101. Kristu jirreferi għaż-żwieġ bħala sagrament fuq bażi tal-misteru tar-Redenzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  24/11/1982.

1. Analizzajna l-ittra lill-Efesin, u speċjalment il-pass tal-kapitolu 5, 22-33, mill-punt di vista tas-sagramentalità taż-żwieġ. Issa neżaminaw mill-ġdid l-istess test mill-ottika tal-kliem tal-Vanġelu.

Il-kliem ta’ Kristu ndirizzat lill-Fariżej (cf. Mt 19) jirreferi għaż-żwieġ bħala sagrament, jew aħjar għar-rivelazzjoni primordjali tar-rieda u tal-operat feddej ta’ Alla “fil-bidu”, fil-misteru stess tal-ħolqien. Minħabba dik ir-rieda u l-operat feddej ta’ Alla, ir-raġel u l-mara, waqt li jingħaqdu bejniethom hekk li jsiru “ġisem wieħed” (Ġen 2, 24), kienu darba waħda ddestinati li jkunu magħquda “fil-verità u fil-karità” bħala wlied Alla (cf.Gaudium et Spes, 24), ulied addottivi fl-Iben Primoġenitu, għażiż mill-eternità. Għal tali għaqda u lejn tali komunjoni ta’ persuni, b’xebħ tal-għaqda tal-persuni divini (cf. Ivi.), huwa ddedikat il-kliem ta’ Kristu, li jirreferi għaż-żwieġ bħala sagrament fuq il-bażi tal-misteru tar-Redenzjoni. Infatti, “l-għaqda tal-ġisem” oriġinarja tar-raġel u tal-mara ma tiqafx timmudella l-istorja tal-bniedem fuq l-art, għalkemm tilfet iċ-ċarezza tas-sagrament, tas-sinjal tal-fidwa, li kienet tippossiedi “fil-bidu”.

2. Jekk Kristu quddiem l-interlokuturi tiegħu, fil-Vanġelu ta’ Mattew u ta’ Marku (cf. Mt 19; Mk10), jikkonferma ż-żwieġ bħala sagrament imwaqqaf mill-Ħallieq “fil-bidu” –jekk b’konformità ma’ dan huwa jesiġi l-indissolubiltà – b’dan stess jiftaħ iż-żwieġ għall-azzjoni feddejja ta’ Alla, għall-qawwiet li jirriżultaw “mill-fidwa tal-ġisem” u li jgħinu biex jegħlbu l-konsegwenzi tad-dnub u biex jibnu l-għaqda tar-raġel u tal-mara skont id-disinn etern tal-Ħallieq. L-azzjoni feddejja li toħroġ mill-misteru tar-Redenzjoni tassumi fiha nfisha l-azzjoni santifikanti oriġinarja ta’ Alla fil-misteru stess tal-Ħolqien..

3. Il-kliem tal-Vanġelu ta’ Mattew (cf. Mt 19, 3-9; Mc 10, 2-12) għandu, fl-istess ħin, elokwenza etika tassew espressiva. Dan il-kliem jikkonferma – a bażi tal-misteru tar-Redenzjoni – is-sagrament primordjali u fl-istess ħin jistabilixxi ethos adegwat, li diġa fir-riflessjonijiet preċedenti tagħna sejjaħna “ethos tar-redenzjoni”. L-ethos evanġeliku u kristjan, fl-essenza tejoloġika tiegħu, huwa l-ethos tar-redenzjoni. Nistgħu bla dubju nsibu għal dak l-ethos interpretazzjoni razzjonali, interpretazzjoni filosofika ta’ karattru personalistiku; madankollu, fl-essenza tejoloġika tiegħu, dan huwa ethos tar-redenzjoni, anzi: “ethos tar-redenzjoni tal-ġisem”. Ir-redenzjoni ssir f’salt wieħed il-bażi biex nifhmu d-dinjità partikolari tal-ġisem uman, radikata fid-dinjità personali tar-raġel u tal-mara. Ir-raġuni ta’ din id-dinjità tinsab appuntu fl-għeruq tal-indissolubiltà tal-allejanza konjugali.

4. Kristu jagħmel referenza għall-karattru indissolubli taż-żwieġ bħala sagrament primordjali u, waqt li jikkonferma dan is-sagrament fuq il-bażi tal-misteru tar-redenzjoni, jiġbed f’ħin minnhom il-konklużjonijiet ta’ natura etika:  “Min jibgħat lil martu u jiżżewweġ oħra, jikkommetti adulterju kontra tagħha; jekk il-mara tibgħat lil żewġha u tiżżewweġ ieħor, tikkommetti adulterju” (Mk 10, 11 s; cf. Mt 19, 9). Wieħed jistà jiddikjara li b’tali mod ir-redenzjoni hija mogħtija lill-bniedem bħala grazzja tal-allejanza l-ġdida ma’ Alla fi Kristu – u fl-istess ħin lilu mogħtija bħala ethos: bħala forma tal-morali korrispondenti għall-azzjoni ta’ Alla fil-misteru tar-Redenzjoni. Jekk iż-żwieġ bħala sagrament huwa sunjal effikaċi tal-azzjoni feddejja ta’ Alla “mill-bidu”, fl-istess ħin – fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu hawn meditati – dan is-sagrament jikkostitwixxi wkoll eżortazzjoni ndirizzata lill-bniedem, maskju u femmina, sabiex jipparteċipa b’mod kuxjenti fir-redenzjoni tal-ġisem.

5. Id-dimensjoni etika tar-redenzjoni tal-ġisem tieħu forma b’mod partikolarment profond, meta nimmeditaw dwar il-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja fejn jidħol il-kmandament “La tikkommettix adulterju”. “Fhimtu dak li ntqal: la tikkommettix adulterju; imma jien ngħidilkom: kull min iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa jkun ikkummetta adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5, 27-28). Ma’ dan il-lapidarju espress minn Kristu preċedentement iddedikajna kumment wiesà, konvinti li hu għandu sinifikat fondamentali għat-tejoloġija tal-ġisem kollu, speċjalment fid-dimensjoni tal-bniedem “storiku”. U għalkemm dan il-kliem ma jirreferix direttament u immedjatament għaż-żwieġ bħala sagrament, madankollu huwa mpossibbli tifridhom mill-bażi sagramentali kollha, f’liema, fejn jirrigwarda l-patt konjugali, ġiet imqiegħda l-eżistenza tal-bniedem, maskju u femmina: kemm fil-kuntest oriġinarju tal-misteru tal-Ħolqien, kif ukoll, wara, fil-kuntest tal-misteru tar-Redenzjoni. Dan il-bażi sagramentali jirrigwarda dejjem lill-persuni konkreti, jippenetra f’dak li huwa r-raġel u l-mara (jew pjuttost f’min hu r-raġel u l-mara) fid-dinjità oriġinarja ta’ xebħ u xbiha ma Alla minħabba l-ħolqien, u fl-istess ħin fl-istess dinjità mirgħuta minkejja d-dnub u mill-ġdid kontinwament “assenjatha” bħala dmir lill-bniedem permezz tar-realtà tar-Redenzjoni.

6. Kristu, li fid-Diskors tal-Muntanja jagħti il-propja interpretazzjoni tal-kmandament “La tikkommettix adulterju – interpretazzjoni kostitwenti tal-ethos il-ġdid – bl-istess kliem lapidarju jagħti bħala dmir lil kull raġel id-dinjità ta’ kull mara; u fl-istess ħin (għalkemm mit-test dan jirriżulta biss b’mod indirett) jagħti wkoll lil kull mara id-dinjità ta’ kull raġel (It-test ta San Mark li jitkellem dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ jiddikjara b’mod ċar li wkoll il-mara ssir soġġett tal-adulterju, meta tibgħat lil żewġha u tiżżewweġ ieħor [cf. Mk 10, 12]). Jagħti fl-aħħar lil kull wieħed – kemm lir-raġel kif ukoll lill-mara – il-propja dinjità: f’ċertu sens, is-“sacrum” tal-persuna, u dan f’konsiderazzjoni tal-femminilità jew il-maskulinità tiegħu, f’konsiderazzjoni tal-“ġisem”. Mhuwiex diffiċli li wieħed jinnota li l-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja jirrigwarda l-ethos. Fl-istess ħin, mhuwiex diffiċli li wieħed jiddikjara, wara riflessjoni profonda, li tali kliem joħroġ mill-profondità stess tar-Redenzjoni tal-ġisem. Għalkemm dan ma jirreferix direttament għaż-żwieġ bħala sagrament, mhux diffiċli nosservaw li jilħaq is-sinifikat propju u sħiħ tiegħu fejn jidħol is-sagrament: kemm dak primordjali, li hu magħqud mal-misteru tal-Ħolqien, kif ukoll dak li fih il-bniedem “storiku”, wara d-dnub u minħabba l-pekkaminożità tiegħu ereditarja, irid isib d-dinjità u l-qdusija tal-għaqda konjugali “fil-ġisem”, a bażi tal-misteru tar-Redenzjoni.

7. Fid-Diskors tal-Muntanja – kif ukoll fid-djalogu mal-Fariżej dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ – Kristu jitkellem dwar dak il-misteru divin. U fl-istess ħin huwa jippenetra fil-profondità nfisha tal-misteru uman. Għalhekk jerġà jmur lura għall-“qalb”, għal dak il-“post intimu”, li fih jissieltu fil-bniedem it-tajjeb u l-ħażin, id-dnub u l-ġustizzja, il-konkupixxenza u l-qdusija. Waqt li nitkellmu dwar il-konkupixxenza (dwar il-ħarsa konkupixxenti) (cf.Mt 5, 28), Kristu jirrendi konsapevoli lis-semmiegħa tiegħu li kull wieħed iġorr ġo fih, flimkien mal-misteru tad-dnub, id-dimensjoni interjuri “tal-bniedem tal-konkupixxenza” (li hija tripla: “konkupixxenza tal-ġisem, konkupixxenza tal-għajnejn, u suppervja tal-ħajja”) (1 Gw 2, 16). Propju lil dan il-bniedem tal-konkupixxenza huwa mogħti fiż-żwieġ is-sagrament tar-Redenzjoni bħala grazzja u sinjal tal-allejanza ma’ Alla – u lilu huwa assenjat “bħala ethos”. U fl-istess ħin , in relazzjoni maż-żwieġ bħala sagrament, dan huwa assenjat bħala ethos lil kull bniedem, maskju u femmina: huwa assenjat lil “qalbu” , lill-kuxjenza tiegħu, lill-ħars tiegħu u lill-imġiebtu. Iż-żwieġ – skont il-kliem ta’ Kristu (cf. Mt 19, 4) – huwa sagrament tal-“bidu” stess u fl-istess ħin, a bażi tal-pekkaminożità “storika” tal-bniedem, huwa sagrament li ħareġ mill-misteru tar-“redenzjoni tal-ġisem”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: