mod ġdid fis-“sagrament” ta’ Kristu u tal-Knisja. Ukoll għal din ir-raġuni l-Appostlu, fl-istess test “klassiku” lill-Efesin 5, 21-33, idur fuq il-miżżewġin, sabiex ikunu “sottomessi lejn xulxin fil-biżà ta’ Kristu (Ef 5, 21) u jfasslu ħajjithom miżżewġa billi jibnuha fuq is-sagrament istitwit fil-“bidu” mill-Ħallieq: sagrament, li sab il-kobor u l-qdusija definittiva tiegħu fl-allejanza sponsali ta’ grazzja bejn Kristu u l-Knisja.

3. Għalkemm l-ittra lill-Efesin, ma titkellimx b’mod dirett u immedjat dwar iż-żwieġ  bħala wieħed mis-sagramenti tal-Knisja, madankollu is-sagramentalità taż-żwieġ tiġi fiha b’mod partikolari ikkonfermata u approfondita.  Fis-“sagrament il-kbir” ta’ Kristu u l-Knisja l-miżżewġin insara huma msejħa biex ifasslu l-vokazzjoni tagħhom fuq is-sies sagramentali.

4. Wara l-analiżi tat-test klassiku ta’ Efesin 5, 21-33, indirizzat lill-miżżewġin insara, li fih Pawlu jħabbrilhom il-“misteru l-kbir” (“sacramentum magnum”) tal-imħabba sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja,  ikun opportun li nerġgħu lura għal dak il-kliem sinifikattiv tal-Vanġelu, li diġa qabel issottomettejna għal analiżi, waqt li rajna fih l-espressjonijiet-ewlenin għat-tejoloġija tal-ġisem. Kristu jippronunzja dan il-kliem, biex ngħidu hekk, mill-profondità divina tal-“fidwa tal-ġisem” (Rm 8, 23). Dan il-kliem kollu għandu sinifikat fondamentali għall-bniedem appuntu minħabba li huwa huwa ġisem – minħabba li huwa maskju jew femmina. Huwa għandu sinifikat għaż-żwieġ, li fih ir-raġel u l-mara jingħaqdu hekk li jsiru “ġisem wieħed”, skont l-espressjoni tal-ktieb tal- Ġenesi (Ġen 2, 24), għalkemm, fl-istess ħin, il-kliem ta’ Kristu jindika wkoll il-vokazzjoni għar-rażan “għas-saltna tas-smewwiet” (Mt 19, 12).

5. F’kull waħda minn dawn it-toroq “il-fidwa tal-ġisem” mhix biss stennija kbira ta’ dawk li jippossiedu “il-frott bikri tal-Ispirtu” (Rm 8, 23), imma wkoll sors permanenti ta’ tama li l-ħolqien se jkun “meħlus mill-iskjavitù tal-korruzzjoni, biex jidħol fil-libertà tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rm 8, 21). Il-kliem ta’ Kristu ppronunzjat mill-profondita divina tal-misteru tar-Redenzjoni, u tal-“fidwa tal-ġisem”, iħossu fihom il-ħmira ta’ din it-tama: jiftħulha l-prospettiva kemm fid-dimensjoni eskatoloġika kif ukoll fid-dimensjoni tal-ħajja ta’ kuljum. Infatti, il-kliem indirizzat lis-semmiegħa mmedjati huwa ndirizzat fl-istess ħin lill-bniedem “storiku” taż-żminijiet u postijiet differenti. Dak il-bniedem, appuntu, li jippossiedi “il-frott bikri tal-Ispirtu . . . jokrob . . . waqt li jistenna l-fidwa tal-. . . ġisem” (Rm 8, 23). Fih tinġemgħa wkoll t-tama “kożmika” tal-ħolqien kollu, li fih, fil-bniedem, “tistenna bla sabar ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rm 8, 19).

6. Kristu jiddjaloga mal-Fariżej, li jistaqsuh: “Huwa leċitu li raġel jiċħad lil martu propja għall-kwalunkwè raġuni?” (Mt 19, 3); Huma jistaqsuh b’tali mod, appuntu għaliex il-liġi attribwita lil Mosè kienet tammetti l-hekk imsejħa “ittra tar-ripudju” (Dt 24, 1). It-tweġiba ta’ Kristu hija din: “Ma qrajtux li l-Ħallieq sa mill-bidu ħalaqhom maskju u femmina u qal: Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed? Hekk li ma jibqgħux tnejn, imma ġisem wieħed. Dak mela li Alla għaqqad, il-bniedem m’għandux jisseparah” (Mt 19, 4-6). Jekk imbagħad għandha x’taqsam l-“ittra tar-ripudju”, Kristu jwieġeb hekk: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom Mosè ppermettilkom li tiċħdu lin-nisa tagħkom, imma fil-bidu ma kienx hekk. Għalhekk jiena ngħidilkom: kull min jiċħad lil martu propja, jekk mhux fil-każ ta’ konkubinaġġ, u jiżżewweġ oħra, jikkummetti adulterju” (Mt19, 8-9). “Min jiżżewweġ mara miċħuda minn żewġha, jikkummetti adulterju” (Lc 16, 28).

7. L-orizzont tal-“fidwa tal-ġisem” jiftaħ b’dawn il-kelmiet, li jikkostitwixxu t-tweġiba għal domanda konkreta ta’ karattru ġuridiku-morali: jiftaħ, qabel kollox, minħabba l-fatt li Kristu jqiegħed lilu nnifsu fuq il-pjan ta’ dak is-sagrament primordjali,  li l-interlokoturi tiegħu jirtu b’mod singolari, minħabba li jirtu wkoll r-rivelazzjoni tal-misteru tal-ħolqien, miġbur fl-ewwel kapitoli tal-ktieb tal-Ġenesi..

Dawn il-kliem fihom fl-istess ħin tweġiba universali, indirizzata lill-bniedem “storiku” taż-żmenijiet u l-postijiet kollha, għaliex huma deċiżivi għaż-żwieġ u għall-indissolubiltà tiegħu; infatti huma jfakkru dak li huwa l-bniedem, maskju u femmina, dak li sar b’mod irriversibbli minħabba l-fatt li sar “bi xbiha u xebħ ta’ Alla”:  il-bniedem, li ma jiqafx ikun hekk ukoll wara d-dnub tan-nisel, għalkemm dan ċaħħdu mill-innoċenza oriġinarja u mill-ġustizzja.  Kristu li fit-tweġiba għad-domanda tal-Fariżej jagħmel referenza għall-“bidu”, donnu b’tali mod jenfasizza b’mod partikolari il-fatt li huwa jitkellem dwar il-profondità tal-misteru tar-Redenzjoni, u tal-fidwa tal-ġisem. Ir-Redenzjoni infatti, tfisser kważi ħolqien ġdid” – tfisser l-assunzjoni ta’ dak kollu li huwa maħluq:  biex tesprimi fil-ħolqien il-milja ta’ ġustizzja, ta’ ugwaljanza u ta’ qdusija,  ippjanata minn Alla, u biex tesprimi dik il-milja speċjalment fil-bniedem, maħluq bħala maskju u femmina “xbiha ta’ Alla”.

Fil-prospettiva tal-kliem ta’ Kristu ndirizzat lill-Fariżej dwar dak li kien iż-żwieġ “sa mill-bidu”, nerġgħu naqraw ukoll it-test klassiku tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-23) bħala xhieda tas-sagramentalità taż-żwieġ, ibbażatha fuq il-“misteru l-kbir” ta’ Kristu u tal-Knisja.

%d bloggers like this: