Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Marta

Print Friendly, PDF & Email

Fid-29 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Santa Marta, li għexet fl-1 Seklu.

Santa Marta, oħtha Marija u ħuha Lazzru, kienu jgħixu f’Betanja, raħal xi 3 km ’l bogħod minn Ġerusalemm. Jidher li kienu ħbieb ħafna ma’ Ġesù, u kienu spiss jilqgħuh f’darhom. San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu jgħidilna b’mod partikolari li Ġesù kien iħobbhom. (Ġwanni 11:5)

Marta aktarx li kienet il-kbira fost l-aħwa, isimha, bl-Aramajk ifisser il-“Padruna tad-dar.”

Darba waħda, meta Ġesù kien għandhom, hi kienet imħabbta ħafna tnewwel u taqdi, waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Ħin minnhom talbet lil Ġesù jgħid lil Marija biex tmur tgħinha. Ġesù weġibha b’dik is-sentenza stupenda: ” Marta! Marta! Inti taħseb u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.” (Luqa 10:41)

Fil-Vanġelu nerġgħu niltaqgħu ma’ Marta fl-okkażjoni tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. Marta semgħet li Ġesù kien ġej għandhom, u marret tiġri tilqgħu meta kien għadu ftit ’il bogħod mid-dar. Qaltlu: “Mulej, li kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, naf li kull ma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Qalilha Ġesù: ”Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; u kull min hu ħaj u jemmen fija, ma jmut qatt. Temmen dan?” ”Iva, Mulej,” qaltlu hi, “Jien nemmen li int il-Messija, Bin Alla, li ġie fid-dinja.”

Marta marret tiġri d-dar tgħid lil oħtha li kien ġej għandhom Ġesù u li kien staqsa għaliha. Marija ħalliet kollox u marret tiġri tiltaqa’ ma’ Ġesù li kien għadu barra mir-raħal, fejn kienet iltaqgħet miegħu Marta.

Ġesù wasal għandhom meta Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem midfun. Fl-aħħar Ġesù resaq lejn il-qabar fejn kien midfun Lazzru u ordna jneħħu l-ġebla li kienet tagħlaq id-daħla tal-qabar. Marta ħasbet li Ġesù ried jara lil ħabibu għall-aħħar darba u qaltlu: “Imma, Mulej, ilu ġa erbat ijiem mejjet.” Ġesù weġibha: “Mela ma għedtlekx jien, li jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Hawnhekk id-dmugħ tan-niket ta’ dawk preżenti nbidel fi dmugħ ta’ ferħ għax għall-kelma ta’ Ġesù, Lazzru qam mill-mewt. (Ġwanni 11: 1-44)

San Ġwann jerġa’ jsemmi lil Marta waqt ikla li hi u ħutha għamlu lil Ġesù. Hemm ukoll insibu Marta sservi.

Wara din il-ġrajja ma niltaqgħu qatt iktar magħha. Santa Marta hi l-Patruna tan-nisa tad-dar, tal-lukandiera u tal-koki.

Aktar dettali
Meta Ġesù kien fil-Ġudija, spiss kien imur darhom. San Luqa (38:42) jippreżentahielna l-ewwel darba titħabat biex taqdi ’l Ġesù waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Bdiet tgemgem ma’ Ġesù fuq oħtha għaliex ħallietha weħedha titħabat u talbitu biex jgħidilha ħalli tgħinha. Iżda Ġesù fissrilha li l-istess imħabba lejh li kienet iġġagħalha tħabrek biex taqdih, kienet iżżomm lil Marija msaħħra f’riġlejh.

Tennielha isimha darbtejn biex iwissiha bil-ħlewwa li waqt li kienet taqdih, ma kellhiex tgemgem u titlef il-paċenzja; u fl-istess ħin għarrafha li l-ħajja kontemplattiva ma hi xejn anqas għal qalbu mill-ħajja attiva. Anzi, l-aqwa unur li r-ruħ tista’ tagħmillu hi, li tħalli kollox biex tisma’ kliemu, bħalma għamlet Marija li għażlet l-aħjar parti, u dik li tibqa’ anki fis-sema – il-kontemplazzjoni u l-għaqda m’Alla.

Leġġenda tgħid li Marta, flimkien ma’ Marija u ma’ Lazzru, marret Marsilja fejn għexet ġo speċi ta’ għar ma’ nisa oħra u fejn mietet għanja bil-mertu u bil-grazzja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply