103. Iż-żwieġ bħala sagrament minn banda jiġi presuppost u mill-oħra, riskopert

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  15/12/1982.

1. L-Awtur tal-ittra lill-Efesin, kif diġa rajna, jitkellem minn “misteru kbir”, magħqud mas-sagrament primordjali permezz tal-kontinwità tal-pjan feddej ta’ Alla. Hu wkoll jeħodna lura għall-“bidu”, bħalma għamel Kristu fid-djalogu mal-Fariżej  (cf. Mt 19, 8), waqt li kkwota l-istess kliem: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).

Dak “il-misteru kbir” huwa b’mod speċjali il-misteru tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja, li l-Appostlu jippreżenta fis-similirudni tal-għaqda tal-miżżewġin: “Dan ngħidu b’referenza għal Kristu u għall-Knisja” (Ef 5, 32). Ninsabu fl-isfera tal-analoġija l-kbira, li fiha iż-żwieġ bħala sagrament minn banda jiġi presuppost u mill-oħra, riskopert.  Jiġi presuppost bħala sagrament tal-“bidu” uman, marbut mal-misteru tal-ħolqien. U jiġi minflok riskopert bħala frott tal-imħabba sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja, marbut mal-misteru tar-Redenzjoni.

2. L-Awtur tal-ittra lill-Efesin, waqt li jindirizza direttament lill-miżżewġin, iħeġgiġhom biex jimmudellaw ir-rapport reċiproku tagħhom fuq il-mudell tal-għaqda sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja. Wieħed jistà jgħid li – waqt li prenissopponu is-sagramentalità taż-żwieġ fis-sinifikat primordjali tiegħu – jordnalhom biex isibu mill-ġdid dan is-sagrament tal-għaqda sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja: “U intom irġiel miżżewġa, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa . . .” (Ef 5, 25-26). Din l-istedina, indirizzata mill-Appostlu lill-miżżewġin insara, għandha l-motivazzjoni sħiħa tagħha in kwantu huma, permezz taż-żwieġ bħala sagrament, jipparteċipaw fl-imħabba feddejja ta’ Kristu, li tesprimi lilha nfisha fl-istess ħin bħala mħabba sponsali tiegħu lejn il-Knisja. Fid-dawl tal-ittra lill-Efesin – appuntu permezz tal-parteċipazzjoni f’din l-imħabba feddejja ta’ Kristu – jiġi kkonfermat u fl-istess ħin tinnovat iż-żwieġ bħala sagrament tal-“bidu” uman, jiġifieri sagrament li fih ir-raġel u l-mara, imsejħa biex isiru “ġisem wieħed”, jipparteċipaw fl-imħabba ħallieqa ta’ Alla nnifsu. U jipparteċipaw, kemm minħabba l-fatt li, maħluqin xbiha ta’ Alla, ġew imsejħa minħabba din ix-xbiha għal għaqda partikulari (“communio personarum”), kif ukoll għaliex din l-istess għaqda kienet sa mill-bidu mbierka bil-barka tal-fertilità (cf. Ġen 1, 28).

3. Din l-istruttura kollha oriġinarja u stabbli taż-żwieġ bħala sagrament tal-misteru tal-ħolqien – skont it-test “klassiku” tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 21-33) – tiġġedded fil-misteru tar-Redenzjoni, meta dak il-misteru jassumi l-aspett tal-gratifikazzjoni sponsali tal-Knisja da parti ta’ Kristu. Dik il-forma oriġinarja u stabbli taż-żwieġ, tiġġedded meta l-għarajjes jirċevuh bħala sagrament tal-Knisja, waqt li tikseb mill-profondità l-ġdida tal-gratifikazzjoni tal-bniedem da parti ta’ Alla, li kienet żvelata u miftuħa mill-misteru tar-Redenzjoni, meta “Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa . . .” (Ef 5, 25-26). Tiġġedded dik ix-xbiha oriġinarja u stabbli taż-żwieġ bħala sagrament, meta l-miżżewġin insara – konsapevoli tal-awtentika profondità tar-“redenzjoni tal-ġisem” – jingħaqdu fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21).

4. Ix-xbiha pawlina taż-żwieġ, miktuba fil-“misteru l-kbir” ta’ Kristu u tal-Knisja, iqarreb id-dimensjoni redentriċi tal-imħabba għad-dimensjoni sponsali. F’ċertu sens jgħaqqad dawn iż-żewġ dimensjonijiet f’waħda biss. Kristu sar l-għarus tal-Knisja, iżżewweġ lill-Knisja bħala l-għarusa tiegħu, għaliex “ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25). Permezz taż-żwieġ bħala sagrament (bħala wieħed mis-sagramenti tal-Knisja) dawn iż-żewġ dimensjonijiet tal-imħabba, dik sponsali u dik redentriċi, flimkien mal-grazzja tas-sagrament, jippenetraw fil-ħajja tal-miżżewġin. Is-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu, li  immanifesta ruħu l-ewwel darba fil-misteru tal-ħolqien fuq l-isfond tal-innoċenza oriġinarja tal-bniedem, jiġi marbut max-xbiha tal-ittra lill-Efesin mas-sinifikat redentur, u b’tali mod konfermat u f’ċertu sens “maħluq mill-ġdid”.

5. Dan huwa mportanti rigward iż-żwieġ, Għall-vokazzjoni nisranija tal-irġiel miżżewġa u tan-nisa miżżewġa. It-test tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 21-33) jindirizza direttament lilhom u jkellem b’mod speċjali lilhom. Madankollu, dak il-kollegament tas-sinifikat sponsali tal-ġisem mas-sinifikat “redentur” tiegħu huwa ugwalment essenzjali u validu għall-ermenewtika tal-bniedem inġenerali: għall-problema fundamentali tal-fehim tiegħu u tal-awto-fehim tal-eżistenza tiegħu fid-dinja. Huwa ovvju li ma nistgħux neskludu minn din il-problema l-interrogattiv dwar is-sens li tkun ġisem, dwar is-sens tal-eżistenza, inkwantu ġisem, raġel u mara. Dawn l-interrogattivi saru l-ewwel darba fir-rigward mal-analiżi tal-“bidu” uman, fil-kuntest tal-ktieb tal-Ġenesi. Kien dak il-kuntest stess, f’ċertu sens,li jesiġi li jsiru. Ugwalment dan jitolbu t-test “klassiku” tal-ittra lill-Efesin. U jekk il-“misteru l-knir” tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja tobbligana li ngħaqqdu s-sinifikat sponsali tal-ġisem mas-sinifikat redentur tiegħu, f’tali kollegament il-miżżewġin isibu t-tweġiba għall-interrogattiv dwar is-sens li “tkun ġisem”, u mhux huma biss, għalkemm b’mod speċjali lilhom huwa ndirizzat dan it-test tal-ittra tal-Appostlu.

6. Ix-xbiha pawlina tal-“misteru l-kbir” ta’ Kristu u tal-Knisja titkellem b’mod indirett ukoll dwar ir-“rażan għas-saltna tas-smewwiet”, li fih iż-żewġ dimensjonijiet tal-imħabba, sponsali u redentur, jingħaqdu b’mod reċiproku b’mod differenti minn dak matrimonjali, skont proporzjonijiet differenti. Mhijiex forsi dik l-imħabba sponsali, li biha Kristu “ħabb lill-Knisja”, l-għarusa tiegħu, “u ta lilu nnifsu għaliha”, ugwalment l-iktar inkarnazzjoni sħiħa tal-ideal tar-“rażan għas-saltna tas-smewwiet” (cf. Mt 19, 12)? Ma jsibux sapport propju fiha dawk kollha – irġiel u nisa – li, waqt li jagħżlu l-istess ideal, jixtiequ jgħaqqdu d-dimensjoni sponsali tal-imħabba mad-dimensjoni redentriċi, skont il-mudell ta’ Kristu stess? Huma jixtiequ jikkonfermaw b’ħajjithom li s-sinifikat sponsali tal-ġisem – tal-maskulinità u l-femminilità tiegħu – profondament minqux fl-istruttura essenzjali tal-persuna umana, ġie miftuħ b’mod ġdid, min-naħa ta’ Kristu u bl-eżempju ta’ ħajtu, għat-tama magħquda mar-redenzjoni tal-ġisem. Hekk, mela, il-grazzja tal-misteru tar-Redenzjoni tiffruttifika wkoll – anzi tiffruttifika b’mod partikolari – mal-vokazzjoni tar-rażan “għas-saltna tas-smewwiet”.

7. It-test tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-23) ma jitkellimx b’mod espliċitu. Dan huwa ndirizzat lill-miżżewġin u mibni skont ix-xbiha taż-żwieġ, li permezz tal-analoġija jispjega l-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja: għaqda fl-imħabba redentriċi u sponsali flimkien. Mhijiex jewwilla appuntu din l-imħabba li, bħala espressjoni ħajja u vivifikanti tal-misteru tar-Redenzjoni, teċċedi ċ-ċirku tad-destinatarji tal-ittra limitati mill-analoġija taż-żwieġ? Ma jħaddanx kull bniedem, u f’ċertu sens, il-ħolqien kollu, kif jindika t-test pawlin dwar ir-“redenzjoni tal-ġisem” fl-ittra lir-Rumani (cf. Rm 8, 23)? Is-“sacramentum magnum” f’tali sens huwa saħansitra sagrament ġdid tal-bniedem fi Kristu u fil-Knisja: sagrament “tal-bniedem u tad-dinja”, hekk bħalma l-ħolqien tal-bniedem, maskju u femmina, xbiha ta’ Alla kien is-sagrament oriġinarju tal-bniedem u tad-dinja. F’dan is-sagrament ġdid tar-redenzjoni hemm minqux b’mod organiku ż-żwieġ, hekk bħal ma kien minqux fis-sagrament oriġinarju tal-ħolqien.

8. Il-bniedem li “sa mill-bidu” huwa masakju u femmina, irid ifittex is-sens tal-eżistenza tiegħu u s-sens tal-umanità tiegħu sa ma jasal sal-misteru tal-ħolqien permezz tar-realtà tar-Redenzjoni. Hemm isib ukoll it-tweġiba essenzjali għall-interrogattiv dwar is-sinifikat tal-ġisem uman, dwar is-sinifikat tal-maskulinità u l-femminilità tal-persuna umana. L-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja tippermettilna li nifhmu b’liema mod is-sinifikat sponsali tal-ġisem jitwettaq bis-sinifikat redentur, u dan fit-toroq differenti tal-ħajja u fid-diversi sitwazzjonijiet: mhux biss fiż-żwieġ jew fir-“rażan” (jew aħjar verġinità jew ċelibat), imma wkoll, per eżempju, fis-sofferenza umana versatili, anzi: fl-istess twelid u mewt. Permezz tal-“misteru l-kbir”, li dwaru tittratta l-ittra lill-Efesin, permezz tal-allejanza l-ġdida ta’ Kristu mal-Knisja, iż-żwieġ jiġi mill-ġdid minqux f’dak is-“sagrament tal-bniedem” li jħaddan l-univers, fis-sagrament tal-bniedem u tad-dinja, li grazzi għall-qawwiet tar-“redenzjoni tal-ġisem” jimmudella ruħu skont l-imħabba sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja sal-miżura tat-twettiq definittiv fis-saltna tal-Missier.

Iż-żwieġ bħala sagrament jibqà parti ħajja u vivifikanti ta’ dan il-proċess feddej.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: